Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 3: Is-Salvatur Tagħna


Kapitlu 3

Is-Salvatur Tagħna

Min hu l-uniku bniedem li jista’ jiggwidana lura għand Missierna fis-Smewwiet? Għalfejn għandna nimxu warajh?

Aħna Kellna Bżonn Mexxej

Missierna fis-Smewwiet kien jaf li waqt li nkunu f’din id-dinja aħna mhux se niftakru l-ħajja tagħna miegħu. Ma konniex se nkunu nafu x’għandna nagħmlu biex nerġgħu lura għandu. Hu kien jaf ukoll li aħna konna se nidinbu. Minħabba dnubietna, aħna konna se niġu kkastigati billi niġu separati minn miegħu għal dejjem. U meta mmutu, ma kienx se jkollna aktar ġisem tal-laħam u l-għadam.

Kien se jkollna bżonn ta’ xi ħadd li jgħinna b’dawn il-problemi. Dan il-bniedem jgħallimna x’se jkollna bżonn nagħmlu biex nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Hu jgħinna negħlbu l-affarijiet ħżiena li aħna nagħmlu. Hu jagħmel ukoll mod kif wara li mmutu jerġa’ jkollna għal darb’oħra ġisem tal-laħam u l-għadam. Dan il-bniedem jissejjaħ is-Salvatur tagħna. Hu biss jista’ jsalvana mill-kastig għall-ħwejjeġ li aħna nagħmlu ħażin. Hu biss jista’ jgħinna nitgħallmu nkunu ubbidjenti għal Missierna fis-Smewwiet. Hu biss jista’ jagħmilha possibbli għalina li wara l-mewt jerġa’ jkollna għal darb’oħra ġisem tal-laħam u l-għadam.

Diskussjoni

  • X’inhuma wħud mill-problemi li Missierna fis-Smewwiet kien jaf li konna se niltaqgħu magħhom f’din id-dinja?

  • Għalfejn għandna bżonn ta’ Salvatur biex jgħinna?

Missierna fis-Smewwiet Għażel lil Ġesù biex Ikun is-Salvatur Tagħna

Missierna fis-Smewwiet iħobbna, u kien jaf li aħna se jkollna bżonn l-għajnuna. Hu kien jaf li aħna konna se nħossuna mnikktin ħafna jekk ma jkollniex ġisem tal-laħam u l-għadam u jekk ma nerġgħux lura biex ngħixu miegħu għal dejjem. Aħna kellna bżonn xi ħadd biex jgħinna. Missierna fis-Smewwiet ried li xi ħadd ikun is-Salvatur tagħna. Tnejn minn ħutna offrew li jkunu s-Salvatur tagħna.

Ħuna l-kbir, Ġesù, talab lil Missierna fis-Smewwiet biex jibgħat lilu. Hu qal li kien se jimxi mal-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. Hu jiġi f’din id-dinja u jgħallimna l-ħwejjeġ li se jkollna bżonn nagħmlu biex nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Hu jmut biex ipatti għall-affarijiet ħżiena li aħna għamilna. Hu jagħmilha wkoll possibbli għalina li wara li mmutu nerġgħu ngħixu. Hu jagħtina ċ-ċans ukoll li nagħżlu għalina nfusna jekk nobdux jew le lil Missierna fis-Smewwiet.

Ġesù kien jaf li se jkun importanti għalina li nagħżlu aħna stess l-affarijiet li nagħmlu. Jekk xi ħadd ġegħelna nobdu, aħna ma stajniex nitgħallmu u nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet. Ġesù ried li Missierna fis-Smewwiet ikollu l-glorja kollha u l-unur kollu.

Satana, li kien jissejjaħ Luċifru, ukoll talab lil Missierna fis-Smewwiet biex jagħżel lilu sabiex ikun is-Salvatur tagħna. Hu qal li ried jiġi f’din id-dinja u jġegħelna nagħmlu dak li għandna nagħmlu. Hu qal li ħadd fostna ma kien se jintilef. Hu ma jippermettix li aħna nagħżlu għalina nfusna. Bħala premju, hu ried li jingħata l-glorja kollha u l-unur kollu li Missierna fis-Smewwiet kellu.

Peress li Missierna fis-Smewwiet iħobbna, Hu għażel lil Ġesù biex ikun is-Salvatur tagħna. Għal din ir-raġuni, ħafna drabi lil Ġesù nsejħulu Ġesù Kristu. Kristu tfisser magħżul minn Missierna fis-Smewwiet biex ikun is-Salvatur. Missierna fis-Smewwiet għażel lil Ġesù u mhux lil Satana għaliex Missierna fis-Smewwiet ma ridniex nitilfu d-dritt tagħna li nagħżlu għalina nfusna. Hu kien jaf li aħna għandna nagħmlu t-tajjeb għax irridu nagħmlu hekk, mhux għax xi ħadd iġegħelna nagħmlu dan.

Diskussjoni

  • X’ried jagħmel għalina Ġesù?

  • X’ried jagħmel Satana?

  • Għalfejn Missierna fis-Smewwiet għażel lil Ġesù biex ikun is-Salvatur tagħna?

Immaġni
Christ at Emmaus [Kristu f’Għemmaws], minn Carl Heinrich Bloch

Missierna fis-Smewwiet għażel lil Ġesù biex ikun is-Salvatur tagħna.

Ġesù Hu s-Salvatur u l-Mexxej Tagħna

Meta Missierna fis-Smewwiet għażel lil Ġesù, Satana rrabja ħafna. Hu pperswada lil terz tal-ispirti fis-smewwiet biex jimxu warajh. Flimkien huma ġġieldu kontra Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Huma riedu jġiegħlu lil Missierna fis-Smewwiet biex jaċċetta l-pjan ta’ Satana. Missierna fis-Smewwiet keċċa lil Satana u lis-segwaċi tiegħu mis-smewwiet.

Satana u s-segwaċi tiegħu mhux se jirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam. Mhux se jkunu jistgħu jerġgħu lura u jgħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Huma biss dawk li aċċettaw lil Ġesù biex ikun is-Salvatur tagħhom li seta’ jkollhom ġisem tal-laħam u l-għadam.

Aħna nafu, peress li għandna ġisem tal-laħam u l-għadam, li aħna aċċettajna lil Ġesù biex ikun is-Salvatur tagħna. Fis-smewwiet aħna għażilna l-affarijiet tajbin. Għandna nkomplu nagħżlu dak li hu tajjeb hawn f’din id-dinja. Għandna nimxu wara Ġesù. Hu biss jista’ jgħallimna kif nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Hu jista’ jgħinna negħlbu l-affarijiet ħżiena li nagħmlu u jgħinna nitgħallmu nagħmlu affarijiet tajbin sakemm aħna nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet.

Missierna fis-Smewwiet iridna nimxu wara Ġesù u nobduh. Hu jaf li Ġesù dejjem se jgħallimna l-mod ta’ Missierna kif nagħmlu l-affarijiet, għalhekk meta aħna nobdu lil Ġesù nkunu qed nobdu wkoll lil Missierna fis-Smewwiet. Kmandament jew messaġġ mingħand Ġesù huwa kmandament jew messaġġ mingħand Missierna fis-Smewwiet ukoll.

Diskussjoni

  • Kif nafu li aħna għażilna lil Ġesù biex ikun is-Salvatur tagħna?

  • Min hu l-uniku bniedem li jista’ jurina kif nistgħu nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet?

  • Għalfejn għandna nimxu wara Ġesù?