Skrittura
Alma 18


Kapitlu 18

Is‑Sultan Lamoni jaħseb li Għammon huwa l‑Ispirtu l‑Kbir—Għammon jgħallem lis‑sultan dwar il‑Ħolqien, l‑interazzjoni ta’ Alla mal‑bnedmin, u l‑fidwa li tinkiseb permezz ta’ Kristu—Lamoni jemmen u jaqa’ mal‑art bħallikieku mejjet. Madwar 90 Q.K.

1 U ġara li s‑sultan Lamoni ordna biex il‑qaddejja tiegħu jmorru quddiemu u jixhdu dwar dak kollu li huma kienu raw relatat ma’ dil‑ħaġa.

2 U meta huma xehdu lkoll dwar il‑ħwejjeġ li huma raw, u hu sar jaf dwar il‑fedeltà ta’ Għammon biex jippreserva l‑merħliet tiegħu, kif ukoll dwar il‑qawwa kbira tiegħu hekk kif ħadha ma’ dawk li ppruvaw joqtluh, huwa baqa’ verament mistagħġeb, u qal: M’hemmx dubju li dan hu aktar minn sempliċiment bniedem. Araw, mhuwiex dan l‑Ispirtu l‑Kbir li jibgħat kastigi daqstant kbar fuq dawn in‑nies, minħabba l‑qtil li huma jwettqu?

3 U huma wieġbu lis‑sultan u qalulu: Jekk huwiex l‑Ispirtu l‑Kbir jew jekk huwiex bniedem, aħna ma nafux; iżda li nafu hu li l‑għedewwa tas‑sultan ma setgħux joqtluh; lanqas ma setgħu ixerrdu l‑merħliet tas‑sultan meta huwa kien magħna, minħabba l‑ħila u l‑qawwa kbira tiegħu; għalhekk, aħna nafu li huwa ħabib tas‑sultan. U issa, O sultan, aħna ma naħsbux li bniedem għandu qawwa daqstant kbira, għax nafu li lilu ħadd ma jista’ joqtlu.

4 U issa, meta s‑sultan sema’ dan il‑kliem, hu qalilhom: Issa jiena naf li huwa l‑Ispirtu l‑Kbir; u li hu niżel hawn bħalissa biex jiena nippreserva ħajjitkom, ħalli ma noqtolkomx kif għamilt lil ħutkom. Issa dan hu l‑Ispirtu l‑Kbir li tkellmu dwaru missirijietna.

5 Issa dan kien it‑twemmin ta’ Lamoni, li kien wiret mingħand missieru, illi kien hemm Spirtu Kbir. Minkejja li kienu jemmnu fi Spirtu Kbir, kienu jaħsbu li dak kollu li huma għamlu kien ġust; madankollu, Lamoni beda jibża’ bil‑kbir, jibża’ li kien għamel ħażin li kien qatel lill‑qaddejja tiegħu;

6 Għax huwa kien qatel ħafna minnhom minħabba li ħuthom kienu xerrdulhom merħliethom fil‑post bl‑ilma; u b’hekk, huma nqatlu għax il‑merħliet tagħhom kienu ġew imxerrda.

7 Issa kienet id‑drawwa ta’ dawn il‑Lamaniti li jieqfu ħdejn l‑ilmijiet ta’ Sebu biex ixerrdu l‑merħliet tan‑nies, biex b’hekk ikunu jistgħu jidderieġu ħafna milli jkunu ġew imxerrda lejn arthom, għax kienet id‑drawwa tagħhom li jissakkeġġjaw.

8 U ġara li s‑sultan Lamoni staqsa lill‑qaddejja tiegħu u qalilhom: Fejn hu dan ir‑raġel li għandu daqstant qawwa kbira?

9 U huma qalulu: ara, huwa jinsab jitma’ ż‑żwiemel tiegħek. Issa s‑sultan kien ordna lill‑qaddejja tiegħu, qabel ma marru jisqu l‑merħliet tagħhom, li għandhom iħejju ż‑żwiemel u l‑karrijiet tiegħu, u joħduh sal‑art ta’ Nefi; għax missier Lamoni, li kien sultan fuq il‑pajjiż kollu kien ordna li ssir festa kbira fl‑art ta’ Nefi.

10 Issa meta s‑sultan Lamoni sema’ li Għammon kien qed iħejji ż‑żwiemel tiegħu u l‑karrijiet tiegħu huwa aktar stagħġeb, minħabba l‑fedeltà ta’ Għammon, u qal: Bla dubju ma kien hawn l‑ebda qaddej ieħor fost il‑qaddejja kollha tiegħi li kien daqstant fidil daqs dar‑raġel; għax hu saħansitra jiftakar il‑kmandamenti kollha tiegħi u jara li jwettaqhom.

11 Issa jiena naf mingħajr ebda dubju li dan hu l‑Ispirtu l‑Kbir, u nixtieq nitolbu jiġi ħdejja, iżda ma nazzardax nagħmel dan.

12 U ġara li meta Għammon lesta ż‑żwiemel u l‑karrijiet għas‑sultan u l‑qaddejja tiegħu, huwa daħal ħdejn is‑sultan, u ra wiċċ is‑sultan jinbidel; għalhekk kien għodu se jdur u jitlaq mill‑preżenza tiegħu.

13 U wieħed mill‑qaddejja tas‑sultan qallu, Rabbana, li tfisser, sultan setgħan jew kbir, peress li kienu jħarsu lejn is‑slaten tagħhom bħala nies setgħana; u b’hekk huwa qallu: Rabbana, is‑sultan jixtieqek tibqa’ hawn.

14 Għalhekk Għammon dar lejn is‑sultan u qallu: Xi tridni nagħmel għalik, O sultan? U għal siegħa sħiħa, skont il‑ħin tagħhom, is‑sultan baqa’ ma wieġbu xejn, għax ma kienx jaf x’se jaqbad jgħidlu.

15 U ġara li Għammon reġa’ qallu: X’tixtieq minni? Iżda s‑sultan ma wieġbu xejn.

16 U ġara li Għammon, peress li kien mimli bl‑Ispirtu ta’ Alla, seta’ jagħraf il‑ħsibijiet tas‑sultan. U huwa qallu: Għax smajt li jiena ddefendejt lill‑qaddejja tiegħek u l‑merħliet tiegħek, u qtilt sebgħa minn ħuthom permezz tal‑iżbandola u x‑xabla, u oħrajn qtajtilhom dirgħajhom, biex niddefendi l‑merħliet tiegħek u l‑qaddejja tiegħek, dan hu li qed jikkawża l‑istagħġib tiegħek?

17 Jiena nistaqsik, x’inhu li qed jikkawża fik daqstant stagħġib? Ara, jiena bniedem, u jiena l‑qaddej tiegħek; għalhekk, dak kollu li inti tixtieq li huwa sewwa, dan jien lest li nagħmel.

18 Issa meta s‑sultan sema’ dan il‑kliem, huwa reġa’ beda jistagħġeb, għax ra li Għammon seta’ jagħraf ħsibijietu; iżda minkejja dan, is‑sultan Lamoni fetaħ fommu u qallu: Int min int? Inti dak l‑Ispirtu l‑Kbir, li għandu għarfien ta’ kollox?

19 Għammon wieġbu u qallu: Le minix.

20 U s‑sultan qal: Int kif taf il‑ħsibijiet ta’ qalbi? Tista’ titkellem bla tlaqliq, u tgħidli dwar dawn il‑ħwejjeġ; u tgħidli wkoll b’liema qawwa inti qtilt u qtajt dirgħajn ħuti li xerrdu merħlieti—

21 U issa, jekk inti tgħidli dwar dawn il‑ħwejjeġ, dak kollu li tixtieq jien nagħtihulek; u jekk ikun hemm il‑ħtieġa, jiena nħarsek permezz tal‑armati tiegħi; iżda jien naf li inti għandek aktar qawwa minnhom kollha; madankollu, dak kollu li tixtieq minni jien nagħtihulek.

22 Issa Għammon, li moħħu kien jilħaqlu, madankollu ma kellu l‑ebda ħażen, qal lil Lamoni: Int lest li tisma’ kliemi, jekk ngħidlek b’liema qawwa nwettaq dawn il‑ħwejjeġ? U dan hu dak li nixtieq mingħandek.

23 U s‑sultan wieġbu u qal: Iva, jiena lest nemmen dak kollu li inti tgħid. U b’hekk huwa nqabad b’daqsxejn ta’ makakkerija.

24 U Għammon beda jkellmu bla biża’ u qallu: Temmen inti li hemm Alla?

25 U hu wieġeb u qallu: Ma nafx xi jfisser dan.

26 U Għammon qal: Temmen inti li hemm Spirtu Kbir?

27 U huwa qal, Iva.

28 U Għammon qallu: Dan hu Alla. U Għammon reġa’ qallu: Temmen inti li dan l‑Ispirtu l‑Kbir, li hu Alla, ħoloq kull ħaġa li hawn fis‑smewwiet u fl‑art?

29 U huwa qal: Iva, jien nemmen li hu ħoloq kull ħaġa li hawn fuq l‑art; iżda ma nafx dwar is‑smewwiet.

30 U Għammon qallu: Is‑smewwiet huwa post li fih jgħammar Alla u l‑anġli mqaddsa tiegħu.

31 U s‑sultan Lamoni qal: Jinsab ’il fuq mill‑art?

32 U Għammon qal: Iva, u hu jinsab iħares ’l isfel lejn ulied il‑bnedmin; u hu jaf il‑ħsibijiet u l‑intenzjonijiet kollha tal‑qalb; għax permezz ta’ jdejh huma ġew maħluqa lkoll sa mill‑bidu.

33 U s‑sultan Lamoni qal: Jien nemmen dan kollu li inti għidt. Allura inti mibgħut minn Alla?

34 Għammon qallu: Jiena bniedem; u l‑bniedem fil‑bidu kien maħluq fi xbieha ta’ Alla, u jiena ġejt imsejjaħ mill‑Ispirtu Qaddis tiegħu biex ngħallem dawn il‑ħwejjeġ lil dan il‑poplu, ħalli huma jkunu jistgħu jinġiebu għal għarfien ta’ dak li hu ġust u veru;

35 U sehem minn dak l‑Ispirtu jgħammar fija, li jagħtini l‑għarfien kif ukoll il‑qawwa skont il‑fidi u x‑xewqat tiegħi li huma f’Alla.

36 Issa meta Għammon qal dan il‑kliem, hu beda bil‑ħolqien tad‑dinja, kif ukoll il‑ħolqien ta’ Adam, u qallu dak kollu relatat mal‑waqgħa tal‑bniedem, u rrakkontalu u għarfu dwar l‑annali u l‑iskrittura mqaddsa tal‑poplu, li tkellmu dwarhom il‑profeti, sewwasew minn żmien li missierhom, Leħi, ħalla Ġerusalemm.

37 U huwa rrakkontalhom (għax kien qed jagħmel dan lis‑sultan u l‑qaddejja tiegħu) dwar il‑vjaġġi ta’ missirijiethom fid‑deżert, u t‑tbatija kollha li għaddew minnha minħabba l‑ġuħ u l‑għatx, u t‑taħbit, u aktar.

38 U hu rrakkontalhom ukoll dwar l‑irvellijiet ta’ Laman u Lemwel u wlied Ismagħel, iva, irrakkontalhom dwar l‑irvellijiet kollha tagħhom; u hu fissrilhom l‑annali u l‑iskrittura kollha minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm sa dan iż‑żmien.

39 Iżda dan mhux kollox; għax hu fissrilhom il‑pjan tal‑fidwa, li ġie mħejji sa mill‑ħolqien tad‑dinja; u hu għarrafhom ukoll dwar il‑miġja ta’ Kristu, u dwar l‑għemejjel kollha tal‑Mulej għarrafhom.

40 U ġara li wara li huwa qal dawn il‑ħwejjeġ kollha, u fissirhom lis‑sultan, is‑sultan wasal biex emmen dak kollu li qal.

41 U hu beda jgħajjat lill‑Mulej u jgħid: O Mulej, ikollok ħniena; skont il‑ħniena bil‑kotra li inti kellek fuq il‑poplu ta’ Nefi, ikollok ħniena minni, u mill‑poplu tiegħi.

42 U issa, meta huwa qal dan, hu waqa’ mal‑art, bħallikieku mejjet.

43 U ġara li l‑qaddejja tiegħu ħaduh u ġarrewh għand martu, u meddewh fuq sodda; u hu mtedd bħallikieku kien mejjet għal jumejn u żewġt iljieli; u martu, u wliedu, is‑subien u anke l‑bniet, bkew fuqu, skont id‑drawwa tal‑Lamaniti, fejn bdew jibku bil‑kbir it‑telfa tiegħu.