Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 16: Id-Don tal-Ispirtu s-Santu


Immaġni
mara qed tiġi mbierka

Jeħtieġ li aħna nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn.

Kapitlu 16

Id-Don tal-Ispirtu s-Santu

L-Ispirtu s-Santu jgħinna nkunu nafu u nifhmu affarijiet li huma veru. Kif nistgħu nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu?

L-Ispirtu s-Santu Jista’ Jwassalna għall-Verità

L-Ispirtu s-Santu jista’ jgħin lin-nies qabel ma huma jitgħammdu. Hu jista’ jgħid lil xi ħadd li t-tagħlim ta’ Ġesù huwa veru. Xi kultant Hu jgħidilna fejn nistgħu nsibu l-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu. Iżda l-Ispirtu s-Santu ma jibqax magħna jekk aħna ma nitgħammdux u ma ningħatawx id-don tal-Ispirtu s-Santu.

Fit-Testment il-Ġdid naqraw dwar raġel jismu Kornelju. Hu kien raġel li ma kienx tgħammed. L-Ispirtu s-Santu qallu li t-tagħlim ta’ Ġesù kien veru. Aktar tard Kornelju tgħammed u rċieva d-don tal-Ispirtu s-Santu.

Missierna fis-Smewwiet Tana Mod kif Aħna Nistgħu Nirċievu d-Don tal-Ispirtu s-Santu

Hekk kif nitgħallmu dwar il-pjan li għandu għalina Missierna fis-Smewwiet, aħna nkunu rridu nindmu minn dnubietna u nobdu kull ħaġa li jgħidilna nagħmlu Ġesù. Iżda aħna ma nistgħux nagħmlu dan mingħajr għajnuna. Id-don tal-Ispirtu s-Santu huwa d-dritt li aħna jkollna l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu f’kull ħin. Aħna nirċievu dan id-don ftit wara li nitgħammdu.

Għandna nippreparaw ruħna sabiex inkunu nistgħu nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ li nemmnu f’Ġesù u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nagħmlu dak li jitlobna Hu. Jeħtieġ nindmu minn dnubietna u nitgħammdu.

Wara li nitgħammdu, dawk li għandhom l-awtorità minn Missierna fis-Smewwiet ipoġġu jdejhom fuq rasna, jagħtuna d-don tal-Ispirtu s-Santu, u jagħmluna membri uffiċjali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Huma jagħtuna wkoll barka.

Diskussjoni

  • Kif nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu?

Hemm diversi modi kif id-don tal-Ispirtu s-Santu jista’ jgħinna. Hu jista’ jwasslilna messaġġi mingħand Ġesù. Hu jista’ jgħallimna ħafna affarijiet dwar Ġesù u Missierna fis-Smewwiet.

Hu jista’ jgħinna nkunu nafu kif għandna nsolvu l-problemi tagħna. Hu jista’ jfarraġna. Hu jista’ jgħinna negħlbu dnubietna. Hu jista’ jgħinna nagħmlu affarijiet tajbin.

L-Ispirtu s-Santu jista’ jgħinna nifhmu u nħobbu lil ħaddieħor. Hu jista’ jgħinna nkunu nafu kif għandna ngħinuhom. Hu jista’ jgħinna nifhmu t-tagħlim ta’ Ġesù. Hu jista’ jgħinna nkunu nafu x’għandna ngħidu biex ngħallmu lil ħaddieħor dwar Missierna fis-Smewwiet u Ġesù.

Diskussjoni

  • X’inhuma wħud mill-modi kif id-don tal-Ispirtu s-Santu jista’ jinfluwenza ħajjitna?

Jeħtieġ li Aħna Nindmu minn Dnubietna biex Ikollna Dan id-Don

Permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu aħna nistgħu nsiru nies aħjar u nagħmlu affarijiet tajbin. Aħna nistgħu nsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet. Iżda għandna dejjem nippruvaw nagħmlu affarijiet tajbin, għax inkella l-Ispirtu s-Santu ma jibqax magħna. Jeħtieġ li aħna nippruvaw naħsbu ħsibijiet tajbin. Jeħtieġ li aħna nippruvaw nimxu wara t-tagħlim ta’ Ġesù. Meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, jeħtieġ li nindmu. Hekk kif nippruvaw nagħmlu dan kollu, l-Ispirtu s-Santu jgħinna.

Xi kultant l-Ispirtu s-Santu jiggwidana billi jwasslilna f’qalbna sentiment ta’ mħabba u paċi. Meta nibdew nagħmlu xi ħaġa ħażina, dan is-sentiment ta’ ferħ iħallina. Xi kultant nisimgħu leħen f’moħħna jkellimna, jgħidilna x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux. Jeħtieġ li aħna dejjem inkunu lesti nisimgħu u nobdu dak li jgħidilna l-Ispirtu s-Santu, għaliex l-Ispirtu s-Santu dejjem jgħidilna dak li jridna nagħmlu Ġesù, u hu biss jekk aħna nobdu lil Ġesù li nistgħu nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet.

Jekk aħna ma nobdux lill-Ispirtu s-Santu u jekk nibdew nagħmlu affarijiet ħżiena, l-Ispirtu s-Santu jħallina. Hu ma jibqax magħna u ma jgħinniex jekk aħna ma nagħmlux affarijiet tajbin. Iżda jekk aħna niftħu widnejna għad-direzzjoni tiegħu, l-Ispirtu s-Santu jibqa’ magħna kontinwament. Hu jgħinna nsiru nies aħjar u nippreparaw lilna nfusna għal ħajja ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Diskussjoni

  • X’għandna nagħmlu biex l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jgħinna?

Aħna Nirċievu Barkiet Speċjali Oħra permezz tal-Ispirtu s-Santu

Ċerti barkiet speċjali li nirċievu permezz tal-Ispirtu s-Santu jissejħu doni spiritwali. Ġesù jagħti dawn id-doni lill-membri tal-Knisja vera tiegħu kull meta l-Knisja tiegħu tkun tinsab f’din id-dinja. Hu jagħtina dawn id-doni permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ li aħna nifhmu dawn id-doni ħalli nkunu nistgħu nużawhom b’mod għaqli.

Id-Don li Titkellem Lingwi Oħra

Wieħed minn dawn id-doni jgħin lin-nies jitkellmu lingwi oħra. Waħda mir-raġunijiet għalfejn Ġesù jagħti dan id-don lin-nies hu biex jgħinhom jgħallmu l-evanġelju lil nies li jitkellmu lingwi oħra.

Id-Don li Tinterpreta Lingwa Oħra

Don ieħor jgħin lin-nies li qed jiġu mgħallmin l-evanġelju. Id-don li tinterpreta lingwi oħra jgħinhom jifhmu xi messaġġ mingħand Ġesù li qed jiġi mitkellem b’xi lingwa li huma ma jafux.

Id-Don li Tkun Taf li Ġesù Hu Iben Missierna fis-Smewwiet

Don ieħor jgħin lin-nies ikunu jafu li Ġesù hu Iben Missierna fis-Smewwiet. L-iskrittura tgħid li n-nies jistgħu jkunu jafu biss li Ġesù hu s-Salvatur jekk l-Ispirtu s-Santu jgħinhom ikunu jafu dan. Dan id-don hu xhieda mingħand l-Ispirtu s-Santu li Ġesù hu verament Iben Missierna fis-Smewwiet u li Hu s-Salvatur tad-dinja.

Id-Don li Temmen it-Testimonjanza ta’ Ħaddieħor

Id-don li temmen it-testimonjanza ta’ ħaddieħor jgħin lin-nies ikunu jafu jekk l-affarijiet li xi ħadd jgħid dwar Ġesù humiex veru. L-Ispirtu s-Santu jgħinna nagħrfu testimonjanza vera u nemmnuha.

Id-Don tal-Fidi

Id-don tal-fidi jgħinna nobdu l-kmandamenti ta’ Ġesù. Mingħajr fidi aħna ma nistgħux nirċievu doni oħra spiritwali. Mingħajr fidi ma nistgħux nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Ħafna nies għandhom fidi qawwija f’Ġesù. Wieħed mill-profeti fil-Ktieb ta’ Mormon tant kellu fidi kbira f’Ġesù li Ġesù deherlu. Il-Profeta Joseph Smith tant kellu fidi qawwija f’Ġesù Kristu li dehrulu Missierna fis-Smewwiet u Ġesù.

Id-Don tat-Traduzzjoni

Id-don tat-traduzzjoni jgħin lin-nies jaqilbu l-kliem ta’ Missierna fis-Smewwiet u ta’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu minn lingwa għall-oħra. Il-Profeta Joseph Smith kellu dan id-don meta hu ttraduċa l-Ktieb ta’ Mormon. Dan id-don jgħin lit-traduttur jifhem it-tifsira korretta tal-messaġġ u mbagħad jittraduċiha b’mod korrett.

Id-Don tal-Għarfien

Id-don tal-għarfien jgħin lin-nies jifhmu l-ħidma ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù. Missierna fis-Smewwiet qal li aħna ma nistgħux nerġgħu lura għandu jekk ma nkunux nafu u nifhmu l-affarijiet li jridna nagħmlu Hu. Jeħtieġ li nkunu nafu l-pjan li tana Missierna fis-Smewwiet biex inkunu nistgħu nerġgħu lura għandu.

Ġesù qal li l-għarfien li aħna niksbu f’din il-ħajja se jgħinna fid-dinja tal-ispirti wara li mmutu. Hu jridna nkunu nafu dwar it-tagħlim u l-kmandamenti tiegħu, dwar is-smewwiet u l-art, dwar affarijiet li seħħew, u dwar affarijiet f’pajjiżna u f’pajjiżi oħra. Hu qal li għandna nużaw dan l-għarfien b’mod għaqli. Għandna nitolbu għall-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu hekk kif infittxu li niksbu l-għarfien.

Id-Don tal-Għerf

Dan id-don jgħin lin-nies jużaw b’mod xieraq l-għarfien li jagħtihom Missierna fis-Smewwiet. Għandna nużaw dan id-don biex intejbu ħajjitna u biex ngħallmu u nagħtu parir għaqli lil ħaddieħor.

Id-Don tat-Tagħlim

Id-don tat-tagħlim jgħin lin-nies jgħallmu l-evanġelju lil ħaddieħor b’mod li jkunu jistgħu jifhmuh. Aħna jista’ jkollna dan id-don biss jekk ikollna l-fidi f’Ġesù u permezz tal-istudju u t-talb.

Id-Don tal-Profezija

Id-don tal-profezija jgħin lin-nies ikunu jafu u jifhmu l-affarijiet li seħħew fil-passat, l-affarijiet li qed iseħħu bħalissa, u l-affarijiet li se jseħħu fil-futur. Il-profeti huma mogħtija dan id-don, iżda aħna wkoll jista’ jkollna dan id-don biex jiggwidana f’ħajjitna.

Id-Don tar- Rivelazzjoni*

L-Ispirtu s-Santu jiżvela lin-nies affarijiet li jistgħu jgħinuhom. Ilkoll kemm aħna nistgħu nirċievu ir-rivelazzjoni għall-ġid tagħna. Iżda rivelazzjonijiet għall-Knisja kollha jingħataw biss lill-profeta. Aħna ma nistgħux nirċievu rivelazzjoni għal xi ħadd li hu mexxej tagħna fil-Knisja. Dak kollu li jiżvelalna l-Ispirtu s-Santu jkun f’armonija mal-kmandamenti l-oħra u t-tagħlim l-ieħor ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù.

Id-Don tal-Fejqan

Id-don tal-fejqan jgħin lin-nies li huma morda iħossuhom aħjar. Xi wħud għandhom il-fidi li jitfejqu u oħrajn għandhom il-fidi li jfejqu lil ħaddieħor.

Id-Don li Tagħmel il-Mirakli

Id-don li tagħmel il-mirakli jiġi mogħti biex jgħin lin-nies. Miraklu hu xi ħaġa li jagħmel għalina Missierna fis-Smewwiet li hi akbar milli aħna stess għandna l-qawwa li nagħmlu. Fit-Testment il-Ġdid u fil-Ktieb ta’ Mormon Ġesù qal li se jseħħu l-mirakli fost dawk li jemmnu fih.

Satana Jista’ Jimita Dawn il-Qawwiet Spiritwali

Satana jista’ jwassal li jseħħu affarijiet li jimitaw id-doni spiritwali vera. Hu jista’ jagħmel lilu nnifsu jidher bħallikieku hu anġlu. Hu jista’ jagħmel affarijiet ħżiena jidhru li huma tajbin u xierqa. Jista’ jagħmel profeta falz jidher li hu profeta veru. Hu jista’ jwettaq mirakli biex iqarraq bin-nies. Is-sħaħar, il-midjums, dawk li jaqtgħu x-xorti, u oħrajn bħalhom jirċievu l-qawwa li jista’ għandhom mingħand Satana u mhumiex dixxipli ta’ Ġesù. Għandna noqogħdu ’l bogħod minnhom.

Satana jista’ jagħmel l-affarijiet jidhru tant vera li l-uniku mod kif nistgħu nkunu nafu li huma foloz hu biss billi nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet. Aħna nħossu fina sentiment ta’ inċertezza, mhux sentiment ta’ paċi, meta Satana jew id-dixxipli tiegħu jimitaw id-doni spiritwali. Id-don li nkunu nafu meta d-doni spiritwali huma reali u meta huma imitazzjonijiet jissejjaħ id-don tad-dixxerniment.

Diskussjoni

  • X’inhuma d-doni spiritwali?

  • Kif nistgħu niddistingwu bejn id-doni spiritwali vera u l-imitazzjonijiet ta’ Satana?

Aħna Għandna Naħdmu biex Niżviluppaw u Nużaw id-Doni li Għandna

Aħna nistgħu nkunu nafu liema doni għandna jekk nistudjaw, insumu, u nitolbu. Aħna nistgħu nużaw id-doni tagħna biss meta nobdu l-kmandamenti ta’ Ġesù. Imbagħad aħna nkunu rridu nużawhom biex ngħinu lil ħaddieħor u ngħinu ħalli nibnu l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Jekk aħna ma niżviluppawx u ma nużawx dawn id-doni, aħna nitilfuhom.

Ġesù qal li aħna m’għandniex noqogħdu niftaħru bid-doni spiritwali li aħna ġejna mberkin bihom. M’għandniex nitkellmu dwarhom ma’ nies li ma jqisuhomx sagri. Dawn id-doni jingħataw lilna għall-ġid tagħna u biex inbierku lil ħaddieħor. Jeħtieġ niftakru li dawn id-doni huma sagri. Ġesù jagħtina dawn id-doni permezz tal-Ispirtu s-Santu. Hu jrid minna biss li nirringrazzjawh u li nużaw dawn id-doni kif iridna nużawhom Hu.

Diskussjoni

  • Kif nistgħu nkunu nafu liema doni aħna għandna?

  • Kif nistgħu nżommuhom sagri dawn id-doni spiritwali?

Id-Don tal-Ispirtu s-Santu Jista’ Jkun Prezzjuż Għalina

Jeħtieġ li dejjem nippruvaw nagħmlu affarijiet tajbin u nobdu lil Ġesù, għax inkella l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu ma tibqax magħna. Jeħtieġ li aħna nippruvaw naħsbu ħsibijiet tajbin. Meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, jeħtieġ li nindmu. Jeħtieġ li nippruvaw nifhmu l-affarijiet li jgħidilna l-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ li nimxu wara l-parir li Huwa jagħtina.

Jekk aħna sinċerament nixtiequ nobdu lil Ġesù, id-don tal-Ispirtu s-Santu jbierek ħajjitna. Jgħinna biex bħalissa jkollna ħajja kuntenta u biex nippreparaw għal ħajja ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Diskussjoni

  • X’għandna nagħmlu biex l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jgħinna?