Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 32: Ngħixu bħala Familji Għal Dejjem


Immaġni
Tempju ta’ Portland Oregon

It-tempju f’Portland, Oregon, Stati Uniti tal-Amerika.

Kapitlu 32

Ngħixu bħala Familji Għal Dejjem

II-familji kif jistgħu jkunu flimkien għal dejjem, anke wara l-ħajja f’din id-dinja?

Alla Ppjana biex il-Familji Jkunu Flimkien Għal Dejjem

Il-familja hija l-aktar grupp ta’ nies importanti fid-dinja. Il-familja tagħna fid-dinja hi mfassla fuq il-familja tagħna fis-smewwiet. Aħna konna lkoll aħwa fis-smewwiet. Aħna konna wlied Alla. Alla kien il-mexxej tad-dar tagħna fis-smewwiet. Aħna rċevejna mħabba u gwida mill-ġenituri tagħna fis-smewwiet.

Alla bagħat lil kull wieħed u waħda minna ġo familja hawn fid-dinja. Hu ta lill-ġenituri r-responsabbiltà li jieħdu ħsieb ta’ kull wieħed u waħda minn uliedu waqt li jkunu hawn fid-dinja. Il-ġenituri għandhom iħobbu lil uliedhom u jipprovdulhom x’jieklu, x’jilbu, u fejn joqogħdu. Huma għandhom jgħallmu lil uliedhom dwar Alla u kif jistgħu jsiru bħalu.

Alla għamilha possibbli li l-familji jkunu flimkien għal dejjem. Huwa ta lill-mexxejja tal-Knisja tiegħu l-awtorità li jgħaqqdu l-familji flimkien għal dejjem. Din ir-rabta flimkien tissejjaħ siġill. Dan is-siġill jista’ jseħħ biss ġo tempju. It-tempji huma bini sagru li jistgħu jidħlu fih biss il-membri fidili tal-Knisja. Meta raġel u mara jiġu ssiġillati fit-tempju minn xi ħadd li jħaddan is-saċerdozju u li għandu qawwa speċjali li jissiġilla, iż-żwieġ tagħhom ma jintemmx meta huma jmutu. Iż-żwieġ tagħhom jibqa’ għal dejjem jekk huma jżommu l-wegħdiet li għamlu fit-tempju. Dan jissejjaħ żwieġ etern.

Jekk raġel u mara mhumiex issiġillati fit-tempju, iż-żwieġ tagħhom jintemm hekk kif xi ħadd minnhom imut. Jekk aħna niġu ssiġillati fit-tempju, u jekk b’fedeltà nimxu wara Ġesù Kristu sat-tmiem ta’ ħajjitna, il-familji tagħna jistgħu jkunu flimkien għal dejjem.

Koppja miżżewġa tista’ tmur fit-tempju biex tiġi ssiġillata jekk it-tnejn huma dixxipli fidili ta’ Ġesù. Hemmhekk, wieħed li jħaddan is-saċerdozju u li għandu awtorità speċjali jista’ jissiġillahom flimkien. Huwa jista’ wkoll jissiġilla magħhom lil uliedhom. Wara li jiġu ssiġillati flimkien, huma jistgħu jkunu flimkien għal dejjem, daqslikieku ilhom miżżewġin fit-tempju mill-bidu taż-żwieġ tagħhom.

Alla jrid li wliedu kollha jippjanaw li jiġu ssiġillati f’tempju u li jrabbu familja ubbidjenti. Il-ġenituri għandhom jiggwidaw lil uliedhom ħalli meta jiżżewġu huma jkunu lesti biex imorru fit-tempju biex jiġu ssiġillati. Jekk raġel u mara ġew issiġillati fit-tempju, it-tfal kollha li jitwieldulhom wara s-siġill tagħhom jiġu ssiġillati magħhom awtomatikament.

Diskussjoni

  • Kif għamilha possibbli Alla li aħna nkunu mal-familji tagħna għal dejjem?

  • Għalfejn hu importanti li aħna niġu ssiġillati fit-tempju?

Huma l-Membri Fidili tal-Knisja Biss li Jistgħu Jidħlu fit-Tempju

It-tempji huma postijiet sagri. Huma biss dawk il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien li wrew il-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu billi obdew il-kmandamenti tiegħu li jitħallew jidħlu fihom. Dawn in-nies saru denji li jmorru fit-tempju. Qabel persuna tista’ tidħol fit-tempju, hemm bżonn li hi tkun ilha membru tal-Knisja mill-inqas sena. L-irġiel jeħtieġ li jirċievu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek.

Biex jaraw jekk humiex denji li jmorru fit-tempju, kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jeħtieġ jitkellmu mal-isqof jew mal-president tal-fergħa. Jekk l-isqof jew il-president tal-fergħa jsib li l-persuna hija denja, hu jagħti lil dik il-persuna karta ffirmata li tissejjaħ rakkomandazzjoni tat-tempju. Imbagħad membru tal-presidenza tal-wited jew il-president tal-missjoni għandu jintervista wkoll lil dik il-persuna. Huwa jiffirma wkoll ir-rakkomandazzjoni tat-tempju jekk isib li l-persuna hija denja. Il-persuna għandha tieħu magħha fit-tempju r-rakkomandazzjoni tat-tempju biex tkun tista’ tidħol hemm.

Dawn li ġejjin huma mistoqsijiet simili għal dawk li jistaqsi l-isqof jew il-president tal-fergħa sabiex jiddeċiedi jekk membru tal-Knisja huwiex denju li jmur fit-tempju:

  1. Inti temmen f’Alla; f’Ibnu, Ġesù Kristu; u fl-Ispirtu s-Santu?

  2. Int taċċetta lill-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien bħala profeta, veġġent u rivelatur? Taċċettah bħala l-unika bniedem fid-dinja li għandu l-awtorità li juża l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju?

  3. Inti tagħti għaxra fil-mija tal-qligħ tiegħek lill-Knisja?

  4. Inti tobdi l-Kelma tal-Għerf?

  5. Tipprova tkun onest ma’ ħaddieħor?

  6. Tipprova tagħmel li tista’ biex twettaq id-dmir tiegħek fil-Knisja billi tattendi l-laqgħat tiegħek u tobdi l-kmandamenti?

  7. Inti tobdi l-liġi tal-kastità?

  8. Inti qatt ikkommettejt xi dnub serju u ma stqarrejtux mal-mexxejja xierqa tas-saċerdozju?

Li tidħol fit-tempju huwa privileġġ sagru. Jeħtieġ li aħna nkunu denji u lesti li nobdu kull wegħda sagra li nagħmlu ma’ Alla fit-tempju. Jeħtieġ niftakru li s-siġill etern li jsir ġewwa t-tempji huwa sagru. Hu l-uniku mod kif aħna nistgħu nkunu flimkien bħala familji għal dejjem. Hu l-uniku mod kif nistgħu nirċievu l-barkiet kollha li Alla għandu għalina. Hu importanti ħafna għall-ferħ etern tagħna li aħna nippruvaw immorru fit-tempju biex niġu ssiġillati.

Diskussjoni

  • Min jista’ jidħol ġewwa tempju?

  • X’jeħtieġ tagħmel persuna biex tkun denja ħalli tidħol fit-tempju?

  • Għalfejn hu importanti li aħna mmorru fit-tempju u niġu ssiġillati?

Ħejji lill-Familja Tiegħek biex Tgħix Flimkien Għal Dejjem

Li nkunu ssiġillati fit-tempju jagħmilha possibbli li aħna ngħixu flimkien għal dejjem bħala familja, iżda hemm affarijiet oħra li jeħtieġ li nagħmlu jekk irridu nirċievu din il-barka kbira. Jeħtieġ li aħna nkomplu nimxu b’fedeltà wara Ġesù. Jeħtieġ li nżommu l-wegħdiet li nagħmlu fit-tempju. Jeħtieġ li nitgħallmu nkunu membri tajbin tal-familja, li jħobbu u jservu lil xulxin. Aħna għandna nitolbu lil Alla biex l-Ispirtu s-Santu jgħinna nagħmlu l-għażliet xierqa f’dak kollu li nagħmlu. Għandna dejjem nippruvaw ngħinu lill-familji tagħna ħalli jkunu denji li jgħixu ma’ Alla.

Diskussjoni

  • Minbarra li familja għandha tkun issiġillata fit-tempju, x’jeħtieġ li tagħmel biex tkun tista’ tgħix flimkien għal dejjem?

Alla Għamilha Possibbli Għalina li Nsalvaw lill-Antenati Tagħna

Miljuni kbar ta’ wlied Alla mietu mingħajr ma’ semgħu l-evanġelju tiegħu. Huma ma rċevewx l-ordinanzi neċessarji biex jinħafru minn dnubiethom u jkunu jistgħu jerġgħu jgħixu ma’ Alla. Alla jħobb lil uliedu kollha u jridhom kollha jerġgħu lura għandu, għalhekk Hu pprovda mod kif l-ordinanzi tal-evanġelju jistgħu jitwettqu f’isimhom. Din il-ħidma jeħtieġ issir ġewwa tempju.

Fost l-ordinanzi li jitwettqu fit-tempju għal dawk li mietu hemm il-magħmudija, l-għotja tad-don tal-Ispirtu s-Santu, u s-siġill tal-familji għall-eternità. Peress li dawn l-ordinanzi huma neċessarji għal dawk kollha li jridu jerġgħu jgħixu ma’ Alla, aħna nistgħu nwettqu din il-ħidma għall-antenati tagħna.

Diskussjoni

  • Kif jistgħu dawk li mietu mingħajr ma semgħu l-evanġelju jirċievu l-ordinanzi neċessarji biex jerġgħu lura għand Alla?

  • Min hu responsabbli biex jara li jitwettqu l-ordinanzi għal dawk li mietu?

Il-Ħajjin Jagħmlu l-Ordinanzi għall-Mejtin

Hemm ċerti affarijiet li aħna nistgħu nagħmlu biex ikunu jistgħu jitwettqu l-ordinanzi għall-qraba tagħna li mietu. Jeħtieġ li aħna nidentifikawhom b’isimhom u bid-data u l-post tat-twelid u l-mewt tagħhom. Jekk ma nistgħux insibu din l-informazzjoni, aħna nistgħu nidentifikawhom billi nirreġistraw kemm jista’ jkun informazzjoni li nafu biha dwar il-unit tal-familja (missier, omm, u wliedhom).

Il-ħidma li nsibu l-ismijiet tal-antenati tagħna li mietu u kull informazzjoni oħra dwarhom tissejjaħ ġenealoġija, jew l-istorja tal-familja.

Hemm żewġ formoli, li jissejħu t-tabella tar-razza u r-reġistru tal-grupp tal-familja, li fihom tista’ tikteb l-informazzjoni. Tista’ tikseb kopji ta’ dawn il-formoli mingħand il-mexxej tas-saċerdozju tiegħek. Hu jsiblek lil xi ħadd biex jgħinek tikteb din l-informazzjoni. Tista’ tieħu jew tibgħat l-informazzjoni f’tempju, fejn jitwettqu l-ordinanzi.

Jekk ma jkun hemm ħadd mill-qraba ħajjin tagħna li għandu l-informazzjoni li neħtieġu, aħna nistgħu niksbuha mir-reġistri tal-gvern, mir-reġistri tal-knejjes li tagħhom kienu membri l-antenati tagħna, miċ-ċimiterji, jew minn xi post fejn hi disponibbli din l-informazzjoni.

Jekk aħna denji, aħna nistgħu mmorru fit-tempju biex nagħmlu l-ordinanzi għall-istess qraba tagħna. Jekk aħna ma nistgħux immorru fit-tempju, ħaddieħor jista’ jwettaq l-ordinanzi għalihom. Aħna għandna mmorru fit-tempju ta’ spiss biex inwettqu l-ordinanzi għall-mejtin.

Diskussjoni

  • X’jeħtieġ li jsir qabel aħna nkunu nistgħu nagħmlu l-ordinanzi fit-tempju għall-antenati tagħna li mietu?

  • X’informazzjoni hija meħtieġa ħalli jkunu jistgħu jitwettqu dawn l-ordinanzi?

  • Min jista’ jwettaq l-ordinanzi għall-antenati tagħna li mietu?

L-Istejjer Personali Huma Importanti

Meta naqraw x’kiteb membru tal-familja tagħna dwaru nnifsu, aħna nsiru nafuh u nħobbuh aktar. Minbarra li nitgħallmu dwar il-qraba mejtin tagħna u nagħmlu l-ordinanzi għalihom, aħna għandna nżommu wkoll reġistru ta’ ħajjitna. Għandna niktbu dwar il-ġenituri tagħna, it-twelid tagħna, u l-affarijiet li għaddejna minnhom f’ħajjitna. Għandna niktbu wkoll ħsibijietna ħalli wliedna u n-neputijiet tagħna jkunu jistgħu jsiru jafu aktar dwarna u jiġu mħeġġa biex jagħmlu l-istess affarijiet tajbin li għamilna aħna.

Alla qal lil Adam biex jikteb kitbiet dwar ħajtu għal uliedu. Il-profeti wkoll kitbu dawn il-kitbiet, u aħna għandna nagħmlu hekk ukoll. Meta naqraw il-kitbiet ta’ Adam u tal-profeti l-oħra, aħna nitgħallmu dwar il-barkiet u l-kmandamenti li huma rċevew mingħand Alla. Dan jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb. Aħna għandna ngħinu lil uliedna billi nżommu reġistru ta’ ħajjitna.

Diskussjoni

  • Għalfejn Alla qal lin-nies tiegħu biex jiktbu dwar ħajjithom?

  • X’barkiet jistgħu jiksbu wliedek u wlied uliedek mill-kitbiet personali tiegħek?