Skrittura
Alma 30


Kapitlu 30

Koriħor, l‑anti‑Krist, iwaqqa’ għaċ‑ċajt lil Kristu, l‑Espjazzjoni, u l‑ispirtu tal‑profezija—Huwa jgħallem li m’hemm l‑ebda Alla, l‑ebda waqgħa tal‑bniedem, l‑ebda piena għad‑dnub, u l‑ebda Kristu—Alma jixhed li Kristu għandu jiġi u li kull ħaġa tindika li hemm Alla—Koriħor jitlob li jara sinjal u jintlaqat mill‑inabbiltà li jitkellem—Koriħor deherlu x‑xitan forma ta’ anġlu u għallmu x’għandu jgħid—Koriħor jispiċċa mgħaffeġ u mejjet. Madwar 76–74 Q.K.

1 Araw, issa ġara li wara li n‑nies ta’ Għammon sabu posthom fl‑art ta’ Ġerson, iva, kif ukoll wara li l‑Lamaniti ġew imkeċċijin mill‑pajjiż, u l‑mejtin tagħhom ġew midfuna min‑nies tal‑pajjiż—

2 Issa l‑mejtin tagħhom ma ġewx magħduda minħabba l‑għadd kbir tagħhom; lanqas il‑mejtin li kien hemm fost in‑Nefiti ma ġew magħduda—iżda ġara li wara li huma difnu lill‑mejtin tagħhom, kif ukoll wara l‑jiem ta’ sawm, u swied il‑qalb, u talb, (u dan kien fis‑sena sittax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi) beda jkun hemm paċi kontinwa madwar il‑pajjiż kollu.

3 Iva, u n‑nies bdew jaraw li jħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej; u huma kienu jħarsu b’mod strett l‑ordinanzi ta’ Alla, skont il‑liġi ta’ Mosè; għax kienu mgħallmin li huma kellhom iħarsu l‑liġi ta’ Mosè sakemm hija tiġi fis‑seħħ.

4 U b’hekk il‑poplu ma esperjenza l‑ebda tfixkil tul is‑sena sittax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

5 U ġara li fil‑bidu tas‑sena sbatax tas‑saltna tal‑imħallfin, kien hemm paċi kontinwa.

6 Iżda ġara li għall‑aħħar tas‑sena sbatax, fl‑art ta’ Żaraħemla ġie wieħed raġel, u dan kien Anti‑Krist, għax huwa beda jxandar lin‑nies kontra l‑profeziji li kienu tkellmu dwarhom il‑profeti, dwar il‑miġja ta’ Kristu.

7 Issa ma kien hemm l‑ebda liġi kontra t‑twemmin ta’ dak li jkun; għaliex li jkun hemm liġi li twassal biex il‑bnedmin ma jiġux ittrattati lkoll l‑istess kienet tmur għal kollox kontra l‑kmand ta’ Alla.

8 Għax dan hu li tgħid l‑iskrittura: Agħżlu llum lil min tridu taqdu.

9 Issa jekk bniedem xtaq jaqdi lil Alla, kien privileġġ għalih li jagħmel dan; jew aħjar, jekk huwa kien jemmen f’Alla kien privileġġ għalih li jaqdih; iżda jekk ma kienx jemmen fih ma kien hemm l‑ebda liġi li tikkastigah.

10 Iżda jekk joqtol huwa kien jingħata l‑mewt; u jekk jisraq huwa kien jiġi kkastigat ukoll; u jekk jieħu dak li mhuwiex tiegħu huwa wkoll kien jiġi kkastigat; u jekk jagħmel adulterju huwa kien jiġi kkastigat ukoll; iva, għal dan il‑ħażen kollu huma kienu jiġu kkastigati.

11 Għax kien hemm liġi li tgħid li għandu jsir ħaqq min‑nies skont ir‑reati li jkunu wettqu. Madankollu, ma kien hemm l‑ebda liġi kontra t‑twemmin ta’ dak li jkun; għalhekk, bniedem seta’ jiġi kkastigat biss għar‑reati li hu jkun wettaq; għalhekk in‑nies kollha kienu jiġu ttrattati l‑istess.

12 U dan l‑Anti‑Krist, li kien jismu Koriħor, (li l‑liġi ma kellha l‑ebda kontroll fuqu) beda jxandar lin‑nies li ma kellu jkun hemm l‑ebda Kristu. U hu beda jxandar b’dan il‑mod u jgħid:

13 O intom li qed tirristrinġu lilkom infuskom minħabba tama fiergħa u bla sens, għalfejn qed torbtu lilkom infuskom ma’ ħwejjeġ daqstant bla sens? Għalfejn qed tistennew il‑miġja ta’ xi Kristu? Għax l‑ebda bniedem ma jista’ jkun jaf dwar xi ħaġa li għad trid isseħħ.

14 Araw, dawn il‑ħwejjeġ li intom issejħulhom profeziji, li tgħidu li għaddew għandkom minn profeti qaddisa, araw, dawn mhuma xejn ħlief twemmin bla sens ta’ missirijietkom.

15 U intom kif tafu li huma vera? Araw, intom ma tistgħux tkunu tafu dwar ħwejjeġ li ma tistgħux taraw; għalhekk ma tistgħux tkunu tafu li se jkun hawn xi Kristu.

16 Intom qed tħarsu ’l quddiem u tgħidu li qed taraw dnubietkom jinħafru. Iżda araw, dan hu l‑effett tat‑taħwid li għandkom f’moħħkom; u dan it‑tfixkil tal‑moħħ huwa minħabba twemmin missirijietkom, li jwassalkom biex temmnu fi ħwejjeġ li mhumiex vera.

17 U qalilhom ħafna ħwejjeġ oħra bħal dawn, fejn huwa qalilhom li ma setgħet isseħħ l‑ebda espjazzjoni għal dnubiet il‑bnedmin, iżda f’din il‑ħajja kull bniedem isir minnu skont dak li huwa jagħmel; għalhekk kull bniedem jirnexxi skont il‑kapaċità tiegħu, u kull bniedem jittrijonfa skont il‑qawwa tiegħu; u ma kien hemm xejn li bniedem seta’ jwettaq li kien reat.

18 U hu beda jxandrilhom b’dal‑mod, u huwa beda jqarraq bil‑qlub ta’ bosta, u wassalhom biex huma jħossuhom kburin bi ħżunithom, iva, u wassal lil ħafna nisa, kif ukoll irġiel, biex jaqgħu fiż‑żína—u hu qalilhom li meta bniedem imut, dak ikun it‑tmiem tiegħu.

19 Issa dan ir‑raġel mar ukoll fl‑art ta’ Ġerson, biex ixandar dawn il‑ħwejjeġ fost in‑nies ta’ Għammon, li darba kienu nies Lamaniti.

20 Iżda araw huma kienu aktar għaqlin minn ħafna min‑Nefiti; għaliex huma qabduh, u rabtuh, u ħaduh quddiem Għammon, li kien il‑qassis il‑kbir fuq dak il‑poplu.

21 U ġara li hu ordna biex huwa jittieħed ’il barra mill‑pajjiż. U huwa rħielha lejn l‑art ta’ Gidgħon, u beda jxandar fosthom ukoll; u hawnhekk ma tantx kellu suċċess, għaliex qabduh u rabtuh u ħaduh quddiem il‑qassis il‑kbir, kif ukoll quddiem dak li kien il‑prim imħallef fuq il‑pajjiż.

22 U ġara li l‑qassis il‑kbir qallu: Għalfejn qed tipprova tgħawweġ triqat il‑Mulej? Għalfejn qed tgħallem lil dawn in‑nies li mhu se jkun hawn l‑ebda Kristu, biex tisirqilhom l‑hena tagħhom? Għalfejn titkellem kontra l‑profeziji kollha tal‑profeti qaddisa?

23 Issa isem il‑qassis il‑kbir kien Giddona. U Koriħor qallu: Għax jiena ma ngħallimx skont it‑twemmin bla sens ta’ missirijietkom, u għax jiena ma ngħallimx lil dawn in‑nies li għandhom jirristrinġu lilhom infushom minħabba ordinanzi u ċerimonji bla sens li ġew imwaqqfa minn qassisin ta’ żmien twil ilu, biex jiksbu b’forza l‑poter u l‑awtorità fuqhom, biex lilhom iżommuhom fl‑injoranza, ħalli ma jerfgħux rashom ’il fuq, iżda jumiljaw irwieħhom skont kliemek.

24 Intom tgħidu li dan il‑poplu huwa poplu ħieles. Araw, jiena ngħid li huma jinsabu fil‑jasar. Intom tgħidu li dawk il‑profeziji ta’ żmien ilu huma vera. Araw, jien ngħid li intom ma tafux jekk humiex vera.

25 Intom tgħidu li dan il‑poplu huwa poplu mgħobbi bil‑ħtija u li waqa’ minħabba t‑trasgressjoni ta’ xi ġenitur. Araw, jien ngħidilkom li t‑tfal mhumiex ħatja minħabba l‑ġenituri tagħhom.

26 U intom tgħidu wkoll li għandu jiġi Kristu. Iżda araw, jiena ngħid li intom ma tafux li se jkun hawn xi Kristu. U intom tgħidu wkoll li huwa sejjer jinqatel għad‑dnubiet tad‑dinja—

27 U b’dal‑mod intom tmexxu lil dawn in‑nies skont it‑twemmin bla sens ta’ missirijietkom, u skont dak li tixtiequ; u lilhom iżżommuhom ’l isfel, sewwasew daqslikieku kienu fil‑jasar, ħalli tkunu tistgħu tgħixu fil‑lussu bis‑saħħa tal‑ħidma ta’ jdejhom, li ma jmorrux jagħmlu l‑kuraġġ u jħarsu ’l fuq, jew jitolbu li jingħataw id‑drittijiet u l‑privileġġi tagħhom.

28 Iva, ma jmorrux jagħmlu użu minn dak li hu tagħhom, u jispiċċaw joffendu lill‑qassisin tagħhom, li għamluhom skjavi tagħhom skont xewqathom, u wassluhom biex jemmnu, permezz ta’ twemminhom, u l‑ħolm tagħhom u l‑ideat tagħhom u d‑dehriet tagħhom u l‑allegati misteri tagħhom, li jekk ma jagħmlux skont kliemhom, huma kienu sejrin joffendu lil xi ħadd mhux magħruf, li jgħidu li hu Alla—xi ħadd li qatt ħadd ma rah u ħadd ma jaf dwaru, li qatt ma kien u qatt mhu se jkun.

29 Issa meta l‑qassis il‑kbir u l‑prim imħallef raw l‑ebusija ta’ qalbu, iva, meta raw li hu kien saħansitra lest iżeblaħ lil Alla, baqgħu ma tawh l‑ebda tweġiba għal dak li huwa qal; iżda ordnaw li kellhom jorbtuh; u li kellhom jagħtuh f’idejn l‑uffiċjali, u jibagħtuh fl‑art ta’ Żaraħemla, ħalli jkun jista’ jittieħed quddiem Alma, u quddiem il‑prim imħallef li kien il‑gvernatur tal‑art kollha.

30 U ġara li meta huwa nġieb quddiem Alma u quddiem il‑prim imħallef, huwa reġa’ kompla fejn ħalla fl‑art ta’ Gidgħon; iva, hu reġa’ kompla jkasbar lil Alla.

31 U hu qam bilwieqfa jitkellem bosta kliem fieragħ quddiem Alma, u beda jżeblaħ lill‑qassisin u l‑għalliema, u jakkużahom li kienu qed imexxu lin‑nies skont it‑twemmin bla sens ta’ missirijiethom, sabiex ikunu jistgħu jgħixu fil‑lussu bis‑saħħa tal‑ħidma tal‑poplu.

32 Issa Alma qallu: Inti taf li aħna ma nipprofittawx ruħna mill‑ħidma ta’ dan il‑poplu; għax ara jien ili naħdem permezz ta’ jdejja mill‑bidu nett tas‑saltna tal‑imħallfin sal‑lum il‑ġurnata, biex immanti lili nnifsi, minkejja l‑ħafna ġiri tiegħi madwar il‑pajjiż biex inxandar il‑kelma ta’ Alla lill‑poplu tiegħi.

33 U minkejja l‑ħafna xogħol li jiena wettaqt fil‑knisja, jien ma rċevejt lanqas senina waħda għal ħidmieti; u l‑istess kull wieħed minn ħuti, għajr għal meta konna fis‑siġġu tat‑tribunal; u għal ħina aħna rċevejna biss skont kemm tippermetti l‑liġi.

34 U issa, jekk aħna ma nirċievu xejn għal ħidmietna fil‑knisja, x’jiswielna li aħna naħdmu fil‑knisja għajr li aħna nxandru l‑verità, ħalli nkunu nistgħu nithennew fil‑hena ta’ ħutna?

35 Mela għalfejn qed tgħid li aħna nxandru lil dan il‑poplu biex nakkwistaw, meta inti stess taf li aħna ma nirċievu l‑ebda ħlas? U issa, temmen inti li aħna nqarqu b’dan il‑poplu, u dan iwassal għal daqstant hena f’qalbhom?

36 U Koriħor wieġbu, Iva.

37 U mbagħad Alma qallu: Temmen inti li hemm Alla?

38 U hu wieġeb, Le.

39 Issa Alma qallu: Inti għalhekk se tiċħad għal darb’oħra li hemm Alla, u se tiċħad ukoll il‑Kristu? Għax ara, jien ngħidlek, li jiena naf li hemm Alla, u naf ukoll li Kristu għandu jiġi.

40 U issa inti xi prova għandek li m’hawn l‑ebda Alla, jew li Kristu mhux se jiġi? Jien ngħidlek li inti m’għandek l‑ebda prova, għajr dak li qed tgħid int.

41 Iżda, ara, jien għandi kull ħaġa bħala xhieda li dawn il‑ħwejjeġ huma vera; u inti wkoll għandek kull ħaġa bħala xhieda li huma vera; u inti se tiċħad dan kollu? Temmen inti li dawn il‑ħwejjeġ huma vera?

42 Ara, jiena naf li inti temmen, iżda int tinsab maħkum minn spirtu ta’ gideb, u int neħħejt minn ġo fik l‑Ispirtu ta’ Alla biex ma jibqax jgħammar aktar fik; iżda inti tinsab taħt il‑qawwa tax‑xitan, u hu jmexxik kif irid, fejn huwa juża l‑istrateġiji tiegħu biex ikun jista’ jeqred lil ulied Alla.

43 U issa Koriħor qal lil Alma: Jekk int turini xi sinjal, biex inkun nista’ nikkonvinċi ruħi li hemm Alla, iva, turini li hu għandu l‑qawwa, imbagħad jiena nkun nista’ nikkonvinċi ruħi dwar il‑verità ta’ kliemek.

44 Iżda Alma qallu: Inti ngħatajt biżżejjed sinjali; inti lest li ġġarrab lil Alla tiegħek? Lest li tgħid, urini sinjal, meta għandek quddiemek ix‑xhieda ta’ dawn ħutek kollha, kif ukoll tal‑profeti qaddisa kollha? Quddiemek għandek l‑iskrittura, iva, u kollox jindika li hemm Alla; iva, anke l‑art, u kull ħaġa li hawn fuq wiċċ l‑art, iva, u l‑moviment tagħha, iva, kif ukoll il‑pjaneti kollha li jiċċaqalqu skont l‑ordni regolari tagħhom jixhdu li hemm Ħallieq Suprem.

45 U madankollu int lest li tibqa’ ddur ma’ kullimkien, tqarraq b’qalb dan il‑poplu, u tiddikjara magħhom li m’hemm l‑ebda Alla? U madankollu inti lest li tkompli tiċħad minkejja dawn ix‑xhieda kollha? U huwa qal: Iva, jiena se nkompli niċħad, sakemm ma turinix xi sinjal.

46 U issa ġara li Alma qallu: Ara, jien inħossni nitnikket minħabba l‑ebusija ta’ qalbek, iva, li inti tibqa’ tirreżisti l‑ispirtu tal‑verità, hekk li ruħek se tispiċċa tinqered.

47 Iżda ara, ikun aħjar li ruħek tintilef milli inti tkun il‑kaġun għalfejn bosta erwieħ jispiċċaw jinqerdu, permezz tal‑gideb tiegħek u tal‑kliem ħelu tiegħek; għalhekk jekk inti terġa’ tiċħad, ara Alla se jilħqek, tant li inti ma tkunx tista’ titkellem aktar, u qatt aktar ma tkun tista’ tiftaħ fommok, biex ma tkunx tista’ tqarraq aktar b’dan il‑poplu.

48 Issa Koriħor qallu: Jien ma niċħadx l‑eżistenza li hemm xi Alla, iżda ma nemminx li hemm Alla; u jien ngħid ukoll, li inti ma tafx li hemm xi Alla; u jekk ma turinix xi sinjal, jiena m’iniex se nemmen.

49 Issa Alma qallu: Dan hu s‑sinjal li se nagħtik, li inti mhux se tkun kapaċi titkellem, skont kliemi; u jien ngħid li f’isem Alla, inti mhux se tkun kapaċi titkellem aktar, u m’inti se tkun kapaċi tlissen l‑ebda kelma.

50 Issa meta Alma qal dan il‑kliem, Koriħor ma kienx kapaċi jitkellem aktar, fejn huwa ma seta’ jlissen l‑ebda kelma, kif kien qal Alma.

51 U issa meta l‑prim imħallef ra dan, huwa medd idu u permezz tal‑kitba qal lil Koriħor: Inti konvint mill‑qawwa ta’ Alla? Dak li lil Alma xtaqtu jurik sinjal tiegħu? Allura inti trid li biex jurik sinjal huwa jikkawża t‑tbatija fuq ħaddieħor? Ara, huwa lilek urik sinjal; u issa inti xorta se tibqa’ tiddubita?

52 U Koriħor medd idu u permezz tal‑kitba qallu: Jiena naf li ma nistax nitkellem, għax ma nista’ nlissen l‑ebda kelma; u naf li xejn għajr il‑qawwa ta’ Alla ma seta’ jwassal biex jien nintlaqat minn dil‑ħaġa; iva, u jien minn dejjem kont naf li kien hemm Alla.

53 Iżda ara, ix‑xitan qarraq bija; għax huwa deherli fi xbieha ta’ anġlu, u qalli: Mur u ġib lura lil dan il‑poplu, għax huma lkoll spiċċaw mitlufin wara Alla mhux magħruf. U huwa qalli: M’hemm l‑ebda Alla; iva, u hu beda jgħallimni x’kelli ngħid. U jien bdejt ngħallem kliemu; u bdejt ngħallmu għaliex kien jinżel tajjeb mal‑moħħ karnali; u jien għallimt dan, sakemm beda jkolli suċċess kbir, tant li jiena stess spiċċajt nemmen li kien veru; u huwa minħabba f’hekk li jiena bqajt nirreżisti l‑verità, sakemm wasalt biex ġibt fuqi din is‑saħta daqstant kbira.

54 Issa meta huwa qal dan, hu talab bil‑ħerqa lil Alma sabiex jitlob lil Alla, ħalli jkun jista’ jneħħi minn fuqu din is‑saħta.

55 Iżda Alma qallu: Jekk titneħħa minn fuqek din is‑saħta inti terġa’ għal darb’oħra tibda tqarraq b’qalb dan il‑poplu; għalhekk, isir minnek skont ir‑rieda tal‑Mulej.

56 U ġara li din is‑saħta ma tneħħietx minn fuq Koriħor; iżda huwa spiċċa mwarrab, idur minn dar għall‑oħra jittallab għall‑ikel.

57 Issa l‑aħbar ta’ dak li għadda minnu Koriħor ġriet mal‑pajjiż kollu; iva, il‑prim imħallef ħareġ proklama u ordna li kellha tiġi mxandra fost in‑nies kollha tal‑pajjiż, biex huwa jgħarraf lil dawk li kienu emmnu fi kliem Koriħor li kien jeħtieġ li huma jindmu minnufih, ħalli huma ma jispiċċawx jintlaqtu mill‑istess kastigi.

58 U ġara li huma lkoll ikkonvinċew irwieħhom dwar il‑ħażen ta’ Koriħor; għalhekk huma lkoll reġgħu kkonvertew għall‑Mulej; u dan ġab fi tmiemu l‑ħażen li ġab miegħu Koriħor. U Koriħor spiċċa jdur minn dar għall‑oħra, jittallab għall‑ikel biex imantni lilu nnifsu.

59 U ġara li hekk kif huwa beda jdur fost in‑nies, iva, fost nies li kienu nqatgħu minn man‑Nefiti u bdew isejħu lilhom infushom Żoramiti, li kienu mmexxija minn raġel jismu Żoram—u hekk kif hu beda jdur fosthom, araw, huwa spiċċa mgħaffeġ taħt saqajn in‑nies, sakemm miet.

60 U b’hekk qed naraw it‑tmiem ta’ dak li għawweġ triqat il‑Mulej; u b’hekk naraw li fl‑aħħar jum ix‑xitan ma jsostnix lil uliedu, iżda jara kif ikaxkarhom ’l isfel lejn l‑infern.