Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 29: Il-Familji Huma Importanti


Immaġni
familja quddiem tempju

Il-familji jistgħu jkunu flimkien għal dejjem.

Kapitlu 29

Il-Familji Huma Importanti

Għalfejn Missierna fis-Smewwiet ippjana li aħna ngħixu bħala familji hawn fid-dinja?

Missierna fis-Smewwiet Ippjana li Aħna Ngħixu bħala Familji

Il-familja tagħna hawn fid-dinja tixbah lill-familja tagħna fis-smewwiet. Aħna konna parti minn familja fis-smewwiet qabel ġejna f’din id-dinja. Aħna konna wlied spirtu ta’ Alla, li hu Missierna fis-Smewwiet. Huwa jħobbna u jimpurtah minna. Hu jrid l-aħjar għalina u jrid li xi darba aħna nerġgħu lura u ngħixu miegħu.

Missierna fis-Smewwiet għaqqad l-ewwel familja meta lil Adam tah lil Eva biex jiżżewwiġha. Hu qalilhom biex ikollhom it-tfal. Dan seħħ biex l-ulied spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet setgħu jirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam. Hu qalilhom biex jagħtu lil uliedhom l-affarijiet li jeħtieġu. Qalilhom biex jgħallmu lil uliedhom l-evanġelju u biex jgħinuhom jirċievu l-ordinanzi tal-evanġelju.

Missierna fis-Smewwiet għaqqadna bħala familji għal diversi raġunijiet.

L-ewwel, mingħand il-ġenituri tagħna aħna nirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam. Aħna neħtieġu ġisem tal-laħam u l-għadam biex nitgħallmu l-affarijiet li jeħtieġ nagħmlu ħalli nkunu nistgħu ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet għal dejjem.

It-tieni, il-familji jistgħu jipprovdu l-affarijiet li għandna bżonn f’din id-dinja. Il-ġenituri jistgħu jipprovdu l-ikel, l-ilbies, il-kenn, l-imħabba, u affarijiet oħra neċessarji għal uliedhom. Aktar tard, it-tfal jistgħu jieħdu ħsieb tal-ġenituri tagħhom meta l-ġenituri jkunu xjuħ wisq biex jieħdu ħsieb tagħhom infushom.

It-tielet, il-ġenituri jistgħu jgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu lil uliedhom. Huma jistgħu jgħallmuhom jobdu l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet. U huma jistgħu jaraw li t-tfal jirċievu l-ordinanzi li Ġesù qal li għandna nirċievu.

Diskussjoni

  • Għalfejn Missierna fis-Smewwiet jorganizzana biex niġu f’din id-dinja bħala familji?

  • Liema kienet l-ewwel familja li ġiet f’din id-dinja?

  • X’ippjana Missierna fis-Smewwiet li jagħmlu għalina l-familji tagħna?

Missierna fis-Smewwiet Irid li l-Membri tal-Familja Jħobbu lil Xulxin

Il-familja tagħna hawn fid-dinja tista’ tkun kif kienet il-familja tagħna fis-smewwiet. Il-membri tal-familja jistgħu jħossu fihom imħabba li twassalhom biex ikunu jridu jgħinu lil xulxin u jagħmlu u jgħidu affarijiet sbieħ lil xulxin.

Fil-familja r-raġel u martu għandhom inħobbu lil xulxin. Huma għandhom ikunu twajbin u jgħinu lil xulxin. M’għandhomx jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li tweġġa’ lil xi ħadd minnhom.

Il-ġenituri għandhom iħobbu lil uliedhom. Huma għandhom jgħallmu lil uliedhom iħobbu lil xulxin. Għandhom jgħallmuhom biex jgħinu u jieħdu ħsieb xulxin.

It-tfal għandhom iħobbu lill-ġenituri tagħhom. Għandhom jirrispettaw, jobdu, u jgħinu lill-ġenituri tagħhom.

Diskussjoni

  • Aqra Efesin 4:29–32.

  • Kif nistgħu ngħinu lill-membri tal-familja jħobbu lil xulxin?

  • Għalfejn Missierna fis-Smewwiet irid li l-membri tal-familja jħobbu lil xulxin?

L-Aktar Ħaġa Importanti Li Nistgħu Nagħmlu Hi li Naħdmu biex Ikollna Familja Kuntenta u Tajba

Li naħdmu biex inrawwmu familja tajba hija l-aktar ħidma importanti li nistgħu nagħmlu. Irrispettivament kemm nirnexxu fl-affarijiet l-oħra li nagħmlu, jekk ma ngħallmux lill-membri tal-familja tagħna biex iħobbu u jobdu lil Missierna fis-Smewwiet, aħna nkunu fallejna fl-aktar dmir importanti tagħna. Xi kultant, uliedna jafu jagħżlu li ma jħobbux u ma jobdux lil Missierna fis-Smewwiet, iżda aħna għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħallmuhom dak li jrid Hu. Jekk il-ġenituri jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħallmu lil uliedhom kif għandu jkun, Missierna fis-Smewwiet ma jżommhomx responsabbli tal-għemejjel ħżiena ta’ wliedhom. Il-ġenituri jfallu biss meta huma ma jkomplux jippruvaw ikunu ġenituri tajbin.

Il-familji tagħna jistgħu jagħtuna l-akbar ferħ f’ħajjitna. Aħna nirnexxu ferm aktar meta naħdmu b’diliġenza biex inrabbu lil uliedna ħalli huma jkunu membri tajbin tal-Knisja u jkunu ċittadini tajbin fil-pajjiż li fih joqogħdu.

Il-familja hi l-aktar parti importanti tal-Knisja. Missierna fis-Smewwiet organizza l-Knisja tiegħu sabiex jgħin lill-familji jagħmlu dak kollu li jeħtieġ li jagħmlu biex jerġgħu lura għandu. Il-Knisja trid tgħin lil kull familja biex tkun flimkien għal dejjem.

Satana jaf kemm huma importanti l-familji fil-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. Hu jipprova jġegħelna nagħmlu affarijiet li jkissru l-familji tagħna.

Diskussjoni

  • Kemm hi importanti għalik il-familja tiegħek?

Missierna fis-Smewwiet Qalilna Kif Jista’ Jkollna Familja Tajba

Ilkoll kemm aħna rridu li jkollna familja tajba u kuntenta. Dawn huma xi wħud mill-affarijiet li jgħinu lill-familja:

  1. Il-membri tal-familja għandhom jitolbu flimkien filgħodu u filgħaxija.

  2. Il-ġenituri għandhom jitolbu flimkien kuljum.

  3. Il-ġenituri għandhom jgħallmu l-evanġelju lil uliedhom.

  4. Il-membri tal-familja għandhom jaqraw l-iskrittura flimkien kuljum.

  5. Il-membri tal-familja għandhom jattendu l-laqgħat tal-Knisja flimkien kull nhar ta’ Ħadd.

  6. Il-membri tal-familja għandhom isumu flimkien darba fix-xahar meta wliedhom huma kbar biżżejjed biex isumu u jifhmu l-għan tas-sawm.

  7. Il-membri tal-familja għandhom jiltaqgħu flimkien kull ġimgħa għal laqgħa tal-familja li tissejjaħ lejla d-dar* biex jitkellmu dwar l-affarijiet tajbin li huma għamlu bħala familja. Huma għandhom jiddiskutu kif għandhom isolvu xi problema li huma jista’ jkollhom. F’din il-laqgħa huma jistgħu wkoll ikantaw, jagħmlu lezzjoni, jitgħallmu xi versi mill-iskrittura, jilagħbu xi logħob, u jieklu jew jixorbu xi ħaġa speċjali.

  8. Il-membri tal-familja għandhom jaħdmu u jaqraw flimkien.

  9. Il-membri tal-familja għandhom ikunu twajbin u paċenzjużi bejniethom.

  10. Il-membri tal-familja għandhom iżommu storja tal-affarijiet li jagħmlu.

Jekk aħna niftakru biex nitolbu waħidna u bħala familja, Missierna fis-Smewwiet ikun dejjem viċin tagħna. Huwa jisma’ u jwieġeb talbna bil-mod li hu l-aħjar għalina.

Diskussjoni

  • X’inhuma wħud mill-affarijiet li nistgħu nagħmlu biex ikollna familja tajba?