Skrittura
Alma 41


Kapitlu 41

Fil‑Qawmien il‑bnedmin se jitqajmu għal stat ta’ hena bla tmiem jew miżerja bla tmiem—Il‑ħażen qatt ma kien ferħ—Il‑bnedmin karnali jinsabu fid‑dinja mingħajr Alla—Fir‑Restawrazzjoni kull persuna tirċievi mill‑ġdid il‑karatteristiċi u l‑kwalitajiet li tkun kisbet fil‑ħajja mortali. Madwar 74 Q.K.

1 U issa, ibni, għandi xi ħaġa xi ngħid dwar ir‑restawrazzjoni li tkellimt dwarha qabel; għax ara, xi wħud għawġu kemm felħu l‑iskrittura, u minħabba f’hekk spiċċaw intilfu. U nista’ nara li inti wkoll ilek tinkwieta mhux ħażin dwar dil‑ħaġa. Iżda ara, ħalli nispjegahielek.

2 Jiena ngħidlek, ibni, li l‑pjan tar‑restawrazzjoni huwa meħtieġ skont il‑ġustizzja ta’ Alla; għax hemm bżonn li kollox jerġa’ lura għall‑ordni xierqa tiegħu. Ara, huwa meħtieġ u ġust, skont il‑qawwa u l‑qawmien ta’ Kristu, li ruħ il‑bniedem terġa’ tingħaqad ma’ ġisimha, u li kull parti tal‑ġisem terġa’ lura f’postha.

3 U fejn tidħol il‑ġustizzja ta’ Alla huwa meħtieġ li l‑bnedmin isir ħaqq minnhom skont għemilhom; u jekk f’dil‑ħajja għemilhom kien tajjeb, u x‑xewqat ta’ qalbhom kienu tajbin, huma wkoll, fl‑aħħar jum, jerġgħu lura għal dak li hu tajjeb.

4 U jekk għemilhom kien ħażin huma jitreġġgħu lura għall‑ħażen. Għalhekk, kollox jerġa’ lura għall‑ordni xierqa tiegħu, kull ħaġa għall‑istruttura naturali tagħha—il‑mortalità titqajjem għall‑immortalità, it‑taħsir għan‑nuqqas ta’ taħsir—kull ħaġa se titqajjem għal hena bla tmiem biex tiret is‑saltna ta’ Alla, jew għal miżerja bla tmiem biex tiret is‑saltna tax‑xitan, waħda fuq naħa, u l‑oħra fuq naħa oħra—

5 Wieħed jiġi mqajjem għall‑ferħ skont ix‑xewqat tiegħu ta’ ferħ, jew għat‑tajjeb, skont ix‑xewqat tiegħu ta’ tjubija; u l‑ieħor għall‑ħażen skont ix‑xewqat tiegħu ta’ ħażen; għax peress li huwa xtaq iwettaq il‑ħażen il‑jum kollu mela għalhekk huwa se jikseb il‑premju ta’ ħażen tiegħu hekk kif jasal il‑lejl.

6 U mill‑banda l‑oħra jiġri l‑istess ħaġa. Jekk huwa nidem minn dnubietu, u xtaq dak li huwa sewwa sal‑aħħar ta’ ħajtu, bl‑istess mod huwa jikseb dak li huwa sewwa bħala l‑premju.

7 Dawn huma dawk li ġew mifdijin mill‑Mulej; iva, dawn huma dawk li jinħarġu, li jinħelsu minn dak il‑lejl ta’ dlam bla tmiem; u għalhekk huma jew jibqgħu weqfin jew inkella jaqgħu; għax ara, huma l‑imħallfin tagħhom stess, jekk jagħmlux it‑tajjeb jew il‑ħażin.

8 Issa, id‑digrieti ta’ Alla ma jinbidlux; għalhekk, it‑triq tinsab imħejjija biex kull min irid jista’ jimxi fiha u jsalva.

9 U issa ara, ibni, tażżardax toffendi għal darb’oħra lil Alla tiegħek fuq dawk il‑punti ta’ duttrina li dwarhom s’issa ażżardajt li tidneb.

10 Ara taħseb, għax kien hemm min tkellem dwar ir‑restawrazzjoni, li inti se tgħaddi mid‑dnub għall‑ferħ. Ara, jiena ngħidlek, li l‑ħażen qatt ma kien ferħ.

11 U issa, ibni, il‑bnedmin kollha li jinsabu fi stat naturali, jew aħjar, fi stat karnali, għaddejjin minn ħafna mrar, u jinsabu fil‑jasar tal‑ħażen; huma jinsabu fid‑dinja mingħajr Alla, u ħaduha kontra n‑natura ta’ Alla; għalhekk, huma jinsabu fi stat li jmur kontra n‑natura tal‑ferħ.

12 U issa ara, it‑tifsira tal‑kelma restawrazzjoni hi li taqbad xi ħaġa mill‑istat naturali tagħha u tpoġġiha fi stat mhux naturali, jew tpoġġiha fi stat li jmur kontra n‑natura tagħha?

13 O, ibni, dan mhux il‑każ; iżda t‑tifsira tal‑kelma restawrazzjoni hi li l‑ħażen terġa’ ġġibu lura għall‑ħażen, jew il‑karnali għall‑karnali, jew l‑imxajtan għall‑imxajtan—it‑tajjeb għal dak li hu tajjeb; is‑sewwa għal dak li hu sewwa; il‑ġust għal dak li hu ġust; il‑ħanin għal dak li hu ħanin.

14 Għalhekk, ibni, ara li tkun ħanin ma’ ħutek; imxi magħhom b’ġustizzja, agħmel ħaqq bis‑sewwa, u agħmel dejjem il‑ġid; u jekk tagħmel dan kollu inti tikseb il‑premju li ħaqqek; iva, tintradd lura lilek mill‑ġdid il‑ħniena; iva, tintradd lura lilek mill‑ġdid il‑ġustizzja; iva, jintradd lura lilek mill‑ġdid ġudizzju ġust; u inti tiġi ppremjat mill‑ġdid bis‑sewwa.

15 Għax dak li inti tibgħat jerġa’ jiġi lura għandek, u jiġi rrestawrat; għalhekk, il‑kelma restawrazzjoni tikkundanna b’mod aktar sħiħ lill‑midneb, u ma tiġġustifikah bl‑ebda mod.