Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 36: Il-Ħajja Eterna


Immaġni
sema mimlija dawl

Dawk li jibqgħu fidili sat-tmiem se jiġu eżaltati ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu.

Kapitlu 36

Il-Ħajja Eterna

Fejn se mmorru ngħixu wara l-Ġudizzju Finali?

Aħna Lkoll Se Mmorru fil-Post Li Għalih Ġejna Ppreparati

Ġesù għallem li Missierna fis-Smewwiet ipprepara ħafna postijiet għalina biex ngħixu fihom. Ilkoll kemm aħna se niġu assenjati f’wieħed minn erba’ postijiet, skont kemm aħna konna fidili lejn Ġesù Kristu. Aħna se mmorru fis-saltna li għaliha ppreparajna permezz tal-għażliet li għamilna. Dawn l-erba’ postijiet huma s-saltna ċelestjali, is-saltna terrestjali, is-saltna telestjali, u ’l barra fid-dlam.

Is-Saltna Ċelestjali

Dan hu l-post li fih jgħixu Missierna fis-Smewwiet u Ġesù. Huwa post fejn in-nies ikun ferħanin, u se jkun aktar sabiħ milli aħna nistgħu nimmaġinaw. In-nies li se jgħixu f’din is-saltna se jħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù u se jagħżlu li jobduhom. Huma se jkunu nies li nidmu minn dnubiethom kollha u aċċettaw lil Ġesù bħala s-Salvatur tagħhom. Huma se jkunu nies li tgħammdu u rċevew id-don tal-Ispirtu s-Santu. Huma se jkunu nies li rċevew testimonjanza mingħand l-Ispirtu s-Santu li Ġesù hu s-Salvatur.

Li tgħix fl-ogħla parti tas-saltna ċelestjali tissejjaħ eżaltazzjoni* jew ħajja eterna. Biex ikunu jistgħu jgħixu f’din il-parti tas-saltna ċelestjali, in-nies iridu jkunu żżewġu fit-tempju u jkunu żammew il-wegħdiet sagri li huma għamlu fit-tempju. Huma jirċievu dak kollu li għandu Missierna fis-Smewwiet u jsiru bħalu. Huma anke jkunu jistgħu jkollhom l-ulied spirtu u joħolqu dinjiet ġodda biex jgħixu fihom, u jwettqu wkoll dak kollu li wettaq Missierna fis-Smewwiet. In-nies li ma jkunux iżżewġu fit-tempju jistgħu jgħixu f’partijiet oħra tas-saltna ċelestjali, iżda huma ma jiġux eżaltati.

Is-Saltna Terrestjali

Din is-saltna mhijiex sabiħa daqs is-saltna ċelestjali. Minkejja li Ġesù jmur iżur is-saltna terrestjali, dawk li jgħixu hemm mhux se jkunu qed jgħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet, u mhux se jkollhom dak kollu li għandu Hu. Dawk li jmorru fis-saltna terrestjali se jkunu nies onorabbli. Xi wħud minnhom se jkunu membri tal-Knisja, u oħrajn le. Fiha se jkun hemm dawk li f’din id-dinja ma aċċettawx lil Ġesù iżda aktar tard aċċettawh fid-dinja tal-ispirti. In-nies li se jgħixu hemm mhux se jkunu parti minn familja eterna iżda se jgħixu b’mod separat, mingħajr familji. Missierna fis-Smewwiet se jagħti lil dawn in-nies l-hena li huma ppreparati li jirċievu.

Is-Saltna Telestjali

Din is-saltna mhijiex sabiħa daqs is-saltna ċelestjali jew is-saltna terrestjali. La Missierna fis-Smewwiet u lanqas Ġesù m’huma se jkunu qed iżuru lil dawk li se jgħixu hemm. Se jkunu l-anġli li se jżuru lil dawn in-nies, u huma se jkollhom l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. In-nies li se jgħixu fis-saltan telestjali huma dawk li m’aċċettawx l-evanġelju jew it-testimonjanza ta’ Ġesù, la f’din id-dinja u lanqas fid-dinja tal-ispirti. Huma se jibqgħu jbatu għal dnubiethom fil-ħabs tal-ispirti sa wara l-Millennju. Imbagħad huma finalment se jqumu mill-mewt.

Meta kienu jgħixu f’din id-dinja, huma kienu giddibin, ħallelin, qattiela, profeti foloz, żienja, u dawk li waqqgħu għaċ-ċajt l-affarijiet sagri. Huma kienu n-nies li aċċettaw it-twemmin tad-dinja minflok it-tagħlim ta’ Ġesù. Huma ħafna li se jgħixu f’din is-saltna. Missierna fis-Smewwiet se jagħti lil dawn in-nies l-hena li huma ppreparati li jirċievu.

’Il Barra fid-Dlam

’Il barra fid-dlam huwa fejn se jgħixu Satana u dawk li mxew warajh. Dawn in-nies se jkunu dawk li għażlu li jgħixu ma’ Satana. Huma mhux se jiġu maħfura. Dawn in-nies se jgħixu għal dejjem fid-dlam u fin-niket, u se jbatu flimkien ma’ Satana u mal-ispirti li mxew warajh.

Diskussjoni

  • Liema saltna għandna nippreparaw għaliha biex aħna nkunu nistgħu nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet?

  • X’inhuma wħud mill-affarijiet li jeħtieġ li nagħmlu hawn fid-dinja biex aħna nkunu denji li ngħixu bħal Missierna fis-Smewwiet?

Missierna fis-Smewwiet Tana l-Evanġelju biex Jippreparana għall-Ħajja Eterna fis-Saltna Ċelestjali

Missierna fis-Smewwiet jagħti lil kull wieħed u waħda minna ċ-ċans li ngħixu ħajja eterna miegħu. Il-ħajja eterna hi t-tip ta’ ħajja li jgħixu Missierna fis-Smewwiet u Ġesù. Missierna fis-Smewwiet hu perfett. Hu jaf kollox. Hu għandu l-qawwa fuq kollox. Huwa jmexxi kollox. Hu jgħix skont il-veritajiet u l-liġijiet eterni.

Ġesù obda lil Missierna fis-Smewwiet, għalhekk Huwa jgħix ma’ Missierna fis-Smewwiet. Jekk aħna nagħmlu li għallimna nagħmlu Ġesù, aħna nkunu nistgħu ngħixu kif jgħixu Hu u Missierna fis-Smewwiet. Li jkollna l-ħajja eterna flimkien ma’ Missierna fis-Smewwiet hu l-akbar rigal li Hu jista’ jagħtina. Dan iwasslilna aktar ferħ minn kwalunkwe ħaġa oħra.

L-evanġelju jgħidilna dak kollu li għandna nkunu nafu u li għandna nagħmlu biex aħna nirċievu l-ħajja eterna. Hu jgħinna nsiru nafu lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù. Hu jgħallimna kif nistgħu ngħixu kif jgħixu Huma. Aħna nistgħu nsiru nafuhom aħjar billi nitolbu u nistudjaw l-iskrittura. Meta aħna nsiru nafuhom u nħobbuhom, aħna nkunu rridu nobdu kliemhom. Hekk kif aħna nobduhom, aħna nkunu nistgħu nsiru bħalhom u nsiru denji li ngħixu magħhom għal dejjem.

Diskussjoni

  • X’inhi l-ħajja eterna? Min jista’ jiksibha?

  • Kif jista’ l-evanġelju jgħinna nippreparaw għall-ħajja eterna?

Missierna fis-Smewwiet Jgħinna Meta Aħna Nagħżlu li Nobdu l-Evanġelju

Missierna fis-Smewwiet jaf li hu possibbli għalina lkoll li ngħixu l-evanġelju u nirċievu l-ħajja eterna. Peress li aħna wliedu, aħna għandna l-qawwa li nsiru bħalu. Hu jaf id-dgħjufijiet li aħna lkoll għandna u x’inhuma t-tentazzjonijiet tagħna. Hu tana ċ-ċans li niġu f’din id-dinja fi żmien u f’post li jagħtina opportunitajiet li nagħmlu affarijiet tajbin u nitgħallmu.

Issa huwa ż-żmien li aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nirċievu l-ħajja eterna. Missierna fis-Smewwiet iħobbna u jridna nirnexxu. Huwa għamel dak kollu li seta’ għalina. Hu pprovdielna dinja li fiha aħna nistgħu nitgħallmu u nikbru. Huwa bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex ikun is-Salvatur tagħna u jgħallimna l-evanġelju. Huwa stedinna biex nitolbuh. Hu għamilha possibbli li l-Ispirtu s-Santu jkun il-gwida tagħna. Issa jeħtieġ li aħna nagħmlu dak li hu tajjeb. Jekk aħna nagħżlu li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu u nobduh, Huwa jgħinna u jagħtina l-qawwa li negħlbu t-tentazzjoni u problemi oħra li jkollna f’ħajjitna.

Missierna fis-Smewwiet talabna biex naċċettaw l-evanġelju. Biex nagħmlu dan jeħtieġ li l-ewwel ikollna l-fidi f’Ġesù Kristu. Imbagħad jeħtieġ li aħna nindmu minn dnubietna ħalli nkunu nistgħu nitgħammdu u niġu kkonfermati bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Meta niġu kkonfermati, aħna nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu minn xi ħadd li għandu s-saċerdozju. L-Ispirtu s-Santu jgħid lil kull wieħed u waħda minna xi jrid minna Ġesù, u biex aħna nirċievu l-ħajja eterna jeħtieġ li ngħaddu l-kumplament ta’ ħajjitna nobduh u nservuh.

Ġesù jitlobna lkoll biex nobdu l-kmandamenti ħalli Huwa jgħinna nippreparaw sabiex nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Dan jinkludi li aħna nobdu l-liġi tal-kastità, inħallsu d-dieċmi u nagħtu l-offerti, nobdu l-Kelma tal-Għerf, inkunu onesti l-ħin kollu, u nqaddsu Jum il-Mulej.

Sabiex inkunu nistgħu nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet jeħtieġ li aħna nirċievu wkoll ordinanzi mogħtija fit-tempju, magħrufa bħala d-dota.* Jeħtieġ li aħna niġu ssiġillati hemmhekk ħalli nkunu nistgħu nkunu flimkien mal-familji tagħna għall-eternità. Imbagħad għandna nfittxu l-ismijiet u l-informazzjoni li jikkonċernaw lill-qraba mejtin tagħna u ngħaddu dak li nsibu lill-Knisja, sabiex jitwettqu l-ordinanzi neċessarji għalihom ġewwa t-tempju.

Ġesù talabna nagħmlu ħafna affarijiet. Dawn jinkludu li nitkellmu mal-oħrajn dwar l-evanġelju, li nħobbuhom u ngħinuhom, u li nkunu ta’ eżempju tajjeb għalihom.

Għandna wkoll inżommu l-wegħdi kollha li aħna nagħmlu ma’ Missierna fis-Smewwiet, nattendu regolarment il-laqgħat tal-Knisja, ngħallmu l-evanġelju lill-familja tagħna billi nistudjaw l-iskrittura kuljum, u nitolbu weħidna u mal-familja tagħna kuljum.

Jekk ikollna l-fidi f’Ġesù Kristu u nippruvaw nobdu l-kmandamenti kollha tiegħu, aħna nirċievu l-ħajja eterna u nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet.

Li ssir bħal Missierna fis-Smewwiet qisu bħal meta titla’ sellum. Jeħtieġ li nibdew minn isfel u nitilgħu skaluna, skaluna sakemm naslu fl-aħħar waħda. Il-Profeta Joseph Smith qal li jekk aħna rridu nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet jeħtieġ li nitgħallmu Hu kif iħossu, kif jaħseb, u kif jaġixxi. Meta aħna nifhmu dawn il-ħwejjeġ dwaru, aħna nkomplu nitgħallmu kull ħaġa oħra dwaru, sakemm inkunu nafu kif nistgħu nsiru bħalu.

Ikun ta’ għajnuna għalina li niftakru li Missierna fis-Smewwiet darba kien bniedem bħalna li għex f’dinja bħal tagħna, l-istess kif qed nagħmlu aħna. Huwa sar Missierna fis-Smewwiet billi għeleb il-problemi, l-istess kif jeħtieġ li nagħmlu aħna f’din id-dinja. Madankollu, il-Profeta Joseph Smith qal li f’din id-dinja aħna mhux se nitgħallmu kull ħaġa li jeħtieġ inkunu nafu. Se nieħdu ħafna żmien wara li nkunu temmejna din il-ħajja biex aħna nsiru nafu dak kollu li hemm bżonn sabiex insiru bħal Missierna fis-Smewwiet.

Meta aħna nitgħallmu nħarsu l-kmandamenti kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet, immaġina kemm se nkunu ferħanin hekk kif aħna nerġgħu lura għandu u Hu jgħidilna kemm Hu kuntent bil-ħajja li aħna għexna u li aħna se nsiru bħalu u se ngħixu miegħu għal dejjem.

Diskussjoni

  • Għalfejn hu possibbli li lkoll kemm aħna nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet?

  • X’jeħtieġ li nagħmlu biex ikollna t-tip ta’ ħajja li għandu Missierna fis-Smewwiet?

  • Missierna fis-Smewwiet kif jista’ jgħinna nsiru bħalu?

  • Iddeskrivi s-sentimenti li inti taf tħoss meta tisma’ lil Missierna fis-Smewwiet jgħidlek li inti mort tajjeb u li Huwa jħobbok.