Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 15: Il-Magħmudija


Kapitlu 15

Il-Magħmudija

Li titgħammed hi waħda mill-aktar affarijiet importanti li tista’ tagħmel f’din id-dinja. Għaliex il-magħmudija hi daqshekk importanti? X’inhu l-mod tajjeb kif wieħed għandu jitgħammed?

Missierna fis-Smewwiet Talabna biex Nitgħammdu

Li titgħammed ifisser li tiġi mgħaddas kompletament taħt l-ilma għal ftit ħin u terġa’ tintrafa’ ’l fuq minn bniedem li għandu l-awtorità li jgħammed. Il-magħmudija hi parti mill-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet għalina. Hu jitlobna nitgħammdu biex nuru li aħna nemmnu f’Ġesù Kristu, li nħobbuh u rridu nobduh, u li aħna ndimna minn dnubietna.

Ġesù kien jaf li Missierna fis-Smewwiet talab lil uliedu kollha biex jitgħammdu. Meta Ġesù kien f’din id-dinja, Huwa tgħammed. Hu għamel dan għaliex ried jobdi lil Missierna fis-Smewwiet. Hu ried jurina wkoll li aħna għandna nobdu lil Missierna fis-Smewwiet u nitgħammdu.

Kull persuna li għalqet l-età ta’ tmien snin, li tifhem x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u li għandha l-fidi f’Ġesù u nidmet għandha titgħammed. It-tfal li huma iżgħar minn tmien snin m’għandhomx bżonn jitgħammdu. Missierna fis-Smewwiet ma jiġġudikahomx għal dak li jagħmlu. In-nies li mentalment mhumiex kapaċi jifhmu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin ukoll m’għandhomx bżonn jitgħammdu. In-nies l-oħra kollha għandhom jitgħammdu jekk iridu jerġgħu lura biex jgħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Ġesù qalilna meta għandna nitgħammdu. Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex jgħammdu lin-nies wara li n-nies ikunu tgħallmu dwaru, emmnu fih, u nidmu. Lil ċerti rġiel tal-Knisja tiegħu Hu tahom l-awtorità biex jgħammdu lin-nies.

Diskussjoni

  • Għalfejn Missierna fis-Smewwiet iridna nitgħammdu?

  • Għalfejn tgħammed Ġesù?

  • Min għandu bżonn jitgħammed?

Immaġni
John Baptizing Jesus, [Ġwanni Jgħammed lil Ġesù] minn Harry Anderson

Ġesù ġie mgħammed minn Ġwanni l-Battista.

Li Nitgħammdu Hi Waħda mill-Aktar Affarijiet Importanti li Nistgħu Nagħmlu

Meta nitgħammdu, aħna nkunu qed nuru lil Missierna fis-Smewwiet li rridu nimxu wara l-pjan li Hu għandu għalina. Aħna nwiegħdu li qed naċċettaw lil Ġesù bħala l-mexxej tagħna u li se nobdu kull ħaġa li jgħidilna nagħmlu Hu. Inwiegħdu li dejjem niftakru fih u fl-affarijiet li Hu għamel għalina.

Meta nuru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, nindmu minn dnubietna, u nitgħammdu, Missierna fis-Smewwiet jaħfrilna dnubietna. Hu jwegħidna li aħna nkunu nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu miegħu. Huwa jaċċettana bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù. Hu jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħinna nitgħallmu aktar dwaru u biex jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb. Aħna nirċievu dawn il-barkiet kollha jekk inkomplu nagħmlu l-affarijiet li nwiegħdu li se nagħmlu meta nitgħammdu.

Aħna nistgħu nirċievu dawn il-barkiet biss jekk nitgħammdu. Dan hu l-uniku mod kif aħna nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Dan hu l-uniku mod kif aħna nistgħu nsiru membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Dan hu l-uniku mod kif aħna nistgħu nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, li hu d-dritt li aħna jkollna l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu f’ħajjitna. Dan id-don jingħata lilna wara li nitgħammdu. Dan kollu hu neċessarju sabiex aħna nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Diskussjoni

  • Aħna x’wegħda nagħmlu ma’ Missierna fis-Smewwiet meta nitgħammdu?

  • X’wegħda jagħmlilna Missierna fis-Smewwiet meta aħna nitgħammdu?

  • Għaliex il-magħmudija hi daqshekk Importanti?

Aħna Għandna Nippreparaw Lilna Nfusna biex Nitgħammdu

Għandna nagħmlu ċerti affarijiet qabel ma nkunu lesti li nitgħammdu. Għandna nitgħallmu dwar Ġesù Kristu u nemmnu fih, nindmu minn dnubietna, u nagħmlu l-affarijiet li jitlobna nagħmlu Ġesù.

Diskussjoni

  • X’għandna nagħmlu biex nippreparaw għall-magħmudija?

Immaġni
raġel qed jitgħammed

Għandna nitgħammdu b’immersjoni biex niġu maħfura minn dnubietna.

Il-Magħmudija Tagħtina Bidu Ġdid

Il-magħmudija tagħtina ċ-ċans li nibdew ħajja ġdida, imnaddfin mid-dnub. Darba Ġesù qal li dan qisu bħallikieku aħna qed nerġgħu nitwieldu mill-ġdid. Hu qal li sakemm aħna ma nitwieldux spiritwalment mill-ġdid, ma nistgħux nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù, li kien jismu Pawlu, qal li wara li nitgħammdu aħna għandna nibdew ħajja ġdida. Hu qal li meta aħna nitniżżlu taħt l-ilma biex nitgħammdu, inkunu qisna bħallikieku qed nidfnu d-dnubiet kollha tagħna. Meta noħorġu ’l barra mill-ilma, inkunu qisna qed insiru persuna nadifa u ġdida, lesti biex nibdew ħajja ġdida. Il-magħmudija hija l-bidu tat-triq li teħodna lura għand Missierna fis-Smewwiet.