Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
L-Artikli tal-Fidi


L-Artikli tal-Fidi

Fir-rebbiegħa tal-1842, il-Profeta Joseph Smith bagħat ittra lil John Wentworth, li kien l-editur ta’ gazzetta jisimha Chicago Democrat. Din l-ittra kien fiha rakkont ta’ ħafna mill-ġrajjiet tal-istorja bikrija tal-Knisja. Id-dokument kien fih ukoll 13-il dikjarazzjoni li jiddeskrivu t-twemmin tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Dawn illum nirreferu għalihom bħala l-Artikli tal-Fidi, li jinsabu hawn taħt.

L-Artikli tal-Fidi huma duttrina uffiċjali tal-Knisja u ġew ikkanonizzati bħala parti mill-iskrittura tal-aħħar żmien. Huma dikjarazzjonijiet ċari ta’ twemmin biex jgħinu lill-membri jifhmu t-twemmin bażiku tal-Knisja u jispjegaw dan it-twemmin lil ħaddieħor. Mhumiex, madankollu, summarju komplut tad-duttrina tal-Knisja. Permezz ta’ profeti ħajjin, il-Knisja hija ggwidata permezz ta’ rivelazzjoni u ispirazzjoni kontinwa.

  1. Aħna nemmnu f’Alla, il-Missier Etern, u f’Ibnu, Ġesù Kristu, u fl-Ispirtu s-Santu.

  2. Aħna nemmnu li l-bnedmin se jiġu kkastigati għal dnubiethom, u mhux għall-ħtija ta’ Adam.

  3. Aħna nemmnu li permezz tal-Espjazzjoni ta’ Kristu, il-bnedmin kollha jistgħu jsalvaw, jekk huma jobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.

  4. Aħna nemmnu li l-ewwel prinċipji u ordinanzi tal-Evanġelju huma: l-ewwel, il-Fidi fil-Mulej Ġesù Kristu; it-tieni, l-Indiema; it-tielet, il-Magħmudija b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet; ir-raba’, it-Tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu.

  5. Aħna nemmnu li bniedem għandu jiġi msejjaħ minn Alla, permezz tal-profezija, u permezz tat-tqegħid tal-idejn minn dawk li għandhom l-awtorità, sabiex hu jxandar l-Evanġelju u jamministra fl-ordinanzi tiegħu.

  6. Aħna nemmnu fl-istess organizzazzjoni li kienet teżisti fil-Knisja Primittiva, jiġifieri, appostli, profeti, rgħajja, għalliema, evanġelisti, u oħrajn.

  7. Aħna nemmnu fid-don tal-ilsna, tal-profezija, tar-rivelazzjoni, tal-viżjonijiet, tal-fejqan, tal-interpretazzjoni tal-ilsna, u doni oħra.

  8. Aħna nemmnu li l-Bibbja hija l-kelma ta’ Alla sakemm hi tradotta b’mod korrett; nemmnu wkoll li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla.

  9. Aħna nemmnu dak kollu li żvela Alla, dak kollu li Huwa jiżvela bħalissa, u nemmnu li Hu għad irid jiżvela bosta affarijiet kbar u importanti li jappartjenu għas-Saltna ta’ Alla.

  10. Aħna nemmnu fil-ġabra litterali ta’ Iżrael u fir-restawrazzjoni tal-Għaxar Tribujiet; li Sijon (Ġerusalem il-Ġdida) se tinbena fil-kontinent Amerikan; li Kristu se jsaltan personalment f’din id-dinja; u, li din id-dinja se tiġġedded u se tirċievi l-glorja tal-ġenna tagħha.

  11. Aħna nistennew li ningħataw il-privileġġ li naduraw lil Alla s-Setgħan skont kif tgħidilna l-kuxjenza tagħna, u aħna nagħtu lill-bnedmin kollha l-istess privileġġ, li huma jkunu ħielsa li jqimu kif, fejn, u lil min iridu huma.

  12. Aħna nemmnu li għandna nkunu suġġett għas-slaten, għall-presidenti, għall-mexxejja u għall-maġistrati, billi nobdu, nonoraw u nsostnu l-liġi.

  13. Aħna nemmnu li għandna nkunu onesti, leali, safja, benevolenti, virtużi u li nagħmlu t-tajjeb lill-bnedmin kollha; fil-fatt, nistgħu ngħidu li aħna nimxu wara t-twiddiba ta’ Pawlu—Aħna nemmnu kollox, aħna nittamaw kollox, aħna ssaportejna ħafna affarijiet, u nittamaw li nkunu kapaċi nissaportu kollox. Jekk hemm xi ħaġa virtuża, sabiħa, li jisħoqqilha l-ġieħ jew li ħaqqha t-tifħir, aħna nfittxuha.