Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 22: L-Ubbidjenza


Immaġni
Baptism of Christ [Magħmudija ta’ Kristu], minn Greg Olsen

Ġesù were l-ubbidjenza tiegħu lejn Missieru billi tgħammed.

Kapitlu 22

L-Ubbidjenza

Missierna fis-Smewwiet qalilna x’affarijiet għandna nagħmlu sabiex inkunu kuntenti u nerġgħu lura biex ngħixu miegħu. Kif nistgħu nitgħallmu nagħmlu dawn l-affarijiet?

Missierna fis-Smewwiet Jagħtina l-Liġijiet Għaliex Iħobbna

Missierna fis-Smewwiet iridna nkunu kuntenti f’din id-dinja għax iħobbna. Hu jridna wkoll nerġgħu lura għandu ħalli jkun jista’ jkollna l-ferħ li għandu Hu. Nistgħu nagħmlu dan biss jekk nużaw l-abbiltà li Huwa tana biex insiru bħalu.

Missierna fis-Smewwiet jaf x’għandna nagħmlu biex insiru bħalu. Huwa tana kmandamenti li jgħidulna x’inhu tajjeb għalina li nagħmlu. Hu jgħidilna wkoll x’mhuwiex tajjeb għalina li nagħmlu.

Kull kmandament li tana Missierna fis-Smewwiet hu għall-aħjar tagħna u biex jgħinna. Dawn il-kmandamenti jistgħu jkunu ta’ gwida f’ħajjitna, u jekk nobduhom aħna nkunu kuntenti.

Ilkoll kemm aħna ksirna xi kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet. Peress li aħna ksirna l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet, aħna dnibna. Peress li aħna dnibna, aħna ġejna separati minn Missierna fis-Smewwiet. Il-kastig ġust għal dnubietna hu li aħna nkunu separati għal dejjem minn Missierna fis-Smewwiet.

Iżda Missierna fis-Smewwiet iħobbna. Hu għamel mod kif setgħet titħallas il-penali għal dnubietna. Hu bagħat lil Ibnu, Ġesù, biex iħallas il-penali għal dnubietna. Ġesù ħallas dik il-penali, u aħna nistgħu nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet billi jkollna l-fidi f’Ġesù. Li jkollna l-fidi f’Ġesù jfisser li nafdaw fih u nsiru d-dixxipli ubbidjenti tiegħu. Dawk li għandhom il-fidi f’Ġesù jobdu l-kmandamenti tiegħu. L-ewwel pass biex aħna nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet hu li jkollna l-fidi f’Ġesù, fejn b’sinċerità nippruvaw nobduh. Imbagħad, jekk nibqgħu fidili lejn Ġesù, Hu jgħinna nkunu ubbidjenti lejn il-kmandamenti kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet, u Missierna fis-Smewwiet jaħfrilna dnubietna.

Xi wħud mill-kmandamenti ta’ Ġesù japplikaw għall-membri kollha tal-Knisja. Hu jagħtihomna fl-iskrittura u permezz tal-profeti tiegħu. Ċerti kmandamenti jagħtihom lilna individwalment, permezz tal-Ispirtu s-Santu. Per eżempju, l-iskrittura u l-profeti jgħidulna li l-membri kollha tal-Knisja għandhom jgħinu lil ħaddieħor billi jgħallmuh l-evanġelju. Iżda l-Ispirtu s-Santu jgħidilna lkoll x’għandna nagħmlu individwalment biex ngħallmu l-evanġelju lill-membri tal-familja tagħna, lill-ħbieb, u lill-ġirien tagħna. Jekk aħna nistudjaw l-iskrittura, nisimgħu l-kliem tal-profeti, u nimxu ma’ dak li jgħidilna l-leħen sieket tal-Ispirtu s-Santu, aħna nkunu nafu dejjem x’għandna nagħmlu.

Diskussjoni

  • Missierna fis-Smewwiet u Ġesù kif juru mħabbithom lejna permezz tal-kmandamenti tagħhom?

  • Kif nistgħu nkunu nafu x’qalulna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet u Ġesù?

Kull Kmandament ta’ Missierna fis-Smewwiet Hu Importanti

Aħna għandna nkunu lesti li nagħmlu dak kollu li jitlobna nagħmlu Ġesù. Il-kmandamenti kollha tiegħu huma importanti u jgħinu jippreparawna biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Fil-Bibbja nsibu storja dwar raġel jismu Nagħam. Hu kien marid ħafna u ried lil wieħed profeta jismu Eliżew biex ifejqu. Hu telaq minn daru u mar fil-pajjiż fejn kien joqgħod Eliżew. Eliżew bagħat messaġġier biex jgħid lil Nagħam imur jinħasel seba’ darbiet fix-xmara Ġordan, u huwa jitfejjaq.

Nagħam beda jirrabja meta qallu biex jagħmel dan. Hu beda jistaqsi għalfejn kellu jmur fix-xmara Ġordan, meta kien hemm daqstant xmajjar kbar fejn kien joqgħod. Iżda minkejja li huwa kien irrabjat, Nagħam aktar tard iddeċieda li jobdi. Peress li huwa obda, huwa fieq. Kieku huwa ma obdiex, huwa ma kienx se jitfejjaq.

Xi nies jaħsbu li l-kmandamenti ta’ Ġesù huma diffiċli wisq biex tobdihom. Darba kien hemm żagħżugħ jismu Nefi, li, flimkien ma’ ħutu, intalab jagħmel xi ħaġa verament diffiċli. Ġesù qalilhom biex jerġgħu lura fil-belt ta’ Ġerusalemm biex jiġbru xi skrittura importanti. Ħutu qalu li ma setgħux jagħmlu dan. Kienet ħaġa diffiċli wisq. Iżda Nefi qal li hu kien se jagħmel kif kien qallu jagħmel Ġesù. Hu qal li meta Ġesù jgħidilna biex nagħmlu xi ħaġa, tidher kemm tidher diffiċli għalina, Hu jgħinna nwettquha.

Ġesù qalilna li jeħtieġ li aħna naħdmu biex insiru bħalu u bħal Missierna fis-Smewwiet. Hu ma kienx jgħidilna nagħmlu dan li kieku ma kienx jaf li kapaċi nagħmluh.

Ġesù hu bħal Missierna fis-Smewwiet għaliex Hu ma wettaq l-ebda dnub. Aħna lkoll dnibna, iżda aħna nistgħu nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet permezz tal-fidi f’Ġesù u l-indiema.

Xi kultant aħna nafu ma nifhmux ir-raġuni għal xi wieħed mill-kmandamenti ta’ Ġesù. Iżda jekk aħna nħobbu lil Ġesù u nafdaw fih, aħna nagħmlu dak li jgħidilna Hu. Aħna nobdu anke jekk ma nifhmux għalfejn Hu qalilna biex nagħmlu xi ħaġa. Adam u Eva hekk għamlu. Ġesù qal lil Adam u Eva biex joffru sagrifiċċji* lil Missierna fis-Smewwiet. Darba anġlu mar iżur lil Adam u staqsieh għalfejn kien qed joffri s-sagrifiċċji. Adam qallu li ma kienx jaf għalfejn, ħlief li Ġesù qallu biex jagħmel dan. L-anġlu mbagħad qal lil Adam x’kienet ir-raġuni għal dik il-liġi u għallem l-evanġelju lil Adam. Ġesù kien kuntent b’Adam għaliex Adam obdieh saħansitra qabel kien jaf ir-raġuni għal dik il-liġi.

Aħna għandna nobdu l-kmandamenti ta’ Ġesù għaliex inħobbuh u rridu nobduh. Missierna fis-Smewwiet qal li Hu kuntent b’dawk li jridu jobdu lil Ġesù. Huwa jitnikket meta wliedu ma jobdux lil Ġesù sakemm ma tiġrix xi ħaġa li ġġiegħlhom jobduh. Missierna fis-Smewwiet irid li wliedu kollha jitgħallmu jħobbu lil Ġesù u jobduh, għaliex dan hu l-uniku mod kif huma jistgħu jerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet.

Diskussjoni

  • Għaliex huwa importanti li nobdu l-kmandamenti ta’ Ġesù anke meta jkunu jidhru diffiċli wisq biex nobduhom?

  • Għalfejn għandna nobdu l-kmandamenti anke ma nifhmuhomx?

  • Għaliex importanti li nobdu għax verament irridu nobdu?

Meta Aħna Nħobbu lil Missierna fis-Smewwiet, Inkunu Rridu Nobdu lil Ġesù

Ġesù għamel dak kollu li talbu jagħmel Missierna fis-Smewwiet. Ġesù obda lil Missierna fis-Smewwiet għax Hu ħabb lil Missierna fis-Smewwiet. Satana ġarrab lil Ġesù’ biex ma jobdix lil Missierna fis-Smewwiet. Ġesù m’għamilx dak li Satana ħajru biex jagħmel.

L-Ewwel u l-Aktar Kmandament Importanti Hu li Nħobbu lil Missierna fis-Smewwiet

Meta aħna nħobbu lil Missierna fis-Smewwiet, inkunu rridu nobduh kif għamel Ġesù. Aħna nistgħu nħobbu aktar lil Missierna fis-Smewwiet meta nitgħallmu aktar dwaru. Jeħtieġ li nitgħallmu aktar dwaru u dwar dak li Hu jagħmel għalina. Aħna nitgħallmu dan billi naqraw l-iskrittura u nisimgħu dak li jgħidulna l-mexxejja tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Meta nħobbu lil Missierna fis-Smewwiet, aħna nħobbu wkoll lil Ġesù minħabba dak li Ġesù għamel biex jgħinna nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Aħna nitgħallmu nħobbu lil Ġesù billi nagħmlu dak li talabna nagħmlu Hu. Hekk kif l-imħabba tagħna lejn Missierna fis-Smewwiet u lejn Ġesù tikber, isir aktar faċli għalina li nobdu l-kmandamenti tagħhom.

It-Tieni Kmandament Kbir Hu li Nħobbu lil Kulħadd

Ġesù qalilna biex inħobbu u ngħinu lill-oħrajn. Hu qalilna biex nittrattawhom bl-istess mod li rridu li huma jittrattaw lilna. Hu qal li aħna m’għandiex ngħidu affarijiet ħżiena dwarhom. Għandna naħfrulhom għall-iżbalji tagħhom. Għandna ngħinu lil ħaddieħor b’kull mod li nistgħu.

Meta nħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù, aħna nħobbu u ngħinu lil ħaddieħor. Hekk kif aħna nħobbu u naqdu lil Ġesù u lil ħaddieħor, isir aktar faċli għalina li nobdu l-kmandamenti kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù.

Diskussjoni

  • X’inhuma ż-żewġ kmandamenti l-kbar?

  • Kif jista’ l-eżempju ta’ Ġesù jgħinna nobdu l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet?

  • Kif nistgħu nitgħallmu nħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù u nkunu rridu nobdu l-kmandamenti tagħhom?

Kull Barka li Nirċievu Niksbuha Minħabba l-Ubbidjenza

Missierna fis-Smewwiet iberikna meta aħna nobdu l-kmandamenti tiegħu. Hu jwiegħed barka għal kull kmandament li aħna nobdu. Kull meta nobdu xi kmandament, aħna nirċievu barka talli nkunu obdejnih. Jekk ma nobdux xi kmandament, ma nistgħux nistennew li nirċievu l-barkiet imwiegħda.

Xi wħud mill-barkiet li nirċievu meta nobdu l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet huma l-kuntentizza, il-ħelsien mill-biża’, is-saħħa, u aktar għarfien u abbiltà. L-akbar barka li jwegħidna Missierna fis-Smewwiet hi li aħna nistgħu nsiru bħalu u ngħixu miegħu għal dejjem. Aħna nistgħu nirċievu din il-barka billi nobdu l-kmandamenti kollha tiegħu.

Hekk kif aħna nippruvaw b’ħerqa li nobdu l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet, importanti niftakru li aħna dan nistgħu nagħmluh biss bl-għajnuna ta’ Ġesù. Għandna niftakru wkoll li meta ma nobdux, Missierna fis-Smewwiet jaħfrilna meta aħna nuru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u nindmu. Peress li aħna lkoll waqajna fid-dnub, aħna għandna nkunu grati għall-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Minħabba l-Espjazzjoni tiegħu, Missierna fis-Smewwiet jista’ jaħfrilna u jberikna u jgħinna nsiru aktar ubbidjenti. Aħna qatt ma nistgħu nkunu denji tal-barkiet ta’ Missierna fis-Smewwiet bis-saħħa tagħna biss.

Diskussjoni

  • X’barkiet tista’ tikseb minħabba l-ubbidjenza tiegħek lejn Missierna fis-Smewwiet?

  • Kif jista’ Ġesù jgħinna niksbu dawn il-barkiet?

  • Kif nistgħu niksbu l-akbar rigal ta’ Missierna fis-Smewwiet?