Skrittura
Alma 38


Il‑kmandamenti ta’ Alma lil ibnu Xiblon.

Jikkonsisti minn kapitlu 38.

Kapitlu 38

Xiblon kien ippersegwitat minħabba s‑sewwa—Is‑salvazzjoni tinsab fi Kristu, li huwa l‑ħajja u d‑dawl tad‑dinja—Rażżnu l‑passjonijiet kollha tagħkom. Madwar 74 Q.K.

1 Ibni, agħti widen għal kliemi, għax jiena ngħidlek, l‑istess kif għidt lil Ħelaman, li diment li inti tibqa’ tħares il‑kmandamenti ta’ Alla inti jkollok ir‑risq fl‑art; u jekk ma tħarisx il‑kmandamenti ta’ Alla inti tispiċċa tinqata’ mill‑preżenza tiegħu.

2 U issa, ibni, inħoss li verament għandi biex nithenna bik, minħabba l‑fermezza tiegħek u l‑fedeltà tiegħek lejn Alla; għax kif inti ilek miż‑żgħożija tiegħek tħares lejn il‑Mulej Alla tiegħek, bl‑istess mod nittama li inti tkompli tħares il‑kmandamenti tiegħu; għax imbierek hu dak li jibqa’ sħiħ sal‑aħħar.

3 Jiena ngħidlek, ibni, li jiena ili nithenna bik, minħabba l‑fedeltà tiegħek u d‑diliġenza tiegħek, u l‑paċenzja u s‑sabar li inti wrejt mal‑poplu Żoramita.

4 Għax jiena naf li inti kont tinsab fil‑jasar; iva, u naf ukoll li inti ġejt imħaġġar minħabba l‑kelma; u inti ġarrabt b’sabar dan kollu għax il‑Mulej kien miegħek; u inti issa taf li int ġejt meħlus mill‑Mulej.

5 U issa ibni, Xiblon, nixtieqek iżżomm f’moħħok li diment li inti tibqa’ tafda f’Alla inti se tibqa’ tiġi meħlus mill‑isfidi tiegħek, u mill‑inkwiet tiegħek, u mit‑taħbit tiegħek, u inti tiġi mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum.

6 Issa, ibni, ma rridekx taħseb li jien naf dawn il‑ħwejjeġ minħabba l‑għarfien tiegħi, iżda huwa l‑Ispirtu ta’ Alla li jinsab fija li jiżvelali dawn il‑ħwejjeġ; għax li kieku mhux għax ġejt imwieled minn Alla ma kontx inkun naf dawn il‑ħwejjeġ.

7 Iżda ara, il‑Mulej fil‑ħniena kbira tiegħu bagħat l‑anġlu tiegħu biex iħabbarli li kelli nieqaf inwettaq l‑għemejjel tal‑qerda fost il‑poplu tiegħu; iva, u jiena rajt anġlu quddiem wiċċi, u hu tkellem miegħi, u leħnu kien bħar‑ragħad, u riegħed l‑art kollha.

8 U ġara li jiena għaddejt tlett ijiem u tlett iljieli b’ruħi mifnija bl‑uġigħ u n‑niket; u fl‑ebda ħin, qabel ma jiena tlabt bil‑ħrara lill‑Mulej Ġesù Kristu għall‑ħniena, ma ksibt maħfra ta’ dnubieti. Iżda ara, jiena sejjaħtlu u ksibt il‑paċi f’ruħi.

9 U issa, ibni, jien għidtlek dan biex tkun tista’ tikseb l‑għerf, ħalli tkun tista’ titgħallem minni li m’hawn l‑ebda mod jew mezz ieħor li permezz tiegħu l‑bniedem jista’ jsalva, għajr fi Kristu u permezz ta’ Kristu. Ara, huwa l‑ħajja u d‑dawl tad‑dinja. Ara, huwa l‑kelma tal‑verità u s‑sewwa.

10 U issa, hekk kif inti bdejt tgħallem il‑kelma nixtieqek tkompli tgħallem; u nixtieqek tkun diliġenti u meqjus f’kull ħaġa.

11 Ara li inti ma titkabbarx; iva, ara li ma toqgħodx tiftaħar bl‑għerf tiegħek, jew bil‑qawwa tiegħek.

12 Kun ċar, iżda tkunx arroganti; u ara wkoll li trażżan il‑passjonijiet kollha tiegħek, ħalli tkun tista’ timtela bl‑imħabba; ara li ma toqgħodx titgħażżen.

13 Titlobx kif jitolbu ż‑Żoramiti, għax inti rajt li huma jitolbu biex jisimgħuhom in‑nies, ħalli joqogħdu jfaħħruhom għall‑għerf tagħhom.

14 Tgħidx: O Alla, inroddlok ħajr talli aħna aħjar minn ħutna; iżda minflok għid: O Mulej, aħfirli għall‑indenjità tiegħi, u ftakar f’ħuti bi ħniena—iva, stqarr l‑indenjità tiegħek quddiem Alla f’kull ħin.

15 U jalla l‑Mulej iberiklek ruħek, u jilqak fis‑saltna tiegħu fl‑aħħar jum, biex hemm inti tgħammar fis‑sliem. Issa mur, ibni, u għallem il‑kelma lil dan il‑poplu. Kun meqjus. Ibni, saħħa.