Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 8: Nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet


Kapitlu 8

Nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet

Missierna fis-Smewwiet iħobbna ħafna. Hu għamel mod kif aħna nistgħu nitkellmu miegħu kull meta rridu nagħmlu dan. Kif nistgħu nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet?

Aħna Nistgħu Nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet

Li nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet jissejjaħ talb. Minkejja li Missierna fis-Smewwiet jgħix fis-smewwiet, aħna nistgħu nitkellmu miegħu, u Hu jismagħna. Huwa jrid jgħinna. Huwa talabna biex nitkellmu miegħu. Meta nitkellmu miegħu, Hu jgħinna nagħmlu l-affarijiet li huma tajbin għalina li nagħmlu.

Nistgħu nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet dwar l-affarijiet li naħsbu dwarhom. Nistgħu ngħidulu li nħobbuh. Nistgħu ngħidulu li aħna grati għall-affarijiet li Huwa tana. Nistgħu nitolbuh biex jgħinna.

Nistgħu nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet kull meta jkollna bżonn inkellmuh. Għandna nitkellmu miegħu meta nkunu weħidna. Meta nkunu weħidna nistgħu nitkellmu miegħu dwar is-sentimenti u l-problemi personali tagħna. Għandna nitkellmu miegħu għallinqas kull filgħodu u filgħaxija.

Għandna nitkellmu miegħu wkoll flimkien mal-familja tagħna. Nistgħu nagħmlu dan kull filgħodu u filgħaxija. Nistgħu nagħmlu dan ukoll qabel kull ikla meta nirringrazzjawh għall-ikel tagħna.

Missierna fis-Smewwiet ma jridna qatt nieqfu nitkellmu miegħu. Hu dejjem se jħobbna u jrid jgħinna. Anke meta nagħmlu affarijiet ħżiena, Hu jħobbna xorta waħda. Hu jismagħna u jgħinna.

Diskussjoni

  • Għalfejn għandna nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet?

  • Meta għandna nitkellmu miegħu?

Immaġni
tfajla għarkupptejha qed titlob

Aħna għandna nitolbu b’mod individwali u bħala familji filgħodu u filgħaxija.

Missierna fis-Smewwiet Qalilna Kif Għandna Nitkellmu Miegħu

Meta nitolbu, għandna ngħidu lil Missierna fis-Smewwiet l-affarijiet li verament inħossu u għandna bżonn. M’għandniex ngħidu l-istess kliem kull darba li nitkellmu miegħu. M’għandniex għalfejn noqogħdu nkantaw jew ngħajtu.

Huwa qalilna kif għandna nitkellmu miegħu. Għandna nitkellmu direttament miegħu, u ngħidu: “Missierna fis-Smewwiet,” jew xi kliem simili. Għandna nitkellmu miegħu b’imħabba u rispett.

Wara, għandna nirringrazzjawh għall-affarijiet li Hu għamel għalina.

Dawn huma xi wħud mill-affarijiet li għandna nirringrazzjawh għalihom:

  1. Għandna nirringrazzjawh għad-dinja sabiħa u għall-ikel, għall-ilbies, u għall-affarijiet l-oħra tagħna.

  2. Għandna nirringrazzjawh għat-tagħlim tiegħu u għall-abbiltà tagħna li nitgħallmu aktar dwaru.

  3. Għandna nirringrazzjawh għall-familja u l-ħbieb tagħna, għas-saħħa tagħna, u għall-impjieg tagħna.

Imbagħad nitolbuh għall-affarijiet li għandna bżonn. Dawn huma xi wħud mill-affarijiet li jista’ jkun li rridu nitolbuh għalihom:

  1. Nistgħu nitolbuh biex jgħinna nkunu nafu liema affarijiet huma vera u liema mhumiex.

  2. Nistgħu nitolbuh jipproteġi lilna u lill-familja u l-ġirien tagħna.

  3. Nistgħu nitolbuh jgħinna nagħmlu l-affarijiet li jridna nagħmlu.

  4. Nistgħu nitolbuh jgħinna nagħżlu li nagħmlu affarijiet tajbin.

  5. Nistgħu nitolbuh biex jgħinna nindmu minn dnubietna.

  6. Nistgħu nitolbuh jgħinna biex niksbu biżżejjed ikel għal dik il-ġurnata.

  7. Nistgħu nitolbuh jgħinna nsolvu l-problemi tagħna.

  8. Nistgħu nitolbuh jgħin lill-familja jew lill-ħbieb tagħna biex isolvu xi problemi li għandhom.

Għandna nagħlqu t-talb tagħna billi ngħidu, “F’isem Ġesù Kristu, amen.” Dan ifakkarna biex niftakru li Ġesù huwa s-Salvatur tagħna. Ġesù jaħdem taħt id-direzzjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet biex jgħinna b’dak kollu li neħtieġu. Aħna għandna nsemmu isem Ġesù b’rispett.

Diskussjoni

  • Meta nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet, kif għandna nibdew?

  • X’inhuma wħud mill-affarijiet li għandna nirringrazzjawh għalihom?

  • X’inhuma wħud mill-affarijiet li nistgħu nistaqsuh għalihom?

  • X’ngħidu meta nispiċċaw nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet?

Missierna fis-Smewwiet Dejjem Jisma’ Talbna

M’għandux ikollna dubju li Missierna fis-Smewwiet jismagħna. Huwa jaf liema huma l-aħjar affarijiet li għandu jkollna. Hu dejjem jinsab lest biex jgħinna.

Ħafna drabi Missierna fis-Smewwiet iwieġeb talbna permezz tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jgħinna nifhmu l-affarijiet li hemm bżonn inkunu nafu u nagħmlu. Xi kultant l-Ispirtu s-Santu jqanqal lil xi persuna oħra biex tgħinna.

Aħna għandna nkunu lesti li naċċettaw it-tweġibiet li jagħtina Missierna fis-Smewwiet. Jista’ jkun li Hu ma jagħtiniex l-affarijiet li nitolbuh għalihom. Jista’ jkun li ma jweġibniex bil-mod li nkunu qed nistennew. Iżda Hu jaf x’inhu tajjeb għalina.

Diskussjoni

  • Kif jisma’ talbna Missierna fis-Smewwiet?

  • Għaliex Hu mhux dejjem jagħtina l-affarijiet li nitolbuh għalihom?

Aħna Nsiru Nies Aħjar billi Nitolbu

Jista’ jkun li aħna ma nafux x’inhuma l-aħjar affarijiet li għandna nagħmlu. Jista’ jkun qed nibżgħu. Jista’ jkun ma nafux kif għandna nsolvu l-problemi tagħna. Jista’ jkun ma nafux liema affarijiet huma vera u liema mhumiex. Jista’ jkun li nafu liema huma l-aħjar affarijiet li għandna nagħmlu iżda m’aħniex b’saħħitna biżżejjed biex nagħmluhom.

Meta nitkellmu ta’ spiss ma’ Missierna fis-Smewwiet, Hu jgħinna bil-problemi tagħna. Hu jgħinna nkunu nafu u nagħmlu l-affarijiet tajbin. Meta aħna nkunu nafu u nagħmlu l-affarijiet tajbin, aħna nsiru nies aħjar. Aħna nsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet.

Diskussjoni

  • Kif nistgħu nsiru nies aħjar għax nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet?