Skrittura
Alma 33


Kapitlu 33

Żenos għallem li l‑bnedmin għandhom jitolbu u jqimu f’kull post, u li minħabba l‑iben jiġi evitat il‑kastig—Żenok għallem li l‑ħniena tissawwab minħabba l‑Iben—Fid‑deżert Mosè għolla ’l fuq raffigurazzjoni ta’ Iben Alla. Madwar 74 Q.K.

1 Issa wara li Alma qal dan il‑kliem, huma bagħtu jgħidulu li xtaqu jkunu jafu jekk kellhomx jemmnu f’Alla wieħed, biex huma jkunu jistgħu jiksbu dan il‑frott li dwaru huwa tkellem, jew b’liema mod setgħu jiżirgħu ż‑żerriegħa, jew il‑kelma li dwarha huwa tkellem, fejn huwa qal li jeħtieġ li tinżera’ f’qalbhom; jew b’liema mod għandhom jibdew jeżerċitaw il‑fidi tagħhom.

2 U Alma qalilhom: Araw, intom għidtu li ma stajtux tqimu ’l Alla tagħkom minħabba li ġejtu imkeċċijin ’il barra mis‑sinagogi tagħkom. Iżda ara, jien ngħidilkom, jekk taħsbu li intom ma tistgħux tqimu ’l Alla, tassew sejrin żball, u jeħtieġ li intom tiflu sew l‑iskrittura; jekk taħsbu li huma għallmukom dan, mela intom ma fhimtuhomx.

3 Tiftakru li qrajtu x’qal Żenos, il‑profeta tal‑imgħoddi, dwar it‑talb jew dwar il‑qima?

4 Għax huwa qal: Ħanin inti, O Alla, għax inti smajt talbi, anke meta jiena kont fix‑xagħri; iva, inti wrejt ħniena miegħi meta jiena tlabtek dwar dawk li kienu l‑għedewwa tiegħi, u inti dawwarthom lejja.

5 Iva, O Alla, u inti wrejt ħniena miegħi meta jiena sejjaħtlek fl‑għalqa tiegħi; meta jiena sejjaħtlek f’talbi, inti smajtni.

6 U anke meta jiena mort lura f’dari, O Alla, f’talbi inti smajtni.

7 U meta mort f’kamarti, O Mulej, u jiena tlabtek, inti smajtni.

8 Iva, ħanin inti ma’ wliedek meta huma jsejħulek, sabiex tkun inti li tismagħhom u mhux il‑bnedmin, u inti tkun tinsab lest li tismagħhom.

9 Iva, O Alla, inti wrejt ħniena miegħi, u smajt talbi f’nofs il‑ġemgħat.

10 Iva, u inti lili smajtni wkoll meta jiena ġejt imwarrab u mistmerr mill‑għedewwa tiegħi; iva, inti smajt talbi, u wrejt l‑għadab tiegħek mal‑għedewwa tiegħi, u fl‑għadab tiegħek ġibt fuqhom il‑qerda f’qasir żmien.

11 U lili inti smajtni minħabba hemmi u s‑sinċerità tiegħi; u hu minħabba ibnek li inti wrejt daqstant ħniena miegħi, għalhekk jiena lilek nsejjaħ f’hemmi, għax fik jiena nsib il‑hena tiegħi; għaliex minħabba ibnek inti evitajtli li jiena niġi kkastigat.

12 U issa Alma qalilhom: Temmnu intom dik l‑iskrittura li nkitbet minn dawk tal‑imgħoddi?

13 Araw, jekk iva, mela m’hemmx dubju li intom temmnu dak li qal Żenos; għax araw, huwa qal: Minħabba ibnek evitajt li wliedek jintlaqtu mill‑kastigi.

14 Issa araw, ħuti, jiena nistaqsikom, intom qrajtuha l‑iskrittura? Jekk iva, kif tistgħu ma temmnux f’Iben Alla?

15 M’hemmx miktub li mhuwiex biss Żenos li tkellem dwar dawn il‑ħwejjeġ, iżda anke Żenok tkellem dwar dawn il‑ħwejjeġ—

16 Għax araw, huwa qal: Inti, O Mulej, ħadtha kontra dal‑poplu, għax huma ma jridux jifhmu l‑ħniena tiegħek li inti sawwabt fuqhom minħabba ibnek.

17 U issa, ħuti, qed taraw li profeta ieħor tal‑imgħoddi xehed dwar Iben Alla, u għax in‑nies ma ridux jifhmu kliemu huma ħaġġruh għall‑mewt.

18 Iżda araw, dan mhux kollox; mhumiex dawn biss illi tkellmu dwar l‑Iben ta’ Alla.

19 Araw, Mosè wkoll tkellem dwaru; iva, u araw, fid‑deżert huwa għolla ’l fuq raffigurazzjoni ta’ Iben Alla, biex kull min iħares lejha jkun jista’ jikseb il‑ħajja. U kienu ħafna li ħarsu lejha u għexu.

20 Iżda ftit kienu li fehemu t‑tifsira ta’ dawk il‑ħwejjeġ, u dan minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom. Iżda kien hemm ħafna li tant webbsu qalbhom li lanqas riedu jħarsu lejha, għalhekk spiċċaw biex inqerdu. Issa r‑raġuni għalfejn ma ridux iħarsu lejha hi għax huma ma kinux jemmnu li kienet se twassal għall‑fejqan tagħhom.

21 O ħuti, li kieku intom tistgħu tfiequ billi sempliċiment tħarsu ħarsa b’għajnejkom ħalli tkunu tistgħu tfiequ, intom ma taqbdux u tagħmlu dan fil‑pront, jew tippreferu li twebbsu qalbkom u tibqgħu ma temmnux, u taqgħu fil‑għażż, u b’għajnejkom ma tħarsux, u tispiċċaw tinqerdu?

22 Jekk huwa hekk, mela intom se tispiċċaw tintlaqtu minn gwaj; iżda jekk mhuwiex hekk, mela araw li tħarsu b’għajnejkom u tibdew temmnu fl‑Iben ta’ Alla, li hu għandu jiġi biex jifdi lill‑poplu tiegħu, u li se jbati u jmut biex ipatti għal dnubiethom; u li huwa se jerġa’ jqum mill‑imwiet, u dan se jġib fis‑seħħ il‑qawmien, fejn il‑bnedmin kollha sejrin jieqfu quddiemu, biex f’jum il‑ħaqq finali jsir ħaqq minnhom skont għemilhom.

23 U issa, ħuti, nixtieq li intom tiżirgħu din il‑kelma f’qalbkom, u hekk kif hija tibda tespandi araw li tmantnuha wkoll permezz tal‑fidi tagħkom. U araw, hija ssir siġra, u hi tibqa’ tikber fikom sal‑ħajja ta’ dejjem. U mbagħad jalla Alla jħaffef it‑tagħbija tagħkom, permezz tal‑hena ta’ Ibnu. U jekk tridu, intom tistgħu tabilħaqq tagħmlu dan kollu. Ammen.