Skrittura
Alma 25


Kapitlu 25

Tinfirex l‑aggressjoni tal‑Lamaniti—Jinqered nisel il‑qassisin ta’ Noè kif ħabbar Abinadi—Bosta Lamaniti jikkonvertu u jingħaqdu man‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi—Huma jemmnu fi Kristu u jħarsu l‑liġi ta’ Mosè. Madwar 90–77 Q.K.

1 U araw, issa ġara li dawk il‑Lamaniti mtlew aktar bil‑għadab għaliex kienu qatlu lil ħuthom; għalhekk huma ħalfu li jagħmlu vendetta min‑Nefiti; u f’dak il‑waqt ma ppruvawx aktar joqtlu lin‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi.

2 Iżda huma qabdu l‑armati tagħhom u qasmu lejn il‑fruntieri tal‑art ta’ Żaraħemla, u ħabtu għan‑nies li kienu fl‑art ta’ Għammoniha u qerduhom.

3 U wara li għamlu dan, huma spiċċaw f’bosta battalji man‑Nefiti, li fihom ġew mġiegħla jaħarbu kif ukoll ġew maqtula.

4 U l‑Lamaniti li nqatlu kienu kważi kollha min‑nisel ta’ Amulon u ħutu, li kienu l‑qassisin ta’ Noè, u huma nqatlu min‑Nefiti;

5 U l‑bqija, wara li ħarbu fil‑xagħri tal‑lvant, u wara li usurpaw is‑setgħa u l‑awtorità fuq il‑Lamaniti, ordnaw li ħafna mil‑Lamaniti kellhom jinqerdu permezz tan‑nar minħabba twemminhom—

6 Għax ħafna minnhom, wara li ġarrbu bosta telfien u daqstant tbatija, bdew jitqanqlu ġewwa fihom biex jiftakru l‑kliem li xandrulhom Aron u ħutu f’pajjiżhom; għalhekk huma ma baqgħux jemmnu d‑drawwiet ta’ missirijiethom, u bdew jemmnu fil‑Mulej, u li hu ta qawwa kbira lin‑Nefiti; u b’hekk kien hemm ħafna minnhom li kkonvertew ġewwa x‑xagħri.

7 U ġara li dawk il‑mexxejja li kienu l‑fdal ta’ wlied Amulon ordnaw li huma kellhom jingħataw il‑mewt, iva, dawk kollha li kienu jemmnu f’dawn il‑ħwejjeġ.

8 Issa dan il‑martirju wassal biex ħafna minn ħuthom spiċċaw imtlew bil‑korla; u beda jqum it‑tilwim fix‑xagħri; u l‑Lamaniti bdew ifittxu biex jaqbdu lil dawk li kienu ġejjin min‑nisel ta’ Amulon u ħutu u bdew joqtluhom; u huma ħarbu lejn ix‑xagħri tal‑lvant.

9 U araw bħalissa qed jiġu mfittxija mil‑Lamaniti. B’hekk il‑kliem li Abinadi qal dwar nisel il‑qassisin, li ordnaw li huwa kellu jingħata l‑mewt permezz tan‑nar, ġie fis‑seħħ.

10 Għax huwa qalilhom: Dak li se tagħmlu lili se jkun raffigurazzjoni ta’ ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

11 U issa Abinadi kien l‑ewwel wieħed li ngħata l‑mewt permezz tan‑nar minħabba t‑twemmin tiegħu f’Alla; issa dan hu li huwa ried ifisser, li ħafna kellhom jingħataw il‑mewt permezz tan‑nar, l‑istess kif ingħata hu.

12 U huwa qal lill‑qassisin ta’ Noè li nisilhom għandu jwassal biex ħafna jingħataw il‑mewt, bl‑istess mod kif ingħata hu, u li huma għandhom jinxterdu u jinqatlu, sewwasew kif nagħġa mingħajr ragħaj tiġi mġiegħla taħrab u tinqatel mill‑bhejjem selvaġġi; u issa araw, dan il‑kliem ġie kkonfermat, għaliex huma ġew mġiegħla jirtiraw mil‑Lamaniti, u huma ġew segwiti u sfaw imsawta.

13 U ġara li meta l‑Lamaniti raw li huma ma setgħux jegħlbu lin‑Nefiti huma reġgħu lura għal darb’oħra f’arthom; u ħafna minnhom ġew biex jgħammru fl‑art ta’ Ismagħel u fl‑art ta’ Nefi, u ngħaqdu mal‑poplu ta’ Alla, li kienu n‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi.

14 U huma wkoll difnu l‑armi tal‑gwerra tagħhom, l‑istess kif għamlu ħuthom, u bdew isiru poplu ġust; u huma mxew fi triqat il‑Mulej, u bdew jaraw li jħarsu l‑kmandamenti tiegħu u l‑preċetti tiegħu.

15 Iva, u huma ħarsu l‑liġi ta’ Mosè; għax kien hemm bżonn li għalissa jibqgħu jħarsu l‑liġi ta’ Mosè, għax kienet għadha ma ġietx fis‑seħħ fil‑milja tagħha. Iżda minkejja l‑liġi ta’ Mosè, huma bdew iħarsu ’l quddiem għall‑miġja ta’ Kristu, għax huma kienu jħarsu lejn il‑liġi ta’ Mosè bħala raffigurazzjoni tal‑miġja tiegħu, u kienu jemmnu li kien meħtieġ li huma jkomplu jħarsu dawk ir‑riti li jidhru fil‑għajn saż‑żmien li fih huwa juri lilu nnifsu lilhom.

16 Issa huma ma kenux jemmnu li s‑salvazzjoni tinkiseb permezz tal‑liġi ta’ Mosè; iżda l‑liġi ta’ Mosè għenithom isaħħu l‑fidi tagħhom fi Kristu; u b’hekk permezz tal‑fidi, żammew fihom it‑tama għas‑salvazzjoni ta’ dejjem, u baqgħu jafdaw fl‑ispirtu tal‑profezija, li jitkellem dwar dawk il‑ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

17 U issa araw, Għammon, u Aron, u Omner, u Ħimni, u ħuthom thennew bil‑kbir, minħabba s‑suċċess li huma kellhom fost il‑Lamaniti, fejn raw li huma ngħataw mill‑Mulej skont talbhom, u li hu kkonfermalhom kelmtu f’kull dettall.