Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 13: Fidi f’Ġesù Kristu


Immaġni
Healing the Blind Man [Fejqan tar-Raġel Agħma], minn Carl Heinrich Bloch

Ir-raġel agħma kellu fidi li Kristu kien se jfejqu.

Kapitlu 13

Fidi f’Ġesù Kristu

Kif nistgħu nemmnu f’Ġesù Kristu minkejja li qatt ma rajnieh?

Aħna Nistgħu Nemmnu f’Ġesù Kristu u Nafdawh

Li jkollna l-fidi jfisser li nemmnu f’xi ħadd jew f’xi ħaġa li ma nistgħux naraw, u naġixxu skont dik il-fidi. Per eżempju, wieħed bidwi għandu fidi li l-pjanti se jikbru jekk huwa jiżra’ ż-żerriegħa u jieħu ħsiebha. Għalhekk hu jiżra’ ż-żerriegħa u jsaqqiha u jieħu ħsiebha. Meta hu jagħmel dan, il-pjanti jikbru u jagħtuh l-ikel.

Li jkollna l-fidi f’Ġesù jfisser li nemmnu li Huwa jgħix u li nobduh, anke jekk ma nistgħux narawh. Dawn huma ftit mill-ħwejjeġ li aħna nemmnu dwar Ġesù meta jkollna l-fidi fih:

  1. Aħna nemmnu li Missierna fis-Smewwiet għażel lil Ġesù biex jgħinna nimxu wara l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet.

  2. Aħna nemmnu li Ġesù hu s-Salvatur tagħna.

  3. Aħna nemmnu li Hu twieled f’din id-dinja bħala Iben Missierna fis-Smewwiet.

  4. Aħna nemmnu li Hu ġie fid-dinja biex jgħallimna kif nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet.

  5. Aħna nemmnu li Huwa jħobbna.

  6. Aħna nemmnu li Hu bata għal dnubietna ħalli nkunu nistgħu nindmu u ma jkollniex għalfejn niġu kkastigati għalihom.

  7. Aħna nemmnu li Hu miet u qam mill-imwiet.

  8. Aħna nemmnu li t-tagħlim tiegħu hu veru.

  9. Aħna nemmnu li jekk nobdu lil Ġesù nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu hi xi ħaġa essenzjali biex aħna nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Meta jkollna l-fidi fih, aħna nafdawh u nkunu rridu nitgħallmu dwaru. Ġesù hu l-uniku wieħed li jista’ jmexxina lura għand Missierna fis-Smewwiet. Huma biss dawk li jemmnu f’Ġesù u jobduh li jistgħu jerġgħu lura u jgħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Diskussjoni

  • X’inhi l-fidi?

  • X’inhi l-fidi f’Ġesù?

  • X’inhuma wħud mill-affarijiet li aħna nemmnu dwar Ġesù?

  • Għalfejn jeħtieġ li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu?

Ġesù Tana Mod kif Niżviluppaw il-Fidi Fih

Ġesù qalilna kif nistgħu nitgħallmu dwaru u jkollna l-fidi fih. Hu qalilna biex naqraw l-iskrittura u nitgħallmu x’kitbu dwaru l-profeti. Hu talabna biex nisimgħu mill-profeta li jgħix illum. Meta nagħmlu dawn l-affarijiet, aħna nitgħallmu aktar dwar Ġesù.

Aħna għandna nitolbu waqt li nitgħallmu dwar Ġesù. Għandna nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet biex jgħinna nifhmu dak li naqraw u nisimgħu dwar Ġesù. Missierna fis-Smewwiet jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħinna nifhmu l-affarijiet li qed nitgħallmu. L-Ispirtu s-Santu jgħidilna li Ġesù hu Iben Missierna fis-Smewwiet, li Hu s-Salvatur tagħna, u li t-tagħlim tiegħu hu veru.

Profeta jismu Alma qal li jekk irridu nkunu nafu jekk xi ħaġa hijiex vera, hemm bżonn li nittestjawha. Hu qabbel dan ma’ meta niżirgħu żerriegħa. Jekk niżirgħu żerriegħa tajba u nieħdu ħsiebha, hija tikber, u nkunu nafu li kienet żerriegħa tajba. Jekk iż-żerriegħa ma tikbirx, inkunu nafu li kienet żerriegħa ħażina. Jekk irridu nkunu nafu jekk it-tagħlim ta’ Ġesù huwiex veru, għandna nistudjawh u nobduh.

Il-fidi f’Ġesù tfisser aktar milli sempliċiment ngħidu li nemmnu fih. Tfisser li nafdaw fih b’tant qawwa li nkunu rridu nobduh, f’dak kollu li jitlobna nagħmlu. Huma biss dawk li jobdu lil Ġesù li verament għandhom il-fidi fih. U hekk kif aħna nobduh, il-fidi tagħna fih issir aktar b’saħħitha. Aħna nitgħallmu li t-tagħlim tiegħu hu ġej mingħand Missierna fis-Smewwiet, u mhux mill-bnedmin.

Jekk aħna ma nobdux lil Ġesù, il-fidi tagħna tiddgħajjef. Meta aħna nagħmlu dak li jitlobna Hu, il-fidi tagħna tissaħħaħ. Il-fidi tagħna tista’ tkompli tissaħħaħ sakemm ikollna għarfien ċert li Huwa jgħix, kważi daqslikieku nistgħu narawh.

Diskussjoni

  • Kif jista’ jkollna l-fidi f’Ġesù anke jekk ma nistgħux narawh?

  • Għalfejn hemm bżonn li nobdu lil Ġesù biex ikollna l-fidi fih?

Aħna Nistgħu Nirċievu Għarfien Kbir u Qawwa Kbira Meta Jkollna l-Fidi f’Ġesù

Il-profeti li naqraw dwarhom fl-iskrittura kellhom fidi qawwija f’Ġesù. Din il-fidi tathom qawwa li jgħinu lill-poplu tagħhom. Peress li kellhom il-fidi f’Ġesù, huma kellhom il-qawwa li jagħmlu affarijiet li ma setgħux jagħmlu weħidhom.

Qabel Ġesù twieled f’din id-dinja, Missierna fis-Smewwiet qallu biex jgħid lil profeta jismu Noè biex jibni vapur għaliex Missierna fis-Smewwiet kien se jibgħat dilluvju kbir jekk in-nies ħżiena ta’ żmien Noè ma kinux se jindmu. In-nies baqgħu ma nidmux. Noè emmen lil Ġesù u bena vapur. Meta ġie d-dilluvju, in-nies kollha li ma nidmux inqatlu, iżda Noè u l-familja tiegħu kienu jinsabu salvi ġewwa l-vapur għaliex huma emmnu lil Ġesù u għamlu dak li qal.

Mosè kien profeta li ħeles lin-nies tiegħu mill-jasar. Missierna fis-Smewwiet bagħat lil Ġesù biex jgħin lil Mosè għaliex Mosè emmen f’Ġesù u għamel l-affarijiet li qallu jagħmel Ġesù.

Meta Ġesù kien jgħix f’din id-dinja, kien hemm mara li kellha fidi kbira fih. Kienet ilha marida, u kienet temmen li jekk hi sempliċiment tmiss l-ilbies ta’ Ġesù, hija tfiq. Ġesù kien miexi qalb folla nies. Hi rasset fil-folla sakemm waslet ħdejh u misset l-ilbies tiegħu. Hija fieqet minnufih. Ġesù qalilha li l-fidi tagħha kienet fejqitha.

Il-Profeta Joseph Smith kellu l-fidi f’Ġesù Kristu. Huwa qara fil-Bibbja li Missierna fis-Smewwiet jisma’ talbna jekk aħna nemmnu li jista’ jagħmel dan. Joseph talab lil Missierna fis-Smewwiet. Missierna fis-Smewwiet u Ġesù dehru lil Joseph. Missierna fis-Smewwiet qal lil Joseph biex jisma’ lil Ġesù u jobdi dak li jgħidlu Ġesù. Joseph obda lil Ġesù, u għalhekk huwa seta’ jirċievi l-Ktieb ta’ Mormon u jgħin jirrestawra l-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Ġesù jgħin lilna wkoll jekk aħna jkollna l-fidi fih. Huwa jgħinna bil-problemi tagħna. Huwa jgħinna jekk għandna qalbna maqtugħa. Huwa jgħinna negħlbu d-dnub. Aħna nkunu nistgħu ngħinu lill-familji tagħna u lil ħaddieħor.

Meta jkollna l-fidi f’Ġesù, aħna nibdew nimxu wara l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. Nibdew ngħixu u nagħmlu affarijiet li jwassluna lura għand Missierna fis-Smewwiet. Jekk inkomplu nagħmlu dan, xi darba nkunu nistgħu ngħixu miegħu għal dejjem.

Diskussjoni

  • X’tip ta’ għarfien u qawwa jista’ jkollna meta jkollna l-fidi f’Ġesù?