Skrittura
Alma 24


Kapitlu 24

Il‑Lamaniti jqumu kontra l‑poplu ta’ Alla—L‑Anti‑Nefi‑Leħiti jithennew fi Kristu u jżuruhom l‑anġli—Huma jippreferu li jġarrbu l‑mewt milli jiddefendu lilhom infushom—Aktar Lamaniti jikkonvertu. Madwar 90–77 Q.K.

1 U ġara li l‑Għamalekin u l‑Amuloniti u l‑Lamaniti li kienu fl‑art ta’ Amulon, kif ukoll fl‑art ta’ Ħelam, u li kienu fl‑art ta’ Ġerusalemm, fi ftit kliem, fl‑art kollha tal‑madwar, li ma kenux ikkonvertew u li ma kenux ħadu fuqhom l‑isem ta’ Anti‑Nefi‑Leħi, ġew imxewxa mill‑Għamalekin u mill‑Amuloniti biex jeħduha kontra ħuthom.

2 U l‑mibegħda li kellhom lejhom aktar ma tmur aktar bdiet tikber, tant li huma bdew jeħduha kontra s‑sultan tagħhom, tant li ma riduhx ikun is‑sultan tagħhom; għalhekk, huma armaw lilhom infushom kontra n‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi.

3 Issa s‑sultan għadda s‑saltna f’idejn ibnu, u semmieh Anti‑Nefi‑Leħi.

4 U s‑sultan miet f’dik l‑istess sena li fiha l‑Lamaniti bdew iħejju biex imorru għall‑gwerra kontra l‑poplu ta’ Alla.

5 Issa meta Għammon u ħutu u dawk kollha li ġew miegħu raw it‑tħejjijiet tal‑Lamaniti biex jeqirdu lil ħuthom, huma baqgħu sejrin sal‑art ta’ Midjan, u hemmhekk Għammon iltaqa’ ma’ ħutu kollha; u minn hemm huma waslu fl‑art ta’ Ismagħel ħalli jkunu jistgħu jagħmlu laqgħa ma’ Lamoni kif ukoll ma’ ħuh Anti‑Nefi‑Leħi, dwar x’kellhom jagħmlu biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑Lamaniti.

6 Issa ma kienx hemm ruħ waħda minn fost in‑nies kollha li ġew ikkonvertiti għall‑Mulej li kienet lesta tarma lilha nnifisha kontra ħuthom; le, huma lanqas biss riedu li b’xi mod iħejju lilhom infushom għall‑gwerra; iva, u s‑sultan tagħhom ordnalhom ukoll biex ma jagħmlux dan.

7 Issa, dan huwa l‑kliem li huwa qal lin‑nies dwar din il‑ħaġa: Niżżi ħajr lil Alla tiegħi, għażiż poplu tiegħi, li l‑kbir Alla tagħna, fit‑tjubija tiegħu, bagħat fostna lil dawn ħutna, in‑Nefiti, biex ixandrulna, u jikkonvinċuna dwar id‑drawwiet ta’ missirijietna l‑ħżiena.

8 U araw, jiena niżżi ħajr lill‑kbir Alla tiegħi li tana sehem mill‑Ispirtu tiegħu biex irattab qlubna, fejn aħna tajna bidu għal relazzjoni tajba ma’ dawn ħutna, in‑Nefiti.

9 U araw, niżżi ħajr lil Alla tiegħi ukoll li minħabba li tajna bidu għal din ir‑relazzjoni tajba aħna sirna konvinti minn dnubietna, u mill‑ħafna qtil li aħna wettaqna.

10 U niżżi ħajr lil Alla tiegħi ukoll, iva, lill‑kbir Alla tiegħi, li huwa tana ċ‑ċans li nkunu nistgħu nindmu minn dawn il‑ħwejjeġ, u li huwa wkoll ħafrilna minn dawk il‑ħafna dnubiet tagħna u l‑qtil li wettaqna, u neħħa minn ġo qalbna l‑ħtija, permezz tal‑merti ta’ Ibnu.

11 U issa araw, ħuti, peress li dan kien kulma aħna stajna nagħmlu (għax konna l‑aktar nies mitlufa fost il‑bnedmin kollha) biex nindmu mid‑dnubiet kollha tagħna u mill‑ħafna qtil li wettaqna, u biex nipperswadu ’l Alla biex ineħħihom minn ġo qalbna, għax dan kien kulma aħna stajna nagħmlu biex nindmu biżżejjed quddiem Alla li huwa jkun jista’ jneħħi minn fuqna t‑tebgħa tagħna—

12 Issa, ħuti l‑aktar għeżież, peress li Alla neħħa minn fuqna t‑tebgħa tagħna, u x‑xwabel tagħna ġew ileqqu, mela ejja ma ntebbgħux aktar ix‑xwabel tagħna b’demm ħutna.

13 Araw, jien ngħidilkom, Le, ejja naraw li x‑xwabel tagħna ma jittebbgħux b’demm ħutna; għax jista’ jkun, jekk aħna nerġgħu ntebbgħu x‑xwabel tagħna huma ma jkunux jistgħu jiġu maħsula aktar u jiġu jleqqu permezz ta’ demm Iben il‑kbir Alla tagħna, li għandu jixxerred bħala espjazzjoni għal dnubietna.

14 U l‑kbir Alla kellu ħniena minna, u żvelalna dawn il‑ħwejjeġ ħalli ma ninqerdux; iva, u hu żvelalna dawn il‑ħwejjeġ minn qabel għaliex huwa jħobb lil ruħna kif iħobb ukoll lil uliedna; għalhekk, fil‑ħniena tiegħu huwa jżurna permezz tal‑anġli tiegħu, ħalli l‑pjan tas‑salvazzjoni jkun jista’ jiġi żvelat lilna kif ukoll lil ulied uliedna.

15 O, kemm hu ħanin Alla tagħna! U issa araw, peress li dan kien dak kollu li stajna nagħmlu biex jitneħħew minn fuqna t‑tbajja tagħna, u biex ix‑xwabel tagħna jiġu jleqqu, ejja naħbuhom ħalli jkunu jistgħu jibqgħu jleqqu, bħala xhieda lil Alla tagħna fl‑aħħar jum, jew fil‑jum li fih sejrin ninġiebu sabiex nieqfu quddiemu biex jagħmel ħaqq minna, biex ma nkunux tebbajna x‑xwabel tagħna b’demm ħutna mill‑jum li fih huwa żvelalna l‑kelma tiegħu u b’hekk naddafna.

16 U issa, ħuti, jekk ħutna jippruvaw jeqirduna, araw, aħna naħbu x‑xwabel tagħna, iva, naħbuhom sewwasew fil‑fond fl‑art, ħalli huma jkunu jistgħu jibqgħu jleqqu, bħala xhieda, fl‑aħħar jum, li aħna qatt ma għamilna użu minnhom, u jekk ħutna jeqirduna, araw, aħna għad immorru quddiem Alla tagħna u nsalvaw.

17 U issa ġara li meta s‑sultan temm jgħid dan id‑diskors, u n‑nies kollha kienu miġburin flimkien, huma qabdu x‑xwabel tagħhom, u l‑armi kollha tagħhom li kienu ntużaw biex jinxtered demm il‑bniedem, u huma difnuhom fil‑fond fl‑art.

18 U huma għamlu dan, għax għalihom din kienet xhieda quddiem Alla, kif ukoll quddiem il‑bnedmin, li huma qatt ma kienu se jerġgħu jużaw l‑armi biex ixerrdu demm il‑bniedem; u huma għamlu dan, u taw il‑kelma tagħhom lil Alla u għamlu patt miegħu, li kienu jippreferu jagħtu ħajjithom milli jxerrdu demm ħuthom; u kienu jippreferu jagħtu lil ħuhom milli jeħdulu dak li hu tiegħu; u kienu jippreferu li jaħdmu b’idejhom bla heda milli jgħaddu ħajjithom fil‑għażż.

19 U b’hekk naraw li, meta dawn il‑Lamaniti wasslu biex emmnu u saru jafu l‑verità, huma saru nies sodi, u kienu jippreferu jġarrbu saħansitra l‑mewt milli jaqgħu fid‑dnub; u b’hekk naraw li huma difnu l‑armi tagħhom tal‑paċi, jew aħjar difnu l‑armi tal‑gwerra, għall‑paċi.

20 U ġara li ħuthom, il‑Lamaniti, bdew iħejju għall‑gwerra, u telgħu fl‑art ta’ Nefi bil‑għan li jeqirdu lis‑sultan, u jpoġġu ieħor minfloku, u jeqirdu wkoll lin‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi li hemm fil‑pajjiż.

21 Issa meta n‑nies raw li huma kienu se jaħbtu għalihom huma ħarġu biex jiltaqgħu magħhom, u nxteħtu quddiemhom mal‑art, u bdew isejħu isem il‑Mulej; u huma kienu sewwasew f’din il‑qagħda meta l‑Lamaniti bdew jinxteħtu fuqhom, u bdew joqtluhom bix‑xabla.

22 U b’hekk mingħajr ma ffaċċjaw ebda reżistenza, huma qatlu elf u ħamsa; u nafu li huma mberkin, għax huma marru jgħammru ma’ Alla tagħhom.

23 Issa meta l‑Lamaniti raw li ħuthom ma kenux lesti jaħarbu mix‑xabla, lanqas ma kienu lesti li jilwu lejn ix‑xellug jew lejn il‑lemin, iżda għażlu li jimteddu mal‑art u jmutu, u bdew ifaħħru lil Alla sewwasew fil‑mument li bdew jinqatlu permezz tax‑xabla—

24 Issa meta l‑Lamaniti raw dan huma ma komplewx joqtluhom; u kien hemm ħafna li ħassew qalbhom titqanqal għal dawk fost ħuthom li kienu waqgħu mejta permezz tax‑xabla, għax huma nidmu minn dak li kienu għamlu.

25 U ġara li huma rmew l‑armi tagħhom tal‑gwerra mal‑art, u ma ridux jaqbduhom b’idejhom aktar, għaliex ħassewhom itturmentati għall‑qtil li huma wettqu; u huma nxteħtu mal‑art l‑istess kif għamlu ħuthom, jiddependu mill‑ħniena ta’ dawk li dirgħajhom kienet tinsab mgħollija biex joqtluhom.

26 U ġara li mal‑poplu ta’ Alla dakinhar ingħaqdu aktar minn dawk li kienu nqatlu; u dawk li kienu nqatlu kienu nies ġusti, għalhekk m’għandniex għalfejn niddubitaw li huma ġew salvati.

27 U fost dawk li nqatlu ma kienx hemm raġel wieħed ħażin; iżda kien hemm aktar min elf li twasslu għall‑għarfien tal‑verità; b’hekk naraw li l‑Mulej jaħdem b’ħafna modi għas‑salvazzjoni tal‑poplu tiegħu.

28 Issa l‑akbar għadd fost il‑Lamaniti minn dawk li qatlu daqstant minn ħuthom kienu Għamalekin u Amuloniti, fejn l‑akbar għadd fosthom kienu skont l‑ordni tal‑poplu ta’ Neħor.

29 Issa, fost dawk li ngħaqdu mal‑poplu tal‑Mulej, ma kien hemm ħadd li kienu Għamalekin jew Amulonita, jew li kien skont l‑ordni ta’ Neħor, iżda huma kienu ġejjin direttament min‑nisel ta’ Laman u Lemwel.

30 U b’hekk nistgħu nagħrfu b’mod ċar, li wara li poplu li kien ġie mdawwal bl‑Ispirtu ta’ Alla, u kellu għarfien daqstant kbir ta’ ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mas‑sewwa, u mbagħad huma jaqgħu fid‑dnub u t‑trasgressjoni, huma jispiċċaw iwebbsu aktar rashom, u b’hekk l‑istat tagħhom isir agħar milli kieku qatt ma kellhom għarfien ta’ dawn il‑ħwejjeġ.