Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 33: It-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu


Immaġni
Christ in a Red Robe, [Kristu Liebes Mantar Aħmar] minn Minerva K. Teichert

Huma ħafna s-sinjali li juru li t-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu hi fil-qrib.

Kapitlu 33

It-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu

Ġesù Kristu se jerġa’ jiġi f’din id-dinja. X’se jkunu s-sinjali tal-miġja tiegħu, u kif nistgħu nippreparaw biex niltaqgħu miegħu meta Huwa jiġi?

Ġesù Wiegħed li Se Jerġa’ Jiġi f’Din id-Dinja

Erbgħin jum wara li Ġesù qam mill-imwiet, Hu u l-Appostli tiegħu ltaqgħu fuq għolja tissejjaħ l-Għolja taż-Żebbuġ. Kien wasal iż-żmien biex Ġesù jerġa’ lura fis-smewwiet. Hu wettaq l-affarijiet kollha li Missierna fis-Smewwiet bagħtu biex jagħmel. L-Appostli tiegħu raw b’għajnejhom lil Ġesù tiela’ fis-smewwiet. Hekk kif l-Appostli kienu qed jaraw dak li kien qed jiġri, ġew żewġ anġli u qalulhom li Ġesù kien se jerġa’ jiġi lura f’din id-dinja. Minn dak iż-żmien sal-lum, dawk li emmnu f’Ġesù stennew b’antiċipazzjoni r-ritorn tiegħu. Ir-ritorn tiegħu jissejjaħ it-Tieni Miġja ta’ Kristu.

Fit-Tieni Miġja, Ġesù se jinżel mis-smewwiet b’qawwa kbira. Huwa se jnaddaf lid-dinja minn kull ħażen, u Satana ma jkollux aktar qawwa fuq in-nies. Ġesù se jsaltan għal elf sena fuq in-nies kollha li kienu fidili lejh.

Diskussjoni

  • Kif nafu li Ġesù se jerġa’ lura f’din id-dinja?

Ġesù Qalilna X’Se Jiġri Qabel Huwa Jiġi

Ġesù qalilna ħafna affarijiet li se jseħħu qabel Huwa jerġa’ jiġi. Dawn l-affarijiet jissejħu s-sinjali tat-Tieni Miġja tiegħu. Hu qalilna biex inżommu għajnejna miftuħin għal dawn is-sinjali u nkunu lesti għall-miġja tiegħu. Hu qal li meta naraw dawn l-affarijiet iseħħu, aħna nkunu nafu li Hu dalwaqt jiġi. Iżda aħna ma nkunux nafu ż-żmien eżatt tal-miġja tiegħu.

Jekk nistudjaw l-iskrittura u nkunu fidili lejn Ġesù, aħna nkunu nafu x’se jkunu s-sinjali tal-miġja ta’ Ġesù. Se jseħħu ħafna affarijiet qabel Ġesù jerġa’ jiġi f’din id-dinja. Uħud minnhom diġà seħħew, xi wħud qed iseħħu bħalissa, u l-kumplament se jseħħu fil-futur.

Qabel it-Tieni Miġja ta’ Ġesù, l-evanġelju se jiġi mxandar fost il-ġnus kollha. Dan se jwassal biex ħafna nies jimtlew bil-ferħ u se jiksbu bosta barkiet. Affarijiet oħra li se jseħħu se jittestjaw il-fidi tagħna. Se jkun hawn ħażen kbir, terrimoti, u ħwejjeġ oħra li jġibu l-qerda.

Se Jkun Hawn Inkwiet Kbir fid-Dinja

Ġesù qal li aħna se nkunu nafu li l-miġja tiegħu hi fil-qrib meta naraw il-ħażen, il-gwerer, u t-tbatija jiżdiedu fid-dinja. Dan se jkun żmien ta’ nkwiet kbir. Se jkun hawn bosta theżhiż, maltemp kbir, mard, u ġuħ. Ġebel tas-silġ se jeqred il-prodotti tal-art.

Ħafna nies mhux se jibqgħu jħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u jibdew iħobbu lil Satana. Huma ma jibqgħux ukoll iħobbu u jservu lil nies oħra u jibdew jagħmlulhom il-ħsara. Se jkun hawn bosta gwerer fid-dinja. Il-ġnus jibdew jiġġieldu kontra xulxin. Dawn il-gwerer se jkomplu sakemm isseħħ il-gwerra kbira u finali, li se tkun l-aktar gwerra qerrieda li qatt ġiet miġġielda fid-dinja. Imbagħad jiġi Ġesù.

L-Evanġelju Ġie Rrestawrat

Il-profeti qalu li l-evanġelju se jiġi rrestawrat fid-dinja qabel jerġa’ jiġi Ġesù. L-evanġelju ġie rrestawrat permezz tal-Profeta Joseph Smith. It-tagħlim kollu tal-evanġelju li hu neċessarju għalina li nkunu nafu u nagħmlu biex inkunu nistgħu nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet ġie rrestawrat fid-dinja.

Ġesù qal li aħna nkunu nafu li Hu jkun wasal biex jiġi meta jiġi ppubblikat il-Ktieb ta’ Mormon u mogħti lid-dinja. Ħafna snin ilu, il-profeti Isaija u Eżekjel tkellmu dwar il-Ktieb ta’ Mormon. Il-Ktieb ta’ Mormon ġie maqlub għal-lingwa Ingliża mill-Profeta Joseph Smith. Minn dak iż-żmien ġie maqlub f’diversi lingwi oħra. Se jingħata lill-ġnus kollha tad-dinja qabel jiġi Ġesù.

Id-Dar ta’ Iżrael Jeħtieġ Terġa’ Tinġabar

Missierna fis-Smewwiet qal li d-dixxendenti tad- dar ta’ Iżrael* jeħtieġ li jisimgħu u jaċċettaw l-evanġelju u jħejju lilhom infushom biex jiltaqgħu ma’ Ġesù meta Huwa jerġa’ jiġi. Dawk li jaċċettaw l-evanġelju għandhom jgħallmuh lin-nies kollha, jibnu t-tempji, u jwettqu l-ordinanzi għall-mejtin.

Ħafna nies mid-dar ta’ Iżrael, kemm jekk permezz tad-demm jew b’adozzjoni, qed jikkonvertu għall-Knisja hekk kif huma jaċċettaw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. L-Art Imqaddsa ġiet imbierka għall-ġabra ta’ ħafna mid-dixxendenti ta’ Abraham. Id-dixxendenti ta’ Abraham jinkludu lin-nies magħrufin bħala Għarab u Lhud, u oħrajn. Id-dixxendenti tan-nies tal-Ktieb ta’ Mormon fl-Amerika, li huma wkoll dixxendenti ta’ Abraham qed jaċċettaw l-evanġelju u qed isiru poplu b’saħħtu u twajjeb.

L-Evanġelju Se Jixxandar mad-Dinja Kollha

Ġesù qal li aħna nkunu nafu li Huwa wasal biex jiġi meta d-dixxipli tiegħu jkunu xandru l-evanġelju mad-dinja kollha. Miż-żmien li fih il-Knisja ġiet irrestawrata, il-missjunarji ntbagħtu biex ixandru l-evanġelju f’bosta ġnus. Illum ħafna missjunarji qed ixandru l-evanġelju kważi f’kull pajjiż tad-dinja. Kull membru tal-Knisja hu mitlub biex jitkellem mal-qraba u l-ħbieb tiegħu dwar l-evanġelju, u ħafna qegħdin imorru f’pajjiżi oħra biex ixandru l-evanġelju, ħalli l-bnedmin kollha jkollhom opportunità li jisimgħuh.

Elija Ġie

Il-profeta Malakija fil-Bibbja qal li qabel Ġesù jerġa’ jiġi għat-tieni darba, il-profeta Elija se jżur din id-dinja. Hu se jġib lura l-awtorità li tissiġilla l-familji flimkien għal dejjem. Hu jwassal biex in-nies ikunu jridu jitgħallmu dwar l-antenati u d-dixxendenti tagħhom u jgħinuhom isalvaw. F’April 1836, Elija ġie u rrestawra din l-awtorità lill-Profeta Joseph Smith. Peress li Elija ġie, issa l-familji jistgħu jiġu ssiġillati flimkien fit-tempji li hawn fid-dinja llum.

Se Tinbena Belt ta’ Ġerusalemm Ġdida

Ġesù qal li aħna nkunu nafu li Huwa wasal biex jiġi meta l-Knisja tiegħu tkun bniet belt tissejjaħ il-Ġerusalemm il-Ġdida. Ġesù qal li Hu se jsaltan f’dik il-belt, u fiha se jgħixu nies twajbin. Huwa qalilna fejn se tinbena din il-belt. Se tinbena fl-istat ta’ Missouri, fl-Istati Uniti.

Dawn huma biss ftit mis-sinjali li se juruna li Ġesù għandu jiġi dalwaqt. L-iskrittura tgħidilna dwar sinjali oħra. Minkejja li aħna diġà nistgħu naraw bosta sinjali, aħna ma nafux iż-żmien eżatt li fih se jerġa’ jiġi Ġesù.

Diskussjoni

  • Kif nafu li t-Tieni Miġja ta’ Ġesù tinsab fil-qrib?

  • X’inhuma s-sinjali tat-Tieni Miġja ta’ Ġesù?

Aħna Jista’ Jkollna l-Paċi u t-Tama Minkejja li Ninsabu Mdawrin bil-Ħażen u l-Inkwiet

Jeħtieġ li aħna nkunu preparati għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù. L-aħjar mod kif aħna nistgħu nitħejjew għall-miġja tiegħu hu billi nobdu t-tagħlim tiegħu kuljum. Għandna wkoll nobdu l-kmandamenti u l-istruzzjonijiet li Huwa jagħti lill-President tal-Knisja għalina llum. Jeħtieġ li aħna nkunu denji li jkollna magħna l-Ispirtu s-Santu f’kull mument biex jiggwida l-ħsibijiet u l-għemejjel tagħna. Ġesù qal li jekk aħna nkunu preparati meta Huwa jiġi, aħna ma nibżgħux. Aħna nkunu kuntenti u nkunu rridu nkunu miegħu. Meta Huwa jiġi, in-nies twajbin mhumiex se jinqerdu. Huma se jgħixu f’din id-dinja, u wliedhom jikbru mingħajr dnub. Ġesù jkun magħhom u jberikom u jmexxihom.

Meta Ġesù jerġa’ jiġi hawn mis-smewwiet, in-nies il-ħżiena jinqerdu. In-nies it-twajbin li jkunu mietu se jqumu mill-oqbra tagħhom u jmorru jiltaqgħu miegħu hekk kif Huwa jiġi mis-smewwiet. Il-ħżiena mhux se jqumu mill-oqbra tagħhom qabel ma jgħaddu 1,000 sena. Dan il-perjodu ta’ 1,000 sena hu magħruf bħala l-Millennju.*

Meta Ġesù kien qed jgħix f’din id-dinja, kienu verament ftit in-nies li kienu jafu li Hu, is-Salvatur tad-dinja, kien ġie. Meta Ġesù jerġa’ jiġi, kulħadd se jkun jaf li Hu Ġesù Kristu, Bin Alla, is-Salvatur tad-dinja.

Diskussjoni

  • Kif jista’ jkun ta’ għajnuna għalina li nkunu nafu s-sinjali tat-Tieni Miġja?

  • X’se jiġri min-nies twajbin li jkunu f’din id-dinja meta jerġa’ jiġi Ġesù?

  • X’se jiġri min-nies ħżiena li dak iż-żmien ikunu qed jgħixu f’din id-dinja?