Skrittura
Alma 13


Kapitlu 13

L‑irġiel li jissejħu bħala qassisin il‑kbar jissejħu minħabba l‑fidi kbira u l‑opri tajba tagħhom—Huma għandhom jgħallmu l‑kmandamenti—Huma jitqaddsu permezz tal‑sewwa u jiksbu l‑mistrieħ tal‑Mulej—Melkisedek kien wieħed minnhom—L‑anġli jxandru l‑bxara t‑tajba madwar il‑pajjiż—Huma se jxandru l‑vera miġja ta’ Kristu. Madwar 82 Q.K.

1 U għal darb’oħra, ħuti, jiena se nerġa’ nfakkarkom fi żmien meta l‑Mulej Alla ta dawn il‑kmandamenti lil uliedu; u nixtieqkom tiftakru li l‑Mulej Alla ordna qassisin, skont l‑ordni mqaddsa tiegħu, li hi skont l‑ordni ta’ Ibnu, biex huma jgħallmu dawn il‑ħwejjeġ lill‑poplu.

2 U dawk il‑qassisin ġew ordnati skont l‑ordni ta’ Ibnu, b’tali mod li permezz tagħhom il‑poplu jkun jista’ jsir jaf kif huwa jista’ jħares ’il quddiem lejn Ibnu għall‑fidwa.

3 U dan huwa l‑mod kif huma ġew ordnati—huma ġew imsejħin u mħejjijin sa mill‑ħolqien tad‑dinja skont l‑għarfien minn qabel ta’ Alla, minħabba l‑fidi mill‑aktar kbira u l‑opri tajba tagħhom; għall‑ewwel billi tħallew jagħżlu t‑tajjeb jew il‑ħażin; għalhekk huma għax għażlu t‑tajjeb, u eżerċitaw fidi mill‑aktar kbira, ġew imsejħa permezz ta’ sejħa qaddisa, iva, permezz ta’ dik is‑sejħa qaddisa li ġiet imħejjija flimkien ma’, u skont, fidwa preparatorja għal nies bħalhom.

4 U b’hekk huma ġew imsejħin għal din is‑sejħa qaddisa minħabba l‑fidi tagħhom, filwaqt li oħrajn jagħżlu li jiċħdu l‑Ispirtu ta’ Alla minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom u l‑għama ta’ moħħhom, filwaqt, li kieku ma kienx għal dan huma setgħu ikollhom l‑istess privileġġ kbir li għandhom ħuthom.

5 Jew, f’kelma waħda, fil‑bidu huma kienu fuq l‑istess binarju bħal ħuthom; b’hekk din is‑sejħa qaddisa ġiet imħejjija sa mill‑ħolqien tad‑dinja għal dawk kollha li ma jwebbsux qalbhom, u dan minħabba, u permezz ta’, l‑espjazzjoni tal‑Iben il‑Waħdieni, li ġie mħejji—

6 U b’hekk huma ġew imsejħin permezz ta’ din is‑sejħa qaddisa, u ordnati għas‑saċerdozju l‑kbir tal‑ordni mqaddsa ta’ Alla, biex jgħallmu l‑kmandamenti tiegħu lil ulied il‑bnedmin, biex huma wkoll ikunu jistgħu jiksbu l‑mistrieħ tiegħu—

7 Dan is‑saċerdozju l‑kbir huwa skont l‑ordni ta’ Ibnu, liema ordni ilha sa mill‑ħolqien tad‑dinja; jew fi kliem ieħor, la għandha bidu u lanqas tmiem, u ġiet imħejjija mill‑eternità sal‑eternità kollha, skont l‑għarfien tiegħu minn qabel ta’ kull ħaġa—

8 Issa huma ġew ordnati b’dan il‑mod—huma ġew imsejħin b’sejħa qaddisa, u ordnati b’ordinanza qaddisa, u ħadu fuqhom is‑saċerdozju l‑kbir tal‑ordni mqaddsa, liema sejħa, u ordinanza, u saċerdozju l‑kbir, huma mingħajr bidu jew tmiem—

9 B’hekk huma saru qassisin il‑kbar għal dejjem, skont l‑ordni tal‑Iben, l‑Iben il‑Waħdieni tal‑Missier, li la għandu bidu u lanqas tmiem, li hu mimli grazzja, ġustizzja, u verità. U hekk hu. Ammen.

10 Issa, bħalma għidt dwar l‑ordni mqaddsa, jew dwar dan is‑saċerdozju l‑kbir, kienu ħafna li ġew ordnati u saru qassisin il‑kbar ta’ Alla; u dan kien minħabba l‑fidi mill‑aktar kbira tagħhom u l‑indiema tagħhom, u t‑tjieba tagħhom quddiem Alla, għax minflok ma jintilfu huma għażlu li jindmu u jagħmlu t‑tajjeb;

11 Għalhekk huma ġew imsejħa skont din l‑ordni mqaddsa, u ġew ikkonsagrati, u lbieshom ġie maħsul u mbajjad permezz ta’ demm il‑Ħaruf.

12 Issa huma, wara li ġew ikkonsagrati permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, għaliex ilbieshom ġie mbajjad, għax kienu safja u bla tebgħa quddiem Alla, huma ma setgħux iħarsu lejn id‑dnub jekk mhux b’sens ta’ stmerrija; u kienu ħafna, verament ħafna, li ġew imsaffija u kisbu l‑mistrieħ tal‑Mulej Alla tagħhom.

13 U issa, ħuti, nixtieq li intom tiċċekknu quddiem Alla, u tipproduċu frott xieraq tal‑indiema, biex intom ukoll tkunu tistgħu tiksbu dak il‑mistrieħ.

14 Iva, iċċekknu kif għamlu n‑nies fi żmien Melkisedek, li kien ukoll qassis il‑kbir skont din l‑istess ordni li tkellimt dwarha, li ħa fuqu wkoll is‑saċerdozju l‑kbir għal dejjem.

15 U huwa l‑istess Melkisedek li lilu Abraham ħallas id‑dieċmi; iva, missierna Abraham sewwasew ħallas dieċmi ta’ għaxra fil‑mija fuq dak kollu li huwa kellu.

16 Issa dawn l‑ordinanzi ġew mogħtija b’dan il‑mod, biex permezz tagħhom in‑nies ikunu jistgħu iħarsu bil‑ħrara lejn Bin Alla, fejn huma rappreżentazzjoni tal‑ordni tiegħu, jew huma l‑istess ordni tiegħu, u dan biex ikunu jistgħu jħarsu bil‑ħrara lejh għall‑maħfra ta’ dnubiethom, biex huma jkunu jistgħu jiksbu l‑mistrieħ tal‑Mulej.

17 Issa dan Melkisedek kien sultan fuq l‑art ta’ Salem; u n‑nies tiegħu aktar ma jmorru aktar bdew iwettqu l‑ħażen u għemejjel mistkerrha; iva, huma lkoll qabdu triq ħażina; kienu mimlija b’kull xorta ta’ ħażen.

18 Iżda Melkisedek li eżerċita fidi mill‑aktar qawwija, u ngħata l‑kariga tas‑saċerdozju l‑kbir skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, xandar l‑indiema lin‑niesu. U araw, huma nidmu; u f’ħajtu Melkisedek stabbilixxa l‑paċi fil‑pajjiż; għalhekk huwa ġie msejjaħ il‑prinċep tal‑paċi, għax huwa kien is‑sultan ta’ Salem; u huwa saltan taħt missieru.

19 Issa, kien hemm ħafna qablu, u kien hemm ukoll ħafna warajh, iżda ħadd ma kien akbar minnu; għalhekk, l‑aktar li huma kitbu kien partikolarment dwaru.

20 Issa jiena mhux se nibqa’ nitkellem dwar dil‑ħaġa; dak li għidt huwa biżżejjed. Araw, intom għandkom f’idejkom l‑iskrittura; jekk tgħawwġu kliemha dan iwassal għall‑qerda tagħkom.

21 U issa ġara li meta Alma qalilhom dan il‑kliem, huwa medd idu lejhom u għajjat b’leħen qawwi u qal: Issa hu l‑ħin li fih għandkom tindmu, għax jum is‑salvazzjoni qed joqrob;

22 Iva, u leħen il‑Mulej, permezz ta’ fomm l‑anġli, jiddikjara dan lill‑ġnus kollha; iva, jiddikjara dan biex huma jkunu jistgħu jiksbu l‑bxara ta’ hena mill‑akbar; iva, u huwa jħabbar din il‑bxara t‑tajba fost il‑poplu tiegħu kollu, iva, anke fost dawk li jinsabu mxerrdin mad‑dinja, mal‑wiċċ kollu tal‑art; hu għalhekk li ġejna mogħtija din il‑bxara.

23 U dan ġie żvelat lilna b’ċarezza kbira, biex aħna nkunu nistgħu nifhmu, u ma nifhmux ħażin; u dan għaliex aħna poplu vagabond f’art barranija; għalhekk, aħna b’hekk poplu verament imbierek, għax din il‑bxara t‑tajba ġiet imxandra lilna f’kull parti tal‑għalqa tagħna.

24 Għax araw, bħalissa l‑anġli qed ixandruha lil ħafna nies f’artna; u dan huwa bil‑għan li huma jħejju qlub ulied il‑bnedmin biex huma jirċievu l‑kelma tiegħu fil‑mument tal‑miġja tiegħu fil‑glorja kollha tiegħu.

25 U għalissa nibqgħu nistennew biex nisimgħu l‑aħbar ta’ ferħ dwar il‑miġja tiegħu li se tiġi mxandra lilna permezz ta’ fomm l‑anġli; għax is‑siegħa għad tasal, iżda ma nafux kemm hi fil‑qrib. Mhux li kien li dan iseħħ f’ħajti; iżda jekk hijiex fil‑qrib jew fil‑bogħod, permezz tagħha jien nithenna.

26 U dan se jiġi żvelat lil bnedmin ġusti u qaddisa, permezz ta’ fomm l‑anġli, fi żmien il‑miġja tiegħu, biex kliem missirijietna jkun jista’ jiġi fis‑seħħ, skont dak li huma qalu dwaru, li kien skont l‑ispirtu tal‑profezija li kien jinsab fihom.

27 U issa, ħuti, nixtieq minn qiegħ qalbi, iva, b’anzjetà kbira fuqi li kkawżatli tant uġigħ, li intom tagħtu widen għal kliemi, u tabbandunaw dnubietkom u ma toqogħdux tipprokrastinaw il‑jum tal‑indiema tagħkom;

28 Iżda araw li intom iċekknu lilkom infuskom quddiem il‑Mulej, u ssejħu l‑isem imqaddes tiegħu, u araw li tishru u titolbu kontinwament, sabiex intom ma tkunux imġarrbin aktar milli tifilħu, u b’hekk tiġu mmexxijin mill‑Ispirtu s‑Santu, u ssiru nies umli, qalbkom ħelwa, sottomessi, tolleranti, mimlija mħabba u sabar.

29 U araw li jkollkom fidi fil‑Mulej; li jkollkom tama li sejrin tirċievu l‑ħajja ta’ dejjem; li jkollkom l‑imħabba ta’ Alla dejjem f’qalbkom, sabiex fl‑aħħar jum tkunu tistgħu tiġu eżaltati u tiksbu l‑mistrieħ tiegħu.

30 U jalla l‑Mulej isawwab fuqkom l‑indiema, biex intom ma tistednux l‑għadab tiegħu fuqkom, ħalli intom ma tispiċċawx marbutin bil‑ktajjen tal‑infern, ħalli ma jkollkomx tgħaddu mit‑tieni mewta.

31 U l‑kliem li Alma qal lin‑nies kien ferm aktar min dan, liema kliem mhuwiex miktub f’dan il‑ktieb.