Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 23: Is-Sagrifiċċju


Kapitlu 23

Is-Sagrifiċċju

Li niċċaħħdu minn xi ħaġa biex ngħinu lil ħaddieħor hi parti mill-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet biex jgħinna nsiru bħalu. Qatt ħassejtu fikom is-sentiment ta’ ferħ li tħossu meta tiċċaħħdu minn xi ħaġa biex tgħinu lil ħaddieħor?

Ġesù Issagrifika Ħajtu Għalina

Biex nobdu lil Missierna fis-Smewwiet, ħafna drabi jkollna nagħmlu sagrifiċċju. Li tissagrifika jfisser li tiċċaħħad minn xi ħaġa biex tgħin lil ħaddieħor. Ġesù għamel l-akbar sagrifiċċju. Huwa bata għal dnubietna. Imbagħad Hu ta ħajtu għalina.

Għaliex Ġesù ta ħajtu għalina, kulħadd se jerġa’ jgħix wara l-mewt. Aħna lkoll se jkollna ġisem perfett li qatt aktar ma jerġa’ jmut. Dan jissejjaħ il-qawmien mill-imwiet. Barra dan, dawk li għandhom il-fidi f’Ġesù, u jindmu minn dnubiethom kollha, se jinħafru minn dnubiethom minħabba dak li għamel Ġesù u jkunu jistgħu jerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet.

Miż-żmien li fih għex Adam saż-żmien li fih għex Kristu, in-nies issagrifikaw l-annimali għal Missierna fis-Smewwiet. In-nies għażlu l-aqwa annimali mill-merħla tagħhom għas-sagrifiċċju. L-annimal dejjem kien ikun l-ewwel wild maskili. Wara li jagħżlu l-annimali t-tajba, in-nies kienu joqtluhom u jaħarqu partijiet minnhom bħala offerti għal Missierna fis-Smewwiet.

In-nies kienu jissagrifikaw dawn l-annimali biex jobdu l-liġi ta’ Missierna fis-Smewwiet. B’dan il-mod, huma wrew ir-rieda tagħhom li jobdu lil Missierna fis-Smewwiet anke meta dan kien ifisser li huma jiċċaħħdu minn xi ħaġa li kienet importanti għalihom. Missierna fis-Smewwiet talabhom biex jissagrifikaw l-annimali biex ifakkarhom li Hu kien se jissagrifika lil Ibnu għalihom. Ġesù, l-ewwel wild ta’ Missierna fis-Smewwiet, kellu jiġi fid-dinja u kellu jkun perfett f’kollox. Hu kien se jippermetti lilu nnifsu li jiġi ssagrifikat għal dnubietna.

Wara li Ġesù ta ħajtu, Hu talab lin-nies biex ma jissagrifikawx aktar l-annimali. Hu tana s-sagrament biex ifakkarna fis-sagrifiċċju kbir li Hu għamel għalina. Il-ħobż u l-ilma tas-sagrament jirrappreżentaw il-ġisem u d-demm ta’ Ġesù, li Hu offra għalina meta miet.

Diskussjoni

  • X’jirrappreżenta s-sagrifiċċju tal-annimali li kien isir fiż-żminijiet tal-qedem?

Is-Sagrifiċċju Hu Parti mill-Pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet Għalina

Illum Missierna fis-Smewwiet jitlob minna li aħna nissagrifikaw b’mod differenti. Hu jitlobna biex noffru sagrifiċċju ta’ qalb niedma u spirtu sogħbien. Dan ifisser li nħallu warajna d-dnubiet u l-kburija tagħna. Ifisser li nkunu lesti li niftakru dejjem f’Ġesù u nħarsu l-kmandamenti tiegħu, ikun xi jkun il-prezz li nħallsu. Dan ifisser li:

  1. Aħna jkollna l-fidi f’Ġesù, nindmu minn dnubietna, nitgħammdu, u nħarsu l-kmandamenti ta’ Ġesù.

  2. Aħna nitkellmu ma’ nies oħra dwar it-twemmin tagħna f’Ġesù ħalli huma jkunu jistgħu jsiru d-dixxipli tiegħu u jingħaqdu mal-Knisja tiegħu.

  3. Aħna nkunu lesti li nwettqu kwalunkwe ħidma li jridna nwettqu Ġesù fil-Knisja tiegħu.

  4. L-irġiel ikunu lesti li jaċċettaw is-saċerdozju u jgħinu lill-familja tagħhom u lil ħaddieħor biex jgħixu b’tali mod li huma jkunu preparati biex jerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet fil-ħajja li jmiss.

Biex nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet, jeħtieġ li nkunu lesti li nagħtu dak kolli li jitlobna Ġesù. L-Appostlu Pawlu qal li aħna għandna nużaw iż-żmien tagħna f’din id-dinja sabiex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu fil-ħidma ta’ Ġesù.

Diskussjoni

  • Illum inti kif tista’ turi li tiftakar fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù?

Wieħed raġel għani staqsa lil Ġesù x’kellu jagħmel biex ikun jista’ jerġa’ jgħix ma’ Missierna fis-Smewwiet għal dejjem. Ġesù qallu biex jobdi l-kmandamenti kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet. Ir-raġel għani wieġeb li hu kien ilu jobdi l-kmandamenti minn meta kien għadu żgħir. Ġesù qallu li kien għad baqgħalu jagħmel ħaġa waħda. Kien jeħtieġ li jbiegħ kull ma kellu. Imbagħad jagħti l-flus lill-foqra u jimxi wara Ġesù. Meta r-raġel għani sema’ dan, huwa tnikket. Hu ma riedx jiċċaħħad mill-affarijiet li kellu u jimxi wara Ġesù.

Ir-raġel għani kien raġel twajjeb. Hu kien ipprova b’ħerqa jobdi l-kmandamenti. Iżda meta Ġesù talbu biex jiċċaħħad minn kull ma kellu u jimxi warajh, hu ma kienx lest jagħmel dan.

Tnejn mill-Appostli ta’ Ġesù, Pietru u Indri, kienu lesti li jħallu warajhom dak kollu li kellhom sabiex jimxu wara Ġesù. Meta Ġesù talabhom biex jimxu warajh, huma telqu minn xogħolhom u marru warajh.

Abraham ukoll kien lest li jagħti dak kollu li kellu lil Missierna fis-Smewwiet. Abraham għex fid-dinja qabel twieled Ġesù. F’dak iż-żmien, Missierna fis-Smewwiet kien għadu jitlob lin-nies biex jissagrifikaw l-annimali. Huwa talab lil Abraham biex jissagrifika lil ibnu, bħala prova biex jara jekk Abraham kienx lest li jobdi. Abraham kien lest li jobdi. Huwa bena artal u poġġa lil ibnu fuqu. Abraham kien lest biex joqtol lil ibnu, meta ġie mwaqqaf milli jagħmel dan minn anġlu. L-anġlu qal lil Abraham li hu ma kellux għalfejn jissagrifika lil ibnu. Missierna fis-Smewwiet kien jaf li Abraham kien lest li jagħti dak kollu li jitolbu jagħti Missierna fis-Smewwiet, anke lill-istess ibnu. Abraham tant kien iħobb lil Missierna fis-Smewwiet li kien lest li jagħmel dak kollu li jitolbu jagħmel Missierna fis-Smewwiet. Missierna fis-Smewwiet bierek lil Abraham għaliex Abraham kien lest li jissagrifika kollox għalih.

Diskussjoni

  • Liema bniedem hu eżempju ta’ xi ħadd li ma kienx lest li jagħti dak kollu li ried minnu Ġesù?

  • Liema bniedem hu eżempju ta’ xi ħadd li kien lest li jagħti dak kollu li ried minnu Ġesù?

  • Inti x’kont tagħmel f’dawn is-sitwazzjonijiet?

Immaġni
Christ and the Rich Young Ruler [Kristu u ż-Żagħżugħ Għani], minn Heinrich Hofmann

Iż-żagħżugħ għani ma kellux fidi biżżejjed li jissagrifika dak li kellu u jimxi wara Ġesù.

Aħna Jaf Ikollna Nissagrifikaw Xi Affarijiet għall-Ħidma ta’ Ġesù

Il-familji tagħna jafu jwarrbuna jekk aħna nimxu wara Ġesù. Xi nies oħra jafu jidħku bina jew jippruvaw iweġġgħuna meta aħna nobdu l-kmandamenti tiegħu. Aħna nafu nitilfu l-impjiegi tagħna talli ningħaqdu mal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Jaf ikollna bżonn nużaw il-flus u l-ħin tagħna biex immorru u ngħallmu lil ħaddieħor dwar Ġesù. Jaf ikollna bżonn nużaw il-ħin tagħna biex ngħinu lill-mexxejja tal-Knisja jwettqu l-ħidma tiegħu. Jaf ikollna bżonn nużaw il-ħin u l-flus tagħna biex ngħinu membri oħra fil-familja tagħna waqt li huma jmorru jwettqu l-ħidma ta’ Ġesù. Missierna fis-Smewwiet jaf ikun iridna nagħtu ħajjitna milli niċħdu t-testimonjanza li għandna ta’ Ġesù.

Diskussjoni

  • Kif tħossok jekk tintalab tissagrifika l-aktar ħaġa favorita li għandek?

  • Kemm inti lest li tissagrifika għall-ħidma ta’ Ġesù?

Immaġni
Sacrifice of Isaac [Is-Sagrifiċċju ta’ Iżakk], minn Jerry Harston

Abraham kellu fidi tant kbira li hu kien lest li jissagrifika lil Ibnu Iżakk kif talbu jagħmel il-Mulej.

Is-Sagrifiċċju Jġibilna Barkiet Li Ma Nistgħux Niksbu Mod Ieħor

Is-sagrifiċċju jgħinna nsiru altruwisti. Aħna nitgħallmu naqdu lil Missierna fis-Smewwiet u ngħinu lil ħaddieħor. Nitgħallmu li meta ngħinu lil ħaddieħor inkunu ferħanin. Nitgħallmu li dak li jitlobna nagħmlu Ġesù hu aktar importanti minn kull ħaġa materjali li jista’ jkollna f’din id-dinja. Nitgħallmu wkoll illi naqdu lil ħaddieħor hu aħjar milli naħsbu biss fina nfusna. Meta aħna nissagrifikaw xi ħaġa minn jeddna, aħna nsibu wkoll li Missierna fis-Smewwiet lest jagħtina barkiet li huma ferm aħjar minn kull ħaġa li aħna ssagrifikajna.

Li nissagrifikaw xi ħaġa għal ħaddieħor tgħinna nifhmu aħjar x’għamel għalina Ġesù. Huwa ħabbna biżżejjed li ta ħajtu għalina. Hekk kif aħna nissagrifikaw xi affarijiet għal Missierna fis-Smewwiet jew għal ħaddieħor, aħna nibdew inħobbuhom aktar. Nibdew insiru kapaċi nħobbu aktar u nsiru nixbħu aktar lil Ġesù u lil Missierna fis-Smewwiet.

Mhijiex ħaġa ħażina li jkollna ħafna affarijiet. Missierna fis-Smewwiet xi kultant jagħtina dawn l-affarijiet biex inkunu nistgħu ngħinu lil ħaddieħor. Iżda mhux faċli li aħna ma nħobbux dak li għandna u flusna. Aħna naħdmu ħafna biex niksbuhom. Xi wħud minn dawn l-affarijiet huma neċessarji biex aħna ngħixu. Madankollu, m’għandniex nintrabtu ma’ dawn l-affarijiet iżżejjed li lanqas inkunu lesti nissagrifikaw dak illi Missierna fis-Smewwiet jeħtieġ biex Hu jgħin lil uliedu l-oħra.

Il-membri kollha tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu għandhom jaraw li l-aktar ħaġa importanti f’ħajjithom għandha tkun li jaqdu lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù. Aħna nuru li nħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù aktar milli nħobbu dak illi aħna għandna meta nagħmlu dak li jitolbuna nagħmlu l-mexxejja tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Aħna nissagrifikaw il-ħin tagħna biex ngħinuhom jgħallmu u jaqdu lil ħaddieħor. Sabiex inkunu denji li ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet, jeħtieġ li nkunu lesti li nagħtu dak kollu li aħna għandna biex ngħinu l-ħidma ta’ Ġesù jekk dan hu dak li Hu jitlob minna.

Ġesù wiegħed barkiet kbar lil dawk li jobduh u jservuh. Hu qal li aħna ma nistgħux nimmaġinaw l-affarijiet meraviljużi li se nirċievu aktar tard jekk aħna nissagrifikaw għall-ħidma tiegħu f’din il-ħajja.