Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 30: Id-Dmir Tagħna li Ngħinu lill-Membri tal-Familja


Kapitlu 30

Id-Dmir Tagħna li Ngħinu lill-Membri tal-Familja

Kull membru tal-familja kif jista’ jgħin jagħmel il-familja waħda hienja?

Kull Membru tal-Familja Hu Importanti

Biex ikollok familja li fiha tgħammar l-imħabba u l-kuntentizza hemm bżonn daqsxejn ta’ sforz. Missierna fis-Smewwiet ta ċerti responsabbiltajiet lil kull persuna fil-familja. Il-membri kollha tal-familja għandhom jgħinu u jferrħu lil xulxin u juru t-tjubija bejniethom. Meta aħna nitolbu, naħdmu, inkantaw, u nilagħbu flimkien, il-familji tagħna jkunu kuntenti.

Jekk ikollna l-imħabba lejn il-membri l-oħra tal-familja tagħna, ikun aktar faċli għalina li nagħmlu l-affarijiet li jridna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet. Meta nħobbu lill-membri tal-familja tagħna, inkunu rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinuhom. Anke l-affarijiet li huma diffiċli biex nagħmluhom isiru aktar faċli jekk aħna nagħmluhom b’imħabba. Trid il-ħin u x-xogħol biex tkun membru tajjeb tal-familja.

Diskussjoni

  • Kull membru tal-familja kif jista’ jgħin biex jagħmel id-dar waħda aktar hienja?

  • Għalfejn kull membru tal-familja huwa importanti?

Missierna fis-Smewwiet Ta lill-Ġenituri Responsabbiltajiet Speċjali

Il-missier u l-omm għandhom jaħdmu flimkien biex jieħdu ħsieb ta’ wliedhom u jipprovdu l-affarijiet li jeħtieġu. Huma għandhom ukoll jgħallmu l-evanġelju lil uliedhom. Għandhom jgħallmuhom biex jitolbu u jobdu l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet.

Il-missier u l-omm għandhom jifhmu li xi kultant uliedhom se jagħmlu għażliet ħżiena anke wara li jiġu mgħallmin dak li hu sewwa.

Meta l-ulied jagħmlu xi ħaġa ħażina, il-ġenituri m’għandhomx jieqfu milli jippruvaw jgħinuhom. Il-ġenituri għandhom ikomplu jħobbu u jgħallmu lil uliedhom. Huma għandhom ukoll ikunu ta’ eżempju tajjeb għalihom u għandhom isumu u jitolbu għalihom.

Il-ġenituri għandhom jipprovdu ċerti affarijiet għall-familja tagħhom:

  1. Għandhom iħobbu lil uliedhom u jgħallmu lil uliedhom biex iħobbu lil ħaddieħor.

  2. Għandhom jgħallmu l-evanġelju lil uliedhom.

  3. Għandhom jgħallmu lill-membri tal-familja kif jitolbu.

  4. Għandhom jgħallmu lil uliedhom biex iħallsu d-dieċmi u l-offerti billi jħallsu d-dieċmi u l-offerti tagħhom stess.

  5. Għandhom jgħallmu lil uliedhom kif jaħdmu.

  6. Għandhom jipprovdulhom dar nadifa, ilbies, u ikel.

  7. Għandhom jaraw li wliedhom jitgħallmu jaqraw, jiktbu, u jagħmlu somom bażiċi billi jibagħtuhom l-iskola jew jgħallmuhom fid-dar.

  8. Għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex uliedhom ikunu jistgħu jitgħallmu xi professjoni u jkunu preparati biex jaqilgħu biżżejjed flus għall-affarijiet li jeħtieġu.

  9. Għandhom juru lil uliedhom kif għandhom jonfqu flushom b’għaqal u jfaddlu għalli jista’ jinqala’.

  10. Għandhom jgħinu lill-uliedhom itejbu l-ħiliet u l-abbiltajiet tagħhom. Dawn jistgħu jkunu affarijiet bħall-abbiltà li jgħallmu, idoqqu l-mużika, ikantaw, isewwu l-affarijiet, jew jifhmu lil ħaddieħor.

Il-ġenituri għandhom ikunu lesti li jaħdmu iebes biex jgħinu lil uliedhom. Missierna fis-Smewwiet qal li l-ġenituri għandhom jaraw li wliedhom jittrattaw lil xulxin tajjeb u li jkollhom x’jieklu u x’jilbsu.

Il-ġenituri għandhom jippjanaw bil-quddiem biex jipprovdu dawn l-affarijiet anke jekk huma jimordu, jitilfu l-impjieg tagħhom, jew ikollhom xi problemi oħra. Huma jistgħu jagħmlu dan billi jfaddlu xi flus u jaħżnu ftit aktar ikel, ħwejjeġ, u fjuwil fejn hu permess li jsir dan.

Diskussjoni

  • X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri biex jipprovdu għall-bżonnijiet tal-familji tagħhom?

  • X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri biex jippreparaw għal żminijiet meta jista’ jkollhom xi problemi?

Immaġni
membri tal-familja jsajru flimkien

Il-Missier Għandu Responsabbiltajiet Speċifiċi

Il-missier hu l-mexxej tas-saċerdozju fil-familja. Il-missier għandu jmexxi l-familja tiegħu b’imħabba u tjubija. Hu għandu juri lill-membri tal-familja tiegħu kif għandhom jgħixu l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet billi jgħixhom huwa stess. Hu għandu jgħallem ukoll l-evanġelju lill-familja tiegħu. Hu għandu jiġbor il-familja tiegħu flimkien għat-talb tal-familja filgħodu u filgħaxija. Martu għandha tgħinu jagħmel dan.

Il-missier għandu juża s-saċerdozju tiegħu biex ibierek lill-membri tal-familja tiegħu. Hu jista’ jagħti barka u isem lill-uliedu ċ-ċkejknin. Hu jista’ jgħammidhom meta huma jkollhom tmien snin. Hu jista’ jordna lill-uliedu s-subien għas-saċerdozju u jagħti lil uliedu barkiet speċjali meta huma jkollhom bżonn. Hu jista’ jberikom meta huma jkunu morda.

Il-missier għandu jqatta’ ħin ma’ kull wieħed u waħda minnhom individwalment. Hu għandu jitkellem magħhom u jitgħallem jifhem il-bżonnijiet u preokkupazzjonijiet tagħhom. Hu għandu jħeġġiġhom u jgħidilhom li jħobbhom. Għandu jgħidilhom li huma dejjem jistgħu jmorru għandu għall-għajnuna hi x’inhi l-problema li jista’ jkollhom.

Diskussjoni

  • X’inhuma r-responsabbiltajiet tal-missier?

  • Kif jista’ juża s-saċerdozju li huwa jħaddan biex jgħin lill-familja tiegħu?

L-Omm Għandha Responsabbiltajiet Speċifiċi

L-aktar responsabbiltà importanti ta’ omm hi li ġġib l-ulied fid-dinja u tieħu ħsiebhom u tgħallimhom. Li tagħti ġisem tal-laħam u l-għadam lill-ulied spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet huwa dmir sagru. Meta omm tagħmel dan, hija tkun sħab ma’ Missierna fis-Smewwiet. Li ġġib it-tfal fid-dinja hi waħda mill-akbar fost il-barkiet kollha.

L-omm għandha tkun mara li tħobb. Għandha tgħin ħalli tgħallem l-evanġelju lil uliedha kollha. Hi jeħtieġ li tgħin u taħdem ma’ wliedha kollha. Omm għandha tara li wliedha kollha jħossuhom importanti u għandha tgħinhom jifhmu l-affarijiet ta’ madwarhom. Hi għandha taħdem bi sħab ma’ żewġha biex tagħmel dan.

Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem dwar grupp ta’ ġuvintur twajbin li obdew it-tagħlim ta’ ommijiethom. L-ommijiet ta’ dawn il-ġuvintur għallmuhom biex ikunu onesti, kuraġġjużi, u twajbin. Ommijiethom għallmuhom ukoll li Missierna fis-Smewwiet iżommhom ’il bogħod mill-periklu jekk huma jkollhom il-fidi f’Ġesù. Dawn il-ġuvintur kellhom isiru suldati biex jiddefendu arthom. Peress li dawn il-ġuvintur kienu jgħixu t-tagħlim ta’ ommijiethom u kellhom il-fidi, huma kellhom il-kuraġġ li jwettqu dmirhom minkejja l-periklu kbir li kellhom quddiemhom. Kull omm jista’ jkollha influwenza kbira fil-ħajja ta’ wliedha.

Diskussjoni

  • X’inhuma r-responsabbiltajiet ta’ omm?

  • Għaliex l-irwol ta’ omm jissejjaħ sħubija ma’ Missierna fis-Smewwiet?

Meta Jkun Hemm Biss Ġenitur Wieħed

Xi kultant il-missier jew l-omm jitħallew weħidhom fit-trobbija tal-familja u jeħtieġ li huma jagħmlu x-xogħol kemm ta’ missier kif ukoll ta’ omm. Missierna fis-Smewwiet jaf li din hi ħaġa diffiċli li wieħed jagħmel. Jekk din il-persuna, li nsejħulha single parent, titlob lil Missierna fis-Smewwiet, Missierna fis-Smewwiet jgħin lil dik il-persuna tieħu ħsieb il-familja.

Single parent jista’ jkollha wkoll l-għajnuna tal- aħwa rġiel li jimministraw* u l- aħwa nisa li jimministraw* (membri tal-Knisja assenjati biex jieħdu ħsieb lil membri oħra tal-Knisja).

Diskussjoni

  • Min jista’ jgħin lis-single parents?

It-Tfal Ukoll Għandhom Responsabbiltajiet Speċifiċi

It-tfal għandhom jgħinu lill-ġenituri tagħhom jagħmlu darhom post li fih jgħammar il-ferħ. It-tfal għandhom jgħinu lill-ġenituri tagħhom inaddfu d-dar u l-inħawi tal-madwar. Huma jistgħu jgħinu jħejju l-ikel għall-familja, jaħslu l-platti, u jaħslu l-ħwejjeġ. Huma jistgħu wkoll jgħinu jieħdu ħsieb ħuthom iż-żgħar.

It-tfal għandhom jagħmlu sforz li jitgħallmu l-affarijiet li jgħallmuhom il-ġenituri tagħhom. Għandhom jitgħallmu jaħdmu iebes u jagħmlu xogħolhom sewwa. Għandhom jitgħallmu jagħmlu dak kollu li jintalbu jagħmlu.

It-tfal għandhom jobdu l-kmandamenti ta’ Ġesù. Għandhom jgħinu lill-membri l-oħra tal-familja. Missierna fis-Smewwiet ma jiħux pjaċir meta t-tfal jiġġieldu. Missierna fis-Smewwiet qal lit-tfal biex jobdu u juru rispett lejn il-ġenituri tagħhom.

It-tfal għandhom iħobbu lill-ġenituri tagħhom. Huma għandhom jobduhom u jirrispettawhom. It-tfal għandhom ukoll jieħdu ħsieb tal-ġenituri tagħhom meta huma jkunu morda jew meta jixjieħu u ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb aktar tagħhom infushom.

Diskussjoni

  • Missierna fis-Smewwiet x’jistenna li jagħmlu l-ulied?

  • X’għandhom jagħmlu l-ulied għall-ġenituri tagħhom meta huma jixjieħu?

  • X’għandhom jagħmlu l-ulied biex jobdu u juru rispett lejn il-ġenituri tagħhom?

Il-Bżonn li Nsaħħu l-Familja

Fid-dinja tal-lum, ħafna nies ħżiena qed jippruvaw ibiddlu l-ideat tagħna dwar il-familja. It-televiżjoni, il-films, u r-rivisti juru ħafna ideat strambi u ħżiena dwar l-irġiel u n-nisa u kif dawn jaġixxu bejniethom. Ċerti ideat ħżiena qed jiġu mgħallmin permezz ta’ programmi li jkunu jidhru bħala umoristiċi u divertenti. Il-ksur tal-liġi tal-kastità jagħmluha tidher bħala xi ħaġa eċċitanti u ta’ min jixtieqha. It-tfal juruhom bla rispett lejn il-ġenituri tagħhom. Il-familji tajbin jgħaddu ż-żmien bihom. Xi kultant uliedna qatt ma jaraw permezz ta’ film jew fuq it-televiżjoni kif tkun verament dar tajba.

Il-ġenituri għandhom jippruvaw jipproteġu lil uliedhom milli jaraw films u programmi tat-televiżjoni ta’ dan it-tip. Għandhom jgħallmu lil uliedhom għalfejn m’għandhomx jaraw programmi jew films ħżiena. Aktar importanti minn kollox, il-ġenituri għandhom dejjem jagħtu eżempju tajjeb f’darhom. Jekk ta’ kuljum it-tfal jaraw eżempju tajjeb ġewwa darhom, huma jkunu tfal tajbin u, aktar tard, ikunu ġenituri tajbin. Jekk jaraw lill-ġenituri tagħhom iħobbu lil xulxin, huma jkunu jridu jsiru wkoll ġenituri bħalhom.

Diskussjoni

  • Għalfejn għandna nagħżlu bir-reqqa x’affarijiet għandhom jaraw uliedna fuq it-televiżjoni jew fil-films?

Missierna fis-Smewwiet Iridna Ngħinu Lil Xulxin

Il-membri kollha tal-familja għandhom iħobbu u jgħinu lil xulxin. Aħna nitgħallmu ngħinu lil ħaddieħor billi l-ewwel ngħinu lill-ġenituri tagħna u lil ħutna. Għandna ngħinu wkoll lill-qraba tagħna meta jkollhom bżonn l-għajnuna. M’għandniex nitolbu lil ħaddieħor biex jgħinna sakemm aħna kapaċi nipprovdu għalina nfusna. Jekk nagħmlu dan, Missierna fis-Smewwiet ma jkunx kuntent bina.

Ġesù ħabb lil kulħadd, u Hu ġie fid-dinja biex jgħinna. Hu għallimna biex inħobbu u ngħinu lil xulxin. Meta nħobbu lill-oħrajn kif għamel Ġesù, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinuhom.

Xi wħud minna nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet biex jgħin lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna, u mbagħad aħna stess ma nagħmlu xejn biex ngħinuhom. Dan mhux sewwa. Għandna niftakru li Missierna fis-Smewwiet jista’ jgħin lil ħaddieħor permezz tagħna. Għandna l-ewwel nitolbu għal dawk li jeħtieġu l-għajnuna u mbagħad għandna ngħinuhom b’kull mod li nistgħu.

Ilkoll kemm aħna neħtieġu l-għajnuna mingħand ħaddieħor. Meta nkunu għadna tfal, il-ġenituri tagħna jitimgħuna, ilibsuna, u jieħdu ħsiebna. Meta nibdew nikbru, nies oħra jgħallmuna affarijiet li hemm bżonn li nkunu nafu u nagħmlu. Ħafna minna neħtieġu l-għajnuna ta’ ħaddieħor meta nimirdu.

Meta ngħinu lil ħaddieħor, aħna nirċievu l-barkiet. L-abbiltà tagħna li nħobbu tikber, aħna nsiru anqas egoisti, u l-istess problemi tagħna jibdew jidhru anqas serji. Missierna fis-Smewwiet qal li dawk li jridu jgħixu miegħu għandhom iħobbu u jgħinu lil uliedu kollha.

Diskussjoni

  • Għalfejn Missierna fis-Smewwiet irid u għandu bżonn li aħna ngħinu lil ħaddieħor?

  • Min jibbenefika mill-għajnuna tagħna?