Skrittura
Alma 31


Kapitlu 31

Alma jmexxi missjoni biex jirriforma liż‑Żoramiti li kienu waqgħu f’apostasija—Iż‑Żoramiti jiċħdu lil Kristu, jemmnu f’kunċett falz ta’ għażla, u jqimu permezz ta’ talb imħejji minn qabel—Il‑missjunarji huma mimlija bl‑Ispirtu s‑Santu—Hemmhom jinbela’ fil‑hena ta’ Kristu. Madwar 74 Q.K.

1 Issa ġara li wara li ġiet fi tmiemha l‑ħajja ta’ Koriħor, Alma, li rċieva l‑aħbar li ż‑Żoramiti kienu qegħdin jgħawwġu triqat il‑Mulej, u li Żoram, li kien il‑mexxejja tagħhom, kien qed iwassal lil qlub in‑nies biex huma jmilu quddiem idoli li ma jitkellmux, reġa’ beda jħoss qalbu tuġgħu minħabba l‑ħażen tal‑poplu.

2 U kienet ħaġa verament ta’ niket għal Alma li sar jaf dwar il‑ħażen fost il‑poplu tiegħu; għalhekk huwa ħass fih niket mill‑aktar kbir minħabba l‑firda taż‑Żoramiti minn man‑Nefiti.

3 Issa ż‑Żoramiti nġabru flimkien f’art li sejħulha Antjonu, li kienet fil‑lvant tal‑art ta’ Żaraħemla, li kienet tinsab mal‑fruntiera ta’ xatt il‑baħar, u li kienet fin‑nofsinhar tal‑art ta’ Ġerson, li kienet tinsab ukoll mal‑fruntiera tan‑naħa t’isfel tax‑xagħri, liema xagħri kien mimli bil‑Lamaniti.

4 Issa n‑Nefiti beżgħu ferm li ż‑Żoramiti jidħlu f’xi ftehim mal‑Lamaniti, u li dan iwassal għat‑telfien ta’ bosta ħajjiet min‑naħa tan‑Nefiti.

5 U issa, peress li x‑xandir tal‑kelma kellu tendenza kbira li jwassal lin‑nies biex jagħmlu dak li hu ġust—iva, li ħalla effett aktar qawwi fuq moħħ il‑bniedem mix‑xabla, jew minn xi ħaġa oħra, li huma esperjenzaw—għalhekk Alma ħaseb li kien jaqbel li huma jippruvaw il‑virtù tal‑kelma ta’ Alla.

6 Għalhekk hu ħa miegħu lil Għammon, u lil Aron, u lil Omner; u lil Ħimni ħallieh fil‑knisja ġewwa Żaraħemla; iżda l‑ewwel tlieta ħadhom miegħu, kif ukoll lil Amuleki u lil Żeżrom, li kienu ġewwa Melek; u ħa miegħu wkoll lil tnejn minn uliedu s‑subien.

7 Issa lit‑tifel il‑kbir tiegħu ma ħadux miegħu, u dan kien jismu Ħelaman; iżda l‑ismijiet ta’ dawk li ħa miegħu kienu Xiblon u Kurjantun; u dawn huma l‑ismijiet ta’ dawk li marru miegħu fost iż‑Żoramiti, biex ixandrulhom il‑kelma.

8 Issa ż‑Żoramiti kienu dissidenti min‑Nefiti; għalhekk il‑kelma ta’ Alla kienet ġiet imxandra lilhom.

9 Iżda huma kienu ħatja ta’ nuqqasijiet kbar, għax ma ridux jaraw li jħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, u l‑preċetti tiegħu, skont il‑liġi ta’ Mosè.

10 Lanqas ma riedu josservaw ir‑riti tal‑knisja, li jkomplu jitolbu lil Alla u jsejħu ismu kuljum, biex ma jidħlux fit‑tiġrib.

11 Iva, fi ftit kliem, huma spiċċaw jgħawwġu triqat il‑Mulej f’bosta ħwejjeġ; għaldaqstant, minħabba f’hekk, Alma u ħutu marru f’dik l‑art biex ixandrulhom il‑kelma.

12 Issa, meta waslu f’din l‑art, araw, huma baqgħu mistagħġbin hekk kif sabu li ż‑Żoramiti kienu bdew sinagogi, u li darba fil‑ġimgħa kienu jinġabru flimkien, fil‑jum li kienu sejħulu jum il‑Mulej; u huma bdew iqimu b’mod li Alma u ħutu qatt ma kienu raw bħalu;

13 Għax huma kienu bnew pjattaforma f’nofs is‑sinagoga tagħhom, biex joqogħdu bilwieqfa fuqha, li kienet għolja aktar minn ras dak li jkun; u fuqha setgħet toqgħod biss persuna waħda.

14 Għalhekk, kull min xtaq jagħti qima kellu jmur u jieqaf fuqha, u jgħolli jdejh lejn is‑smewwiet, u jgħajjat b’leħen għoli u jgħid:

15 Qaddis, qaddis Alla; aħna nemmnu li inti Alla, u nemmnu li int qaddis, u li inti kont spirtu, u li inti issa spirtu, u li inti se tibqa’ spirtu għal dejjem.

16 Qaddis Alla, aħna nemmnu li lilna inti fridtna minn ħutna; u aħna ma nemmnux fid‑drawwa ta’ ħutna, li għaddiet għandhom permezz tal‑immaturità ta’ missirijiethom; iżda aħna nemmnu li lilna inti għażiltna biex inkunu l‑ulied qaddisa tiegħek; u inti wrejtna li m’għandu jkun hawn l‑ebda Kristu.

17 Iżda inti l‑istess, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem; u int lilna għażiltna biex inkunu nistgħu nsalvaw, filwaqt li lil dawk kollha ta’ madwarna int għażilthom, sforz l‑għadab tiegħek, biex jinxteħtu fl‑infern; u għal din il‑qdusija, O Alla, aħna nroddulek ħajr; u nroddulek ħajr ukoll li lilna għażiltna ħalli ma niġux immexxija skont id‑drawwiet bla sens ta’ ħutna, li jirristrinġuhom għal twemmin fi Kristu, u li dan iwassal biex qalbhom titbiegħed minnek, O Alla tagħna.

18 U għal darb’oħra nroddulek ħajr, O Alla, talli aħna poplu magħżul u qaddis. Ammen.

19 Issa ġara li wara li Alma u ħutu u wliedu semgħu dan it‑talb, huma stagħġbu bil‑kbir.

20 Għax araw, kull wieħed minnhom mar u offra dan l‑istess talb.

21 Issa dan il‑post huma semmewh Ramemptomju, li tfisser, podju sagru.

22 Issa, minn dan il‑podju kull wieħed minnhom offra lil Alla l‑istess talba, fejn bdew iroddu ħajr lil Alla li kienu magħżulin minnu, u li hu ma qarraqx bihom u wassalhom biex jemmnu fid‑drawwa ta’ ħuthom, u li qalbhom ma twasslitx biex temmen fi ħwejjeġ li għad iridu jseħħu, li ma kienu jafu xejn dwarhom.

23 Issa, wara li n‑nies kollha offrew ir‑radd il‑ħajr b’dan il‑mod, huma reġgħu lura fi djarhom, u ma tkellmux aktar dwar Alla tagħhom sakemm huma reġgħu nġabru flimkien għal darb’oħra ħdejn il‑podju sagru, biex joffru r‑radd il‑ħajr skont id‑drawwa tagħhom.

24 Issa meta Alma ra dan huwa ħass qalbu titnikket; għax hu ra li huma kienu nies ħżiena u mill‑agħar; iva, hu ra li qalbhom kienet marbuta mad‑deheb, u mal‑fidda, u ma’ kull xorta ta’ oġġetti fini.

25 Iva, u hu ra wkoll li huma tant kienu arroganti li bdew jiftaħru bil‑kbir, fil‑kburija tagħhom.

26 U hu għolla leħnu lejn is‑smewwiet, għajjat u qal: O, Mulej, kemm se ddum tħalli l‑qaddejja tiegħek jgħammru hawn fuq l‑art fil‑ġisem, u jaraw daqstant ħażen kbir fost ulied il‑bnedmin?

27 Ara, O Alla, huma jsejħu lilek, madankollu huma għandhom qalbhom mimlija kburija. Ara, O Alla, huma jsejħulek permezz ta’ fommhom, waqt li huma minfuħin bihom infushom, tant li jħossu li huma xi ħaġa kbira, minħabba l‑frugħa tad‑dinja.

28 Ara, O Alla tiegħi, l‑ilbies tagħhom li jiswa’ l‑flus, u ċ‑ċrieket tagħhom, u l‑brazzuletti tagħhom, u t‑tiżjin bid‑deheb tagħhom, u kull ħaġa prezzjuża li jinsabu mżejnin biha; u ara, qalbhom tinsab marbuta magħhom, u madankollu huma jsejħulek u jgħidu—Inroddulek ħajr, O Alla, għax għalik aħna poplu magħżul, waqt li oħrajn sejrin jinqerdu.

29 Iva, u jgħidu li inti għarrafthom li mhu se jkun hawn l‑ebda Kristu.

30 O Mulej Alla, kemm se ddum tħalli daqstant ħażen u infedeltà fost dan il‑poplu? O Mulej, agħtini l‑qawwa li nkun nista’ nistabar fid‑dgħufijiet tiegħi. Għax jiena dgħajjef, u dan il‑ħażen kollu fost dan il‑poplu verament inikkitli ruħi.

31 O Mulej, qalbi mnikkta bil‑kbir; nitolbok tfarraġ ruħi fi Kristu. O Mulej, nitolbok tagħtini l‑qawwa, ħalli b’sabar inkun nista’ ngħaddi minn dan it‑taħbit li se jiġi fuqi, minħabba l‑ħażen ta’ dan il‑poplu.

32 O Mulej, nitolbok tfarraġ ruħi, u tgħini nirnexxi, u l‑istess lill‑istess il‑ħaddiema sħabi li jinsabu miegħi—iva, Għammon, u Aron, u Omner, kif ukoll Amuleki u Żeżrom, u anke liż‑żewġ uliedi—iva, nitolbok tfarraġ ukoll lil dawn kollha, O Mulej. Iva, nitolbok tfarraġ ruħhom fi Kristu.

33 Nitolbok tagħtihom il‑qawwa, li jkunu jistgħu jġarrbu b’sabar l‑hemm li se jiġi fuqhom, minħabba l‑ħażen ta’ dan il‑poplu.

34 O Mulej, nitolbok tgħinna nirnexxu fejn nerġgħu nġibuhom lura għandek fi Kristu.

35 Ara, O Mulej, ruħhom hija prezzjuża, u ħafna minnhom huma ħutna; għalhekk, agħtina, O Mulej, il‑qawwa u l‑għerf biex inkunu nistgħu nġibu lura għandek lil dawn ħutna.

36 Issa ġara li meta Alma qal dan il‑kliem, huwa poġġa jdejh fuq dawk kollha li kienu miegħu. U araw, hekk kif huwa poġġa jdejh fuqhom, huma mtlew bl‑Ispirtu s‑Santu.

37 U wara li għamel dan huma nfirdu minn xulxin, bla ma qagħdu jaħsbu dwar x’kienu se jieklu jew x’kienu se jixorbu, jew x’kellhom ixiddu fuqhom.

38 U l‑Mulej ipprovdielhom biex huma ma jbatux il‑ġuħ, u lanqas l‑għatx; iva, u tahom ukoll il‑qawwa, li ma jgħaddu minn l‑ebda tip ta’ taħbit li ma jinbelax fil‑hena ta’ Kristu. Issa kollox seħħ skont it‑talba ta’ Alma; u dan minħabba li huwa talab bil‑fidi.