Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 28: Id-Dieċmi u l-Offerti


Kapitlu 28

Id-Dieċmi u l-Offerti

X’inhuma d-dieċmi u l-offerti, u kif iberikna Missierna fis-Smewwiet meta nagħtuhom minn jeddna?

Missierna fis-Smewwiet Qalilna biex Inħallsu d-Dieċmi

Id-dieċmi hija għaxra fil-mija tal-flus u ta’ ħwejjeġ oħra li aħna naqilgħu. Żmien twil ilu, Missierna fis-Smewwiet qal lin-nies biex iħallsu d-dieċmi. Abraham, Ġakobb, u ħafna oħrajn obdew dan il-kmandament.

Jekk aħna naqilgħu jew nirċievu l-flus, aħna għandna nagħtu għaxra fil-mija tagħhom bħala dieċmi. Jekk għandna xi annimali jew prodotti tar-raba’ aħna wkoll nistgħu nħallsu d-dieċmi. Aħna nagħtu għaxra fil-mija tal-prodotti jew għaxra fil-mija tal-annimali ġodda li jkollna kull sena. Jekk ikun possibbli, minflok ma’ nagħtu l-prodotti u l-annimali lill-Knisja, għandna nbigħuhom u nagħtu l-flus lill-Knisja. Aħna nħallsu d-dieċmi tagħna lill-isqof jew lill-president tal-fergħa. Jekk ma nafux kemm għandna nagħtu, għandna nistaqsu lill-isqof jew lill-president tal-fergħa tagħna biex jgħinna nifhmu l-liġi tad-dieċmi.

Hekk kif inħallsu d-dieċmi tagħna, aħna ngħinu fit-tixrid tal-evanġelju madwar id-dinja. Id-dieċmi jintużaw biex jinbena l-bini tal-Knisja, jiġu stampati l-kotba, u jitħallsu ċerti affarijiet oħra li huma meħtieġa fil-Knisja vera ta’ Ġesù.

Anke t-tfal għandhom iħallsu d-dieċmi. Huma jitgħallmu jagħmlu dan hekk kif jaraw lill-ġenituri tagħhom iħallsu d-dieċmi. Jekk huma jibdew iħallsu d-dieċmi meta għadhom żgħar, huma jkunu jridu jħallsuhom meta jikbru u jkollhom il-familji tagħhom.

Diskussjoni

  • Kemm mitlubin li aħna nħallsu bħala dieċmi?

  • Kif nistgħu ngħallmu lil uliedna jħallsu d-dieċmi?

Aħna Nuru Mħabbitna lejn Missierna fis-Smewwiet Meta Nħallsu d-Dieċmi

Aħna għandna nħallsu d-dieċmi minn jeddna ħalli Missierna fis-Smewwiet jaċċettahom u minħabba f’hekk iberikna. Aħna għandna nħallsu d-dieċmi għaliex irridu nħallsuhom.

Jekk m’għandniex xewqa li nħallsu d-dieċmi, għandna naħsbu dwar il-barkiet kollha li tana Missierna fis-Smewwiet. Meta nħallsu minn jeddna d-dieċmi tagħna aħna nuru mħabbitna lejn Missierna fis-Smewwiet u lejn ħaddieħor.

Diskussjoni

Missierna fis-Smewwiet Wegħedna li Jberikna Jekk Inħallsu d-Dieċmi

Missierna fis-Smewwiet ikun kuntent meta nħallsu d-dieċmi tagħna. Huwa wiegħed li jberikna jekk inħallsuhom. Huwa qal li Hu jagħtina tant barkiet li ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu bihom. Hu qal ukoll li aħna ma ninqerdux mal-ħżiena jekk minn jeddna nħallsu d-dieċmi tagħna.

Missierna fis-Smewwiet iberikna biex insiru nafuh aħjar. Hu jberikna biex insiru nafu aktar dwar l-evanġelju. Hu jagħtina aktar qawwa biex ngħixu t-tagħlim tal-evanġelju kuljum u ngħinu lill-familji tagħna jgħixu l-evanġelju. Hu jkun kuntent ukoll meta aħna ngħinu lil ħaddieħor jitgħallem dwar l-evanġelju.

Meta nħallsu d-dieċmi tagħna, aħna nitgħallmu nħaddmu flusna aħjar u nkunu anqas egoisti. Għandna dejjem l-ewwel inwarrbu fil-ġenb id-dieċmi tagħna minn dak li nkunu qlajna, u wara naraw li Missierna fis-Smewwiet iberikna ħalli nkunu kapaċi nħaddmu l-flus li jkun fadlilna biex ikollna biżżejjed għall-bżonnijiet tagħna.

Diskussjoni

  • Semmi tliet barkiet li aħna nirċievu meta nħallsu d-dieċmi?

Aħna Ngħinu lil Ħaddieħor Meta Nħallsu l-Offerti tas-Sawm

Bħala membri tal-Knisja aħna nsumu ġurnata fix-xahar. Dan ifisser li noqogħdu bla ikel għal żewġ ikliet. Aħna ma nieklu jew ma nixorbu xejn għal madwar 24 siegħa. Aħna nemmnu li s-sawm jgħinna sabiex ikollna spirtu b’saħħtu.

Missierna fis-Smewwiet qalilna biex nagħtu offerta li tissejjaħ offerta tas-sawm. Din l-offerta għandha tkun dak li konna nonfqu li kieku aħna kilna fil-ġurnata li fiha somna. Jekk nistgħu għandna nagħtu aktar minn hekk. Missierna fis-Smewwiet iberikna jekk nagħmlu dan. Dawn l-offerti jintużaw biex jipprovdu ikel, kenn, ilbies, u ħwejjeġ oħra għal dawk li huma fil-bżonn. Meta nħallsu l-offerti tas-sawm aħna nkunu qed nuru li nħobbu lil għajrna.

Aħna nagħtu l-offerta tas-sawm tagħna lill-isqof jew lill-president tal-fergħa, u hu juża l-flus biex jgħin lill-foqra u lil dawk li jeħtieġu għajnuna speċjali. Missierna fis-Smewwiet qal li jekk aħna ngħinu lill-foqra Huwa jberikna. Hu jisma’ talbna u jgħinna meta nkunu neħtieġu l-għajnuna. Hu jgħinna nifhmu l-evanġelju aħjar u jiggwidana dejjem.

Il-Knisja tuża d-dieċmi u l-offerti:

  1. Biex tgħallem l-evanġelju lil ħaddieħor.

  2. Biex tibni u tieħdu ħsieb it-tempji, id-djar tal-laqgħat, u bini ieħor tal-Knisja.

  3. Biex tistampa l-kotba tal-lezzjoni u affarijiet oħra li n-nies tal-Knisja jeħtieġu biex jitgħallmu dwar l-evanġelju u biex iwettqu l-ħidma ta’ Missierna fis-Smewwiet.

  4. Biex tgħin lil dawk li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom.

Diskussjoni

  • Kif nistgħu nuru l-gratitudni tagħna lejn Missierna fis-Smewwiet għall-barkiet kollha li Huwa tana?

  • Għaliex jekk inħallsu l-offerti tas-sawm aħna nkunu ferħanin?

Immaġni
mara titlob

Is-sawm u t-talb iġibulna l-barkiet.