Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 20: L-Organizzazzjoni tas-Saċerdozju


Immaġni
Awtoritajiet Ġenerali waqt il-konferenza ġenerali

L-uffiċjali tas-saċerdozju li jippresedu tal-Knisja huma l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Hemm ukoll ħafna rġiel u nisa oħra li jgħinu jmexxu l-ħidma tal-Knisja.

Kapitlu 20

L-Organizzazzjoni tas-Saċerdozju

Kif jista’ raġel jikseb l-awtorità li jwettaq il-ħidma ta’ Missierna fis-Smewwiet?

Meta Raġel Ikollu s-Saċerdozju, Hu Jista’ Jaġixxi f’Isem Missierna fis-Smewwiet

Is-saċerdozju hu l-awtorità li Missierna fis-Smewwiet jagħti lil ċerti rġiel u subien denji biex iwettqu l-ħidma tiegħu fid-dinja. Hu ta din l-awtorità lil Ġesù. Ġesù ta din l-awtorità lil ċerti rġiel fid-dinja. L-irġiel u s-subien li għandhom is-saċerdozju jirrappreżentaw lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù. Huma jistgħu jagħmlu affarijiet li rġiel u subien oħra ma jistgħux. Huma jistgħu jkunu missjunarji u jgħallmu l-evanġelju veru ta’ Ġesù Kristu. Huma jistgħu jbierku lill-morda. Huma jistgħu jwettqu ħidmiet sagri fil-Knisja.

Ġesù qalilna x’inhu l-mod kif raġel jista’ jagħti s-saċerdozju lil raġel jew tifel ieħor. Raġel li jħaddan is-saċerdozju jpoġġi jdejh fuq ras ir-raġel jew it-tifel. Imbagħad huwa jagħtih is-saċerdozju f’isem Ġesù Kristu u bl-awtorità tas-saċerdozju li huwa jħaddan.

Huwa biss dak ir-raġel jew dak it-tifel li jobdi l-kmandamenti ta’ Ġesù li jista’ jirċievi s-saċerdozju. Ġesù jagħti ċ-ċans lill-irġiel u lis-subien biex iwettqu l-ħidma tiegħu biss jekk huma jobdu l-kmandamenti tiegħu.

M’hawn ħadd akbar fid-dinja minn dak ir-raġel jew dak it-tifel li juża s-saċerdozju b’mod xieraq.

Diskussjoni

  • X’inhu s-saċerdozju?

  • Min jista’ jirċievi s-saċerdozju?

Is-Saċerdozju Hu Maqsum f’Żewġ Partijiet

Iż-żewġ partijiet tas-saċerdozju huma s-Saċerdozju ta’ Aron u s-Saċerdozju ta’ Melkisedek. Is-Saċerdozju ta’ Aron xi kultant jissejjaħ is-saċerdozju minuri. Is-Saċerdozju ta’ Melkisedek xi kultant jissejjaħ is-saċerdozju ikbar.

Is-Saċerdozju ta’ Aron

Is-Saċerdozju ta’ Aron hu msemmi għal Aron, ħu Mosè, il-profeta. Aron kien mexxej fi żmien Mosè.

Membru denju maskili tal-Knisja jista’ jirċievi s-Saċerdozju ta’ Aron mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li fiha jagħlaq 12-il sena. L-irġiel u s-subien li għandhom is-Saċerdozju ta’ Aron jistgħu jgħallmu lin-nies. Xi wħud li għandhom is-Saċerdozju ta’ Aron jistgħu jgħammdu lin-nies. Huma jgħinu lin-nies jiftakru f’Ġesù. Huma jistgħu jgħinu lin-nies b’diversi modi.

Is-Saċerdozju ta’ Melkisedek

Is-Saċerdozju ta’ Melkisedek hu msemmi għal raġel jismu Melkisedek. Melkisedek kien raġel twajjeb ħafna li kellu s-saċerdozju. Hu għex fi żmien Abraham. Hu kien qassis il-kbir. Qabel ma ssemma għalih, is-saċerdozju kien jissejjaħ is-Saċerdozju Mqaddes għall-Ordni ta’ Iben Alla. L-isem tas-saċerdozju nbidel għal Melkisedek biex jipprevjeni lin-nies milli jużaw isem Alla ta’ spiss.

Membru denju maskili tal-Knisja jeħtieġ li jkollu mill-inqas 18-il sena biex huma jħaddan is-Saċerdozju ta’ Melkisedek. L-irġiel li jħaddnu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek għandhom il-qawwa li jagħtu barkiet lil ħaddieħor. Ġesù jiżvelalhom affarijiet li jeħtieġ li jkunu jafu u jgħidu waqt li jagħtu dawn il-barkiet.

Diskussjoni

  • X’inhuma ż-żewġ saċerdozji fil-Knisja?

Kull Saċerdozju Għandu Uffiċċji u Awtorità Differenti

Meta bniedem jirċievi s-saċerdozju, hu jiġi ordnat għal uffiċċju fis-saċerdozju. Kemm is-Saċerdozju ta’ Aron kif ukoll is-Saċerdozju ta’ Melkisedek għandhom diversi uffiċċji. Kull wieħed għandu dmirijiet speċjali.

L-irġiel u s-subien li għandhom is-Saċerdozju ta’ Aron u ġew ordnati għall-uffiċċju ta’ qassis f’dan is-saċerdozju għandhom il-qawwa li jagħmlu dawn l-affarijiet:

  1. Jgħallmu l-evanġelju.

  2. Jgħammdu.

  3. Iħejju, ibierku, u jqassmu s-sagrament.*

  4. Jassistu lil dawk li għandhom is-Saċerdozju ta’ Melkisedek waqt li huma jżuru u jgħinu lill-membri tal-Knisja.

  5. Jagħtu s-Saċerdozju ta’ Aron lil ħaddieħor.

L-irġiel li għandhom is-Saċerdozju ta’ Melkisedek għandhom il-awtorità li jagħmlu dawn l-affarijiet:

  1. Imexxu l-Knisja.

  2. Ixandru l-evanġelju.

  3. Jagħtu d-don tal-Ispirtu s-Santu.

  4. Jagħtu barkiet speċjali.

  5. Jagħtu isem u barka lit-trabi.

  6. Ifejqu lill-morda.

  7. Jagħtu s-saċerdozju lil ħaddieħor.

  8. Jagħmlu dak kollu li jistgħu jagħmlu l-irġiel u s-subien li għandhom is-Saċerdozju ta’ Aron.

Diskussjoni

  • X’awtorità għandhom li jagħmlu dawk li jħaddnu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek?

  • X’awtorità għandhom li jagħmlu dawk li jħaddnu s-Saċerdozju ta’ Aron?

L-Uffiċċji tas-Saċerdozju ta’ Aron u d-Dmirijiet Tagħhom

L-uffiċċji tas-Saċerdozju ta’ Aron huma djaknu, għalliem, qassis, u isqof.

Djaknu

Membru denju maskili tal-Knisja jista’ jirċievi s-saċerdozju u jiġi ordnat djaknu mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li fiha jagħlaq 12-il sena. Hu għandu jobdi l-kmandamenti ta’ Ġesù u r-regoli tal-Knisja.

Dawn huma d-dmirijiet ta’ djaknu:

  1. Iqassam is-sagrament.

  2. Jgħin lill-mexxejja tiegħu.

  3. Jgħin lill-għalliema fis-Saċerdozju ta’ Aron iwettqu d-dmirijiet tagħhom meta jintalab jagħmel dan.

Djaknu ma jistax jagħti s-saċerdozju lil ħaddieħor. Hu ma jistax jgħammed lil ħaddieħor. Hu ma jistax ibierek is-sagrament.

Għalliem

Membru denju maskili tal-Knisja jista’ jirċievi s-saċerdozju u jiġi ordnat għalliem mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li fiha jagħlaq 14-il sena. Hu għandu jobdi l-kmandamenti ta’ Ġesù u r-regoli tal-Knisja.

Dawn huma d-dmirijiet ta’ għalliem:

  1. Iħares lill-membri tal-Knisja, jgħinhom iwettqu l-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tagħhom.

  2. Jgħin lill-membri jobdu l-kmandamenti ta’ Ġesù.

  3. Jgħin lil dawk li għandhom is-Saċerdozju ta’ Melkisedek billi flimkien magħhom jimministra lill-familji u jgħinhom jaqdu u jgħallmu l-evanġelju lil dawn il-familji.

  4. Iħejji s-sagrament.

  5. Meta jkun neċessarju, jagħmel dak kollu li jagħmel id-djaknu.

Għalliem ma jistax jagħti s-saċerdozju lil ħaddieħor. Hu lanqas ma jista’ jgħammed lil ħaddieħor. Hu ma jistax ibierek is-sagrament.

Qassis

Membru denju maskili tal-Knisja jista’ jirċievi s-saċerdozju u jiġi ordnat qassis mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li fiha jagħlaq 16-il sena. Hu għandu jobdi l-kmandamenti ta’ Ġesù u r-regoli tal-Knisja.

Dawn huma d-dmirijiet ta’ qassis:

  1. Jgħallem l-evanġelju.

  2. Iħeġġeġ lill-membri biex jobdu l-kmandamenti ta’ Ġesù.

  3. Jgħammed.

  4. Ibierek is-sagrament.

  5. Jordna djakni, għalliema, u qassisin oħra.

  6. Imexxi l-laqgħat meta fil-laqgħa ma jkun hemm ħadd li jħaddan is-Saċerdozju ta’ Melkisedek.

Qassis jista’ jagħmel dak kollu li jista’ jagħmel għalliem u djaknu. Hu ma jistax jordna lil xi ħadd għall-uffiċċju ta’ isqof jew għal xi wieħed mill-uffiċċji tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek.

Isqof

Isqof huwa l-mexxej ta’ qasam.

Dawn huma d-dmirijiet ta’ isqof (president tal-fergħa għandu responsabbiltajiet simili ġo fergħa):

  1. Jippresedi fuq (imexxi) il-qasam.

  2. Iservi bħala president tal-kworum tal-qassisin.

  3. Imexxi l-intervisti tad-denjità għall-membri tal-qasam.

  4. Jagħti pariri lill-membri tal-qasam.

  5. Jgħin lill-membri tal-qasam isiru awto-dipendenti u jitħejjew għal xi emerġenza.

  6. Jissorvelja r-reġistri u l-finanzi u l-użu u s-sigurtà tad-dar tal-laqgħat.

Il-President tal-Knisja jidderieġi lill-presidenti tal-utied biex huma jordnaw irġiel biex ikunu isqfijiet.

Diskussjoni

  • X’inhuma d-dmirijiet ta’ djaknu, ta’ għalliem, ta’ qassis, u ta’ isqof?

L-Uffiċċji tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek u d-Dmirijiet Tagħhom

L-uffiċċji tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek huma presbiteru, qassis il-kbir, patrijarka, Sebgħin, u Appostlu. Kull wieħed minn dawn l-uffiċċji għandu dmirijiet speċifiċi.

Presbiteru

  1. Jgħammed.

  2. Jagħti d-don tal-Ispirtu s-Santu.

  3. Imexxi l-laqgħat.

  4. Jippresedi fuq il-laqgħat meta ma jkunx hemm qassis il-kbir preżenti.

  5. Ixandar l-evanġelju.

  6. Ibierek lill-morda.

  7. Ibierek lit-trabi.

  8. Jagħti s-saċerdozju lil irġiel oħra u jordnahom għall-uffiċċju ta’ presbiteru, qassis, għalliem, jew djaknu.

  9. Meta jkun neċessarju, iwettaq id-dmirijiet kollha ta’ qassis, għalliem, jew djaknu.

Qassis il-Kbir

Id-dmir ewlieni ta’ qassis il-kbir hu li jkun mexxej tan-nies fil-Knisja u jkun responsabbli mill-affarijiet spiritwali. Qassis il-kbir jista’ wkoll iwettaq id-dmirijiet ta’ presbiteru, qassis, għalliem, jew djaknu meta jkun neċessarju.

Patrijarka

Patrijarka huwa qassis il-kbir li jagħti barkiet speċjali lill-membri tal-Knisja. Dawn il-barkiet jissejħu barkiet patrijarkali. Il-barkiet patrijarkali jgħinu lill-membri jifhmu l-affarijiet li jridhom jagħmlu Ġesù.

Sebgħin

Is-Sebgħinijiet huma xhieda speċjali ta’ Ġesù Kristu mad-dinja. Huma jaħdmu taħt id-direzzjoni tal-Appostli fit-tkabbir tal-Knisja.

Appostlu

Appostlu huwa xhud speċjali għal Ġesù Kristu mad-dinja kollha. L-Appostli jidderieġu l-affarijiet tal-Knisja madwar id-dinja. Kull Appostlu għandu l-awtorità kollha tas-saċerdozju. Iżda huwa biss il-President tal-Knisja, li huwa wkoll Appostlu, li jista’ juża l-awtorità kollha tas-saċerdozju. L-Appostli l-oħra jużaw l-awtorità tagħhom biss kif jidderiġihom il-President tal-Knisja.

L-Imfietaħ tas-Saċerdozju Huma l-Awtorità li Tidderieġi l-Użu tas-Saċerdozju

Is-saċerdozju hu l-awtorità li taġixxi f’isem Ġesù u li tmexxina lura għal għand Missierna fis-Smewwiet. L-eżerċizzju tal-awtorità tas-saċerdozju huwa mmexxi minn dawk li jħaddnu l-imfietaħ tiegħu. Dawn l-imfietaħ huma d-dritt li tippresedi u tmexxi l-Knisja f’ċerta ġurisdizzjoni. Il-Mulej Ġesù Kristu jħaddan l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju. Hu ta lill-Appostli tiegħu l-imfietaħ li huma neċessarji għat-tmexxija tal-Knisja tiegħu. Huwa biss l-Appostlu anzjan, il-President tal-Knisja, li jista’ juża (jew jawtorizza lil xi persuna oħra biex tuża) dawn l-imfietaħ għat-tmexxija tal-Knisja kollha. Il-President tal-Knisja jawtorizza lill-presidenti tat-tempji, tal-missjonijiet, tal-utied, u tad-distretti; lill-isqfijiet u lill-presidenti tal-fergħa; u lill-presidenti tal-kworum biex iħaddnu l-imfietaħ tas-saċerdozju li huma jeħtieġu biex jippresedu.

Dawk li jħaddnu s-saċerdozju għandhom l-awtorità li jagħmlu ċerti affarijiet mingħajr xi permess speċjali. Per eżempju, l-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju ta’ Melkisedek jistgħu jbierku lill-morda u bħala rġiel miżżewġin u missirijiet jistgħu jbierku lill-familji tagħhom. Madankollu, ċerti affarijiet oħra jeħtieġu l-permess minn dawk li jħaddnu l-imfietaħ neċessarji. Per eżempju, qassis għandu l-awtorità li jgħammed. Iżda biex jgħammed lil xi ħadd l-ewwel irid ikollu l-permess tal-isqof jew tal-president tal-fergħa biex jagħmel dan. L-isqof jew il-president tal-fergħa jħaddan l-imfietaħ tas-Saċerdozju ta’ Aron f’dik il-unit tal-Knisja.

Diskussjoni

  • X’inhuma l-imfietaħ tas-saċerdozju?

Dawk li Jħaddnu s-Saċerdozju Huma Organizzati fi Kworums

L-irġiel u s-subien li għandhom l-istess uffiċċju tas-saċerdozju huma organizzati fi gruppi. Dawn il-gruppi jissejħu kworums. Fis-Saċerdozju ta’ Aron hemm il-kworums tad-djakni, il-kworums tal-għalliema, u l-kworums tal-qassisin. Fis-Saċerdozju ta’ Melkisedek hemm il-kworums tal-presbiteri u l-kworums tal-qassisin il-kbar.

Meta xi raġel jew tifel jiġi ordnat għal uffiċċju fis-saċerdozju, huwa jsir membru tal-kworum tas-saċerdozju li jikkonsisti minn dawk li jħaddnu l-istess uffiċċju. Hu jibqa’ f’dak il-kworum sakemm jiġi ordnat għal uffiċċju ieħor. Il-mexxejja tal-kworum jgħallmu u jgħinu lil kull membru tal-kworum.

Il-Kworum tad-Djakni

Il-kworum tad-djakni jista’ jkollu fih sa 12-il djaknu. Jekk f’qasam hemm aktar minn 12-il djaknu, jiġi ffurmat kworum ieħor tad-djakni. Il-kworum tad-djakni għandu president u żewġ kunsilliera.

Il-Kworum tal-Għalliema

Il-kworum tal-għalliema jista’ jkollu fih sa 24 għalliem. Jekk f’qasam hemm aktar minn 24 għalliem, jiġi ffurmat kworum ieħor tal-għalliema. Il-kworum tal-għalliema għandu president u żewġ kunsilliera.

Il-Kworum tal-Qassisin

Il-kworum tal-qassisin jista’ jkollu fih sa 48 qassis. Jekk f’qasam hemm aktar minn 48 qassis, jiġi ffurmat kworum ieħor tal-qassisin. Il-president tal-kworum tal-qassisin huwa l-isqof jew il-president tal-fergħa. Hu jaħtar żewġ qassisin mill-kworum biex ikunu l-assistenti tiegħu.

Il-Kworum tal-Presbiteri

Il-kworum tal-presbiteri jista’ jkollu numru ta’ presbiteri ta’ mhux aktar minn 96, u jinkludi fih il-presbiteri kollha li jgħixu fil-qasam. Jekk hemm aktar minn 96 presbiteru, jista’ jiġi organizzat kworum ieħor tal-presbiteri. L-irġiel li għadhom ma rċevewx is-Saċerdozju ta’ Melkisedek jistgħu jiltaqgħu mal-presbiteri għat-tagħlim, għall-attivitajiet soċjali, u għal xi ħidma assenjata lilhom.

President u żewġ kunsilliera jmexxu l-kworum tal-presbiteri.

Il-Kworum tal-Qassisin il-Kbar

Il-kworum tal-qassisin il-kbar jinkludi fih il-qassisin il-kbar li qed jaqdu f’ċerti sejħiet ta’ tmexxija fil-wited. Il-president tal-wited u ż-żewġ kunsilliera tiegħu jmexxu l-kworum tal-qassisin il-kbar.

Diskussjoni

  • X’inhu kworum?

  • Minn kemm il-membru hu magħmul kworum tad-djakni, tal-għalliema, tal-qassisin, tal-presbiteri, u tal-qassisin il-kbar?

  • Kif jistgħu jgħinu lil xulxin il-membri ta’ kworum?