Skrittura
Alma 37


Kapitlu 37

Il‑pjanċi tal‑bronż u skrittura oħra ġew imħarsa biex iwasslu l‑erwieħ għas‑salvazzjoni—Il‑Ġarediti nqerdu minħabba ħżunithom—Il‑ġuramenti u l‑patti sigrieti tagħhom jeħtieġ li jinżammu mistura min‑nies—Ħudu parir mingħand il‑Mulej f’kulma tagħmlu—Hekk kif il‑Liahona kienet ta’ gwida għan‑Nefiti, bl‑istess mod il‑kelma ta’ Kristu tmexxi lill‑bnedmin lejn il‑ħajja ta’ dejjem. Madwar 74 Q.K.

1 U issa, ibni Ħelaman, nordnalek biex tieħu għandek l‑annali li ġew fdati f’idejja;

2 U nordnalek ukoll biex tikteb l‑istorja ta’ dan il‑poplu, kif għamilt jien, fuq il‑pjanċi ta’ Nefi, u dal‑ħwejjeġ kollha ħarishom b’mod sagru kif ħaristhom jiena, l‑istess kif għamilt jien; għax jeħtieġ li jiġu mħarsa għal għan għaqli.

3 U dawn il‑pjanċi tal‑bronż, li fihom din l‑inċiżjoni, li fuqhom hemm il‑kitba tal‑iskrittura mqaddsa, li fihom l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietna, sa mill‑qedem—

4 Ara, ġie mbassar minn missirijietna, li huma għandhom jiġu mħarsa u jgħaddu minn ġenerazzjoni għall‑oħra, u li sejrin jiġu mħarsa u ppreservati permezz ta’ id il‑Mulej sakemm jiġu żvelati lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu, ħalli huma jkunu jafu bil‑misteri li hemm fihom.

5 U issa ara, jekk huma jiġu mħarsa jeħtieġ li jibqgħu jżommu d‑dija tagħhom; iva, u l‑istess il‑pjanċi kollha li fihom dik li hija kitba mqaddsa.

6 Issa int taf taħseb li din mhi xejn ħlief bluha min‑naħa tiegħi; iżda ara, jiena ngħidlek, li permezz ta’ ħwejjeġ żgħar u sempliċi jiġu fis‑seħħ ħwejjeġ kbar; u ħafna drabi mezzi żgħar iħawdu l‑għorrief.

7 U l‑Mulej Alla jaħdem permezz ta’ ċerti mezzi biex iġib fis‑seħħ l‑għanijiet kbar u eterni tiegħu; u permezz ta’ mezzi żgħar il‑Mulej iħawwad lill‑għorrief u jġib fis‑seħħ is‑salvazzjoni ta’ ħafna erwieħ.

8 U s’issa, kien għerf f’Alla li dawn il‑ħwejjeġ għandhom jiġu mħarsa; għax ara, huma kabbru l‑għarfien ta’ dan il‑poplu, iva, u kkonvinċew lil ħafna dwar id‑drawwiet żbaljati tagħhom, u wassluhom għall‑għarfien ta’ Alla tagħhom għas‑salvazzjoni ta’ ruħhom.

9 Iva, jiena ngħidlek, li kieku ma kienx għal dawn il‑ħwejjeġ li hawn f’dawn l‑annali, li jinsabu fuq dawn il‑pjanċi, Għammon u ħutu qatt ma kienu jikkonvinċu eluf u eluf ta’ Lamaniti dwar id‑drawwa żbaljata ta’ missirijiethom; iva, dawn l‑annali u kliemhom wassluhom għall‑indiema; jiġifieri, wassluhom għall‑għarfien tal‑Mulej Alla tagħhom, u biex huma jithennew f’Ġesù Kristu l‑Feddej tagħhom.

10 U min jaf jekk forsi jistgħux ikunu l‑mezz li bih jitwasslu eluf u eluf minnhom, iva, kif ukoll eluf u eluf minn ħutna n‑Nefiti ta’ rashom iebsa, li bħalissa jinsabu jwebbsu qalbhom bid‑dnub u l‑ħażen, għall‑għarfien tal‑Feddej tagħhom?

11 Issa dawn il‑misteri għadhom ma ġewx żvelati għalkollox lili; għalhekk m’iniex se nitkellem aktar dwarhom.

12 Biżżejjed għalija li ngħid li huma qed jiġu mħarsa għal għan għaqli, liema għan jaf bih Alla; għax huwa jmexxi b’għaqal il‑ħidmiet kollha tiegħu, u l‑mogħdijiet tiegħu huma dritti, u l‑mixja tiegħu hija ċirkwit wieħed etern.

13 O ftakar, ftakar, ibni Ħelaman, kemm huma stretti l‑kmandamenti ta’ Alla. U huwa qal: Jekk tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom ikollkom ir‑risq fl‑art—iżda jekk ma tħarisx il‑kmandamenti tiegħu tispiċċa tinqata’ mill‑preżenza tiegħu.

14 U issa ftakar, ibni, li Alla fdalek f’idejk dawn il‑ħwejjeġ, li huma sagri, li hu żammhom sagri, u li se jħarishom u jippreservahom ukoll għal għan għaqli għalih, ħalli huwa jkun jista’ juri l‑qawwa tiegħu lil ġenerazzjonijiet futuri.

15 U issa ara, permezz tal‑ispirtu tal‑profezija jiena ngħidlek li jekk inti tikser il‑kmandamenti ta’ Alla, ara, dawn il‑ħwejjeġ li huma sagri jittieħdu mingħandek permezz tal‑qawwa ta’ Alla, u int tingħata f’idejn Satana, ħalli jkun jista’ jgħarblek bħal karfa mar‑riħ.

16 Iżda jekk inti tħares il‑kmandamenti ta’ Alla, u tuża dawn il‑ħwejjeġ sagri skont kif jordnalek il‑Mulej, (għax int għandek tikkonsulta lill‑Mulej f’kull ħaġa li għandha x’taqsam magħhom) ara, l‑ebda qawwa fid‑dinja jew fl‑infern ma tkun tista’ teħodhomlok, għax Alla għandu l‑qawwa li jwettaq dak kollu li jgħid.

17 Għax huwa jwettaq il‑wegħdiet kollha li huwa se jagħmel miegħek, għax hu wettaq il‑wegħdiet li huwa għamel ma’ missirijietna.

18 Għax huwa wiegħedhom li hu kien sejjer iħares dawn il‑ħwejjeġ għal għan għaqli għalih, ħalli jkun jista’ juri l‑qawwa tiegħu lil ġenerazzjonijiet futuri.

19 U issa ara, għan wieħed huwa diġà wettqu, sewwasew ir‑restawrazzjoni ta’ eluf u eluf ta’ Lamaniti għall‑għarfien tal‑verità; u hu wera l‑qawwa tiegħu permezz tagħhom, u huwa jkompli juri l‑qawwa tiegħu permezz tagħhom lil ġenerazzjonijiet futuri; għalhekk huma se jkunu mħarsa.

20 Għalhekk ibni Ħelaman, jiena nordnalek biex inti twettaq bir‑reqqa dak kollu li jiena għidt, u tħares bir‑reqqa il‑kmandamenti ta’ Alla kif inhuma miktubin.

21 U issa, se nkellmek dwar dawk l‑erbgħa u għoxrin pjanċa, ara li tħarishom, ħalli l‑misteri u l‑għemejjel tad‑dlam, u l‑għemejjel sigrieti, jew l‑għemejjel sigrieti ta’ dawk in‑nies li ġew meqruda, ikunu jistgħu jiġu esposti ma’ dan il‑poplu; iva, il‑qtil u s‑serq kollu tagħhom, u l‑issakkeġġar tagħhom, u l‑ħażen kollu u l‑għemejjel mistkerrha kollha tagħhom, jiġu esposti ma’ dan il‑poplu; iva, u ara li tħares dawn l‑interpreti.

22 Għax ara, il‑Mulej ra li dawn in‑nies bdew iwettqu l‑għemejjel tad‑dlam, iva, bdew iwettqu bil‑moħbi qtil u għemejjel mistkerrha; għalhekk il‑Mulej qal, jekk huma ma jindmux jeħtieġ li huma jinqerdu minn fuq wiċċ l‑art.

23 U l‑Mulej qal: Lill‑qaddej tiegħi Gażelem se nħejjilu ġebla, li se tiddi d‑dawl meta tkun fid‑dlam, ħalli jien nkun nista’ niżvela lin‑niesi l‑qaddejja tiegħi, ħalli nkun nista’ niżvelalhom l‑għemejjel ta’ ħuthom, iva, l‑għemejjel sigrieti tagħhom, l‑għemejjel tad‑dlam tagħhom, u l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom.

24 U issa, ibni, dawn l‑interpreti ġew imħejjija sabiex il‑kelma ta’ Alla tkun tista’ tiġi fis‑seħħ, meta huwa qal:

25 Jiena noħroġ ’il barra mid‑dlam għad‑dawl l‑għemejjel sigrieti u mistkerrha tagħhom; u jekk huma ma jindmux jiena neqridhom minn fuq wiċċ l‑art; u noħroġ għad‑dawl is‑sigrieti u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom, quddiem kull ġens li jiret l‑art minn issa ’l quddiem.

26 U issa, ibni, qed naraw li huma ma nidmux; għalhekk huma spiċċaw biex inqerdu, u sa issa l‑kelma ta’ Alla ġiet fis‑seħħ; iva, l‑għemejjel mistkerrha u sigrieti tagħhom inħarġu ’l barra mid‑dlam u ġew żvelati lilna.

27 U issa, ibni, jien nordnalek biex iżżomm misturin il‑ġuramenti u l‑patti kollha tagħhom, u l‑ftehim kollu tagħhom li huma parti mill‑għemejjel mistkerrha u sigrieti tagħhom; iva, u għandek iżżomm misturin minn dan il‑poplu s‑sinjali u l‑għeġubijiet kollha tagħhom, biex huma ma jkunux jafuhom, ma jmorrux b’xi mod jaqgħu fid‑dalma wkoll u jinqerdu.

28 Għax ara, hawn saħta fuq din l‑art kollha, li dawk kollha li jwettqu l‑għemejjel tad‑dlam se jispiċċaw jinqerdu, skont il‑qawwa ta’ Alla, meta huma jkunu misjurin waħda sew; għalhekk jien nixtieq li dan il‑poplu ma jinqeridx.

29 Għalhekk għandek iżżomm misturin minn dan il‑poplu dawn il‑pjanijiet sigrieti tal‑ġuramenti tagħhom u tal‑patti tagħhom, u magħhom għandek tiżvela biss il‑ħażen tagħhom u l‑qtil tagħhom u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom; u għandek tgħallimhom sabiex jistmerru dan it‑tip ta’ ħażen u għemejjel mistkerrha u qtil; u għandek tgħallimhom ukoll li dawn in‑nies spiċċaw inqerdu minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha u l‑qtil li wettqu.

30 Għax ara, huma qatlu l‑profeti kollha tal‑Mulej li ġew fosthom biex ixandrulhom dwar ħżunithom; u d‑demm ta’ dawk li huma qatlu talab b’ħerqa lill‑Mulej Alla tagħhom biex issir vendetta minn dawk li kienu l‑qattiela tagħhom; u b’hekk Alla għamel ħaqq minn dawn kollha li wettqu l‑għemejjel tad‑dlam u għamlu parti minn alleanzi sigrieti.

31 Iva, u misħuta tkun din l‑art għal dejjem ta’ dejjem għal dawk li jwettqu l‑għemejjel tad‑dlam u jagħmlu parti minn alleanzi sigrieti, fejn jispiċċaw jinqerdu, jekk huma ma jindmux qabel ma jkunu saru misjurin waħda sew.

32 U issa, ibni, ftakar il‑kliem li jien għidtlek; tikxifx ma’ dan il‑poplu dawk il‑pjanijiet sigrieti, iżda għallimhom ikollhom mibegħda għal dejjem lejn id‑dnub u l‑ħażen.

33 Xandrilhom l‑indiema, u l‑fidi fil‑Mulej Ġesù Kristu; għallimhom jumiljaw ruħhom u jkunu nies ta’ qalb ħelwa u umli; għallimhom jirreżistu kull tiġrib tax‑xitan, permezz tal‑fidi tagħhom fil‑Mulej Ġesù Kristu.

34 Għallimhom biex qatt ma jixbgħu jagħmlu opri tajba, u jkunu nies ta’ qalb ħelwa u umli; għax dawn huma dawk li jsibu l‑mistrieħ għal ruħhom.

35 O, ftakar, ibni, u tgħallem l‑għerf f’żogħżitek; iva, f’żogħżitek tgħallem ħares il‑kmandamenti ta’ Alla.

36 Iva, u b’ħerqa itlob lil Alla ħalli hu jkun dejjem ta’ sosten għalik; iva, ara li kulma tagħmel tagħmlu għall‑Mulej, u kull fejn tmur tmur għall‑Mulej; iva, ara li ħsibijietek ikunu dejjem fil‑Mulej; iva, ara li fil‑fond ta’ qalbek ikollok għal dejjem lill‑Mulej.

37 Ħu parir mingħand il‑Mulej f’dak kollu li tagħmel, u huwa jmexxik fit‑tajjeb; iva, meta tmur torqod billejl mur orqod għall‑Mulej, ħalli huwa jħarsek waqt li inti tkun rieqed; u meta tqum filgħodu ara li qalbek tkun mimlija gratitudni lejn Alla; u jekk tagħmel dan, inti tiġi mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum.

38 U issa, ibni, għandi xi ħaġa xi ngħidlek dwar dik il‑ħaġa li missirijietna sejħulha globu, jew direttur—jew li missirijietna sejħulha Liahona, li tfisser, boxxla; u kien il‑Mulej li ħejjiha.

39 U ara, m’hawn l‑ebda bniedem li kapaċi jaħdem xi ħaġa b’sengħa daqstant kbira. U ara, hi ġiet imħejjija biex turi lil missirijietna x’rotta kellhom jaqbdu waqt li jivvjaġġaw fid‑deżert.

40 U kienet tiffunzjona għalihom skont il‑fidi tagħhom f’Alla; għalhekk, jekk huma kellhom il‑fidi li jemmnu li Alla seta’ jġiegħel l‑imgħażel jindikawlhom x’rotta kellhom jaqbdu, ara, hekk kien iseħħ; għalhekk huma, jum wara jum, kisbu dan il‑miraklu u bosta mirakli oħra permezz tal‑qawwa ta’ Alla.

41 Madankollu, minkejja li dawn il‑mirakli seħħew permezz ta’ mezzi żgħar lilhom urewhom għemejjel tal‑għaġeb. Huma waqgħu fil‑għażż, u nsew jeżerċitaw il‑fidi tagħhom u jkunu diliġenti u b’hekk dawk l‑għemejjel tal‑għaġeb waqfu, u huma ma komplewx mexjin ’il quddiem fil‑vjaġġ tagħhom;

42 Għalhekk, huma baqgħu fid‑deżert, jew ma qabdux l‑iqsar rotta, u spiċċaw intlaqtu mill‑ġuħ u l‑għatx, minħabba t‑trasgressjonijiet tagħhom.

43 U issa, ibni, nixtieqek tifhem li dawn il‑ħwejjeġ għandhom ċertu simboliżmu; għaliex peress li missirijietna, minħabba l‑għażż tagħhom, ma taw l‑ebda widen għal din il‑boxxla (issa dawn il‑ħwejjeġ kienu temporali) huma ma kellhomx risq; l‑istess ngħidu għal ħwejjeġ li huma spiritwali.

44 Għax ara, huwa daqstant faċli li tagħti widen għal kelma ta’ Kristu, li turik rotta dritta lejn l‑hena ta’ dejjem, kif kienet għal missirijietna meta taw widen għal din il‑boxxla, li kienet turihom rotta dritta lejn l‑art imwiegħda.

45 U issa jiena ngħidlek, inti ma tara l‑ebda simbolu f’din il‑ħaġa? Għax sewwasew kif dan id‑direttur mexxa lil missirijietna, għax imxew mar‑rotta li huwa wriehom, lejn l‑art imwiegħda, bl‑istess mod kliem Kristu, jekk aħna nimxu wara r‑rotta li jurina, imexxina lil hinn minn dan il‑wied ta’ niket lejn art imwiegħda ferm aħjar.

46 O ibni, la tħallix li naqgħu fil‑għażż minħabba l‑mod daqstant sempliċi; għaliex hekk ġralhom missirijietna; għax b’dal‑mod ġie mħejji għalihom, li jekk iħarsu lejh huma jgħixu; u l‑istess japplika għalina. Il‑mezz ġie mħejji għalina, u jekk aħna nħarsu lejh inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem.

47 U issa, ibni, ara li tieħdu ħsieb dawn il‑ħwejjeġ sagri, iva, ara li tħares lejn Alla u tgħix. Mur qalb dan il‑poplu u xandar il‑kelma, u kun meqjus. Saħħa ibni.