Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 5: Ġesù Għamel id-Dinja


Immaġni
Il-pjaneta li ngħixu fiha

Kapitlu 5

Ġesù Għamel id-Dinja

Min għamel din id-dinja? Għalfejn għamilha?

Aħna Kellna Bżonn Dinja

Parti mill-pjan li spjegalna Missierna fis-Smewwiet meta konna fis-smewwiet kien li aħna kellna nħallu s-smewwiet għal xi żmien. Aħna kellna bżonn post fejn immorru, ’il bogħod mill-preżenza tiegħu, biex nirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam u biex niġu ttestjati ħalli nuru jekk aħniex se nagħmlu għażliet tajbin. Hu kellu bżonn lil xi ħadd biex jagħmel dan il-post għalina. Hu għażel lil Ġesù biex jagħmel dan.

Diskussjoni

  • Għaliex Alla ppjana biex jagħmel dinja għalina?

Ġesù Għamel id-Dinja

Ġesù għamel id-dinja. Hu għamel il-jum u l-lejl. Hu għamel ix-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb. Hu ssepara l-ilma mill-art niexfa u għamel l-ibħra, il-lagi, u x-xmajjar. Fid-dinja Hu ħawwel il-ħaxix, is-siġar, il-fjuri, u kull tip ieħor ta’ pjanti. Imbagħad Hu qiegħed l-annimali, il-ħut, l-għasafar, u l-insetti fid-dinja. Meta Ġesù għamel dan kollu, id-dinja kienet lesta għan-nies biex jgħixu fiha.

Imbagħad Missierna fis-Smewwiet għamel raġel u mara. Ir-raġel ġie msemmi Adam, u l-mara ġiet imsemmija Eva. It-tnejn li huma kellhom ġisem tal-laħam u l-għadam bħall-ġisem ta’ Missierna fis-Smewwiet. Din il-ħidma kollha li tinħoloq id-dinja u jitqiegħdu l-affarijiet ħajjin fiha tissejjaħ il-Ħolqien. Missierna fis-Smewwiet kien sodisfatt bid-dinja u b’kull ħaġa li lil Ġesù talbu jqiegħed fiha.

Diskussjoni

  • Kif kienu differenti Adam u Eva minn kull ħaġa oħra li għamel Alla?

Dak Kollu li Ħoloq Missierna fis-Smewwiet Jurina li Hu Jħobbna

Issa aħna qed ngħixu fid-dinja sabiħa li Missierna fis-Smewwiet talab lil Ġesù biex jagħmel. Ix-xemx tagħtina s-sħana u d-dawl. Ix-xita tgħin il-pjanti jikbru u tagħtina l-ilma biex nixorbu. Il-pjanti u l-annimali fid-dinja jipprovdulna l-ikel u l-ilbies.

Ġesù għamel dan kollu għalina, taħt id-direzzjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet. Meta naraw li Hu ried li jinħoloq dan kollu għalina, aħna nirrealizzaw li Missierna fis-Smewwiet iħobbna u jimpurtah minna.

Diskussjoni

  • Aħsbu dwar xi affarijiet li Missierna fis-Smewwiet ħoloq għalina.

  • Kif nafu li Missierna fis-Smewwiet iħobbna u jimpurtah minna?

Aħna Nistgħu Nuru li Aħna Grati għad-Dinja

Għandna dejjem niftakru li Missierna fis-Smewwiet għamel li jinħoloq kollox fid-dinja għalina. Huwa ma jieħux gost meta aħna ma niftakrux dan. Nistgħu nuruh li aħna grati billi nużaw b’għaqal l-affarijiet li hawn fid-dinja. M’għandna naħlu xejn milli hawn fid-dinja. Għandna nieħdu ħsieb tad-dinja u nżommuha nadifa. Għandna nirringrazzjaw lil Missierna fis-Smewwiet għal din id-dinja sabiħa meta nitolbuh. Aħna nuruh ukoll li aħna grati għad-dinja billi nagħmlu l-affarijiet li Hu jridna nagħmlu hawnhekk.

Diskussjoni

  • Kif nistgħu nuru lil Missierna fis-Smewwiet li aħna grati għad-dinja?