2010-2019
Is-Saċerdozju u l-Qawwa tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur
Ottubru 2017


Is-Saċerdozju u l-Qawwa tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur

Biex jiġu fis-seħħ l-għanijiet ta’ Missierna tas-Smewwiet, jeħtieġ li l-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Kristu tkun disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla. Is-saċerdozju sewwasew iwassal dawn l-opportunitajiet.

Nitlobkom biex flimkien miegħi timmaġinaw rokit qed jitpoġġa b’ attenzjoni kollha fil-post mnejn se jiġi llanċjat. Issa mmaġinawh għadu kif beda jaqbad. Il-fjuwil, meta jkun qed jaqbad b’ mod ikkontrollat, jinbidel f’ gass jaħraq li jibda jispara ‘l barra, u jipprovdi s-salt neċessarju li jixħet ir-rokit fl-ispazju. Finalment, immaġinaw ftit it-tagħmir jew il-kargo li hu jkun qed iġorr, liema tagħmir ikun jinsab fin-naħa ta’ fuq nett tar-rokit. Dan it-tagħmir juri l-valur vera tiegħu meta huwa jasal fejn għandu jasal u jiffunzjona kif għandu jiffunzjona. M’hemmx għalfejn tkun xi espert fix-xjenza biex tapprezza l-fatt li satellita ta’ komunikazzjoni globali, li tqum flejjes kbar, ftit li xejn għandha valur jekk tħalliha wieqfa ġewwa xi maħżen. Il-missjoni tar-rokit hi sempliċiment li jwassal lil dan it-tagħmir.

Ilejla nixtieq inqabbel is-saċerdozju li aħna nħaddnu ma’ rokit u nqabbel l-opportunità li nibbenifikaw mill-qawwa tal-att tal-fidwa mat-tagħmir li jwassal ir-rokit.

Minħabba s-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu, Ġesù Kristu għandu l-qawwa u l-awtorità li jifdi l-umanità kollha. Biex din il-qawwa tal-att tal-fidwa Huwa jagħmilha aċċessibbli għall-umanità, Huwa ddelega parti mill-qawwa u l-awtorità Tiegħu lill-bnedmin fid-dinja. Din il-qawwa u l-awtorità li Huwa ddelega tissejjaħ is-saċerdozju. Dan jippermetti li dawk li jħaddnu s-saċerdozju jgħinu lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ġesù Kristu fil-ħidma Tagħhom—li jġibu fis-seħħ is-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni ta’ wlied Alla. Dan iseħħ għaliex jipprovdi lil ulied Alla l-opportunità li jirċievu l-barkiet tal-qawwa tal-att tal-fidwa tas-Salvatur.

Il-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Ġesù Kristu hija essenzjali għaliex ħadd minna ma jista’ jerġa’ lura fid-dar tagħna fis-smewwiet mingħajr għajnuna. Fil-mortalità, aħna kontinwament niżbaljaw u niksru l-liġijiet ta’ Alla. Aħna niċċappsu bit-tbajja’ tad-dnub u ma nkunux nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu fil-preżenza ta’ Alla. Aħna neħtieġu l-qawwa tal-att tal-fidwa tas-Salvatur biex aħna nkunu nistgħu nirrekonċiljaw ruħna ma’ Missierna tas-Smewwiet. Ġesù Kristu kisser l-irbit tal-mewt fiżika, fejn għamilha possibbli li aħna lkoll nqumu mill-imwiet. Huwa joffri l-maħfra tad-dnubiet, bil-kundizzjoni li aħna nobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-evanġelju Tiegħu. Permezz Tiegħu, aħna niġu offruti l-eżaltazzjoni. L-opportunità li aħna nibbenifikaw mill-qawwa tal-att tal-fidwa tas-Salvatur huwa l-aktar tagħmir importanti tal-ħolqien.

Biex jiġu fis-seħħ l-għanijiet ta’ Missierna tas-Smewwiet, jeħtieġ li l-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Kristu tkun disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla.1 Is-saċerdozju jwassal dawn l-opportunitajiet. Huwa r-rokit. Is-saċerdozju huwa essenzjali għaliex l-ordinanzi u l-patti neċessarji fid-dinja jiġu amministrati biss bl-awtorità tiegħu. Jekk is-saċerdozju ma jasalx biex iwassal l-opportunità lill-bnedmin biex huma jibbenifikaw mill-qawwa tal-att tal-fidwa tas-Salvatur, xi jkun l-iskop tiegħu? Ma taħsbux li jkun sempliċiment xi ħaġa li tagħmel ħoss biss biex tikseb l-attenzjoni tan-nies u xejn aktar? L-intenzjoni ta’ Alla hi li s-saċerdozju ma jintużax biss biex nhar ta’ Ħadd issir lezzjoni fil-klassi jew bħala opportunità ta’ servizz. L-intenzjoni Tiegħu hi li jwassal it-tagħmir.

Xi difett żgħir fir-rokits jaf iwassal biex il-missjoni tfalli. Ċertu siġilli u materjal fraġli jafu jwasslu biex ir-rokit ma jiffunzjonax sewwa. Biex iħares is-saċerdozju minn, b’ mod metaforiku, ċertu siġilli u materjal fraġli, Alla jipproteġi kemm l-għoti kif ukoll l-użu tiegħu.2 L-għoti tas-saċerdozju huwa ssalvagwardjat permezz tal-imfietaħ tas-saċerdozju, li huma d-drittijiet tal-presidenza mogħtija lill-bniedem.3 Bl-istess mod, l-użu tas-saċerdozju huwa ssalvagwardjat kemm permezz tal-imfietaħ tas-saċerdozju kif ukoll permezz tal-patti li jagħmel dak li jħaddan is-saċerdozju. L-użu tas-saċerdozju huwa konsegwentament immexxi kemm mill-imfietaħ tas-saċerdozju kif ukoll mill-patti tas-saċerdozju. Ir-responsabbiltà tas-saċerdozju li għandu dak l-individwu hija mogħtija lilu b’ mod individwali u ma teżistix indipendenti minnu;4 is-saċerdozju mhuwiex xi sors amorfu ta’ xi qawwa awtonima.

Dak li jirċievi s-Saċerdozju Aroniku jew is-Saċerdozju Melkisedeku jirċivih permezz ta’ patt.5 Alla jiddetermina u l-bniedem jaċċetta t-termini. Jekk nitkellmu b’ mod ġenerali, dawk li jħaddnu s-saċerdozju jagħmlu patt li huma sejrin jgħinu lil Alla fil-ħidma Tiegħu. Fil-bidu ta’ din id-dispensazzjoni, Ġesù Kristu spjega li Huwa għamel patt tas-saċerdozju “magħkom għal ġid tagħkom, u mhux għal ġid tagħkom biss, iżda għal ġid tan-nies kollha tad-dinja … għaliex huma ma jiġux għandi.”6

Dan jgħallimna li l-għan tas-saċerdozju hu li nistiednu lill-oħrajn biex jersqu lejn Kristu billi ngħinuhom jirċievu l-evanġelju rrestawrat. Aħna għandna s-saċerdozju biex inkunu nistgħu ngħinu lil ulied Missierna tas-Smewwiet jinħelsu mit-toqol tad-dnub u jsiru bħalu. Permezz tas-saċerdozju, il-qawwa tad-divinità tkun tista’ tidher fil-ħajja ta’ dawk kollha li jagħmlu u jżommu l-patti tal-evanġelju u jirċievu l-ordinanzi marbuta magħhom.7 Dan huwa l-mod kif kull wieħed u waħda minna nistgħu nersqu lejn Kristu, niġu ppurifikati u nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla. Il-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Kristu ssir aċċessibbli lilna permezz tas-saċerdozju, li jwassal it-tagħmir.

Il-patti li nagħmlu ma’ Alla huma xi ħaġa serja u solenni. Raġel għandu jitħejja għal dawn il-patti, jitgħallem dwarhom u jidħol għalihom b’ intenzjoni li se jonorahom. Patt isir wegħda li se nikkommettu ruħna lejha b’ ruħna u ġisimna. Biex nipparafraża lid-drammaturgu Ingliż Robert Bolt, wieħed jagħmel patt biss meta jkun irid jikkommetti ruħu b’ mod eċċezzjonali lejn xi wegħda li huwa jkun għamel. Huwa jistabbilixxi identità bejn il-verità tal-wegħda u l-istess virtù tiegħu. Meta raġel jagħmel patt, huwa jkun qed iżomm lilu nnifsu, bħall-ilma, bejn idejh forma ta’ kikkra. U jekk huwa jiftaħ is-swaba’, hu qatt ma jkun kapaċi jerġa’ jsib lilu nnifsu. Dak li jikser il-patti tiegħu ma jkunx jista’ aktar jikkometti lilu nnifsu kif ukoll ma jkollux aktar garanzija x’ joffri.8

Wieħed li jħaddan is-Saċerdozju Aroniku jagħmel patt li jevita l-ħażen, jgħin lill-oħrajn jirrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla, u jitħejji biex jirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku.9 Dawn ir-responsabbiltajiet sagri jista’ jwettaqhom hekk kif huwa jgħallem, jgħammed, isaħħaħ lill-membri tal-Knisja u jistieden lill-oħrajn biex jaċċettaw l-evanġelju. Dawn huma l-funzjonijiet tar-“rokit” tiegħu. Min-naħa Tiegħu, Alla jwiegħed it-tama, il-maħfra, il-qadi tal-anġli u l-imfietaħ tal-evanġelju tal-indiema u l-magħmudija.10

Dak li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku jagħmel patt li huwa sejjer iwettaq ir-responsabbiltajiet kollha assoċjati mas-Saċerdozju Aroniku u jkabbar is-sejħa tiegħu fis-Saċerdozju Melkisedeku.11 Huwa jagħmel dan billi jżomm il-kmandamenti assoċjati mal-patt. Dawn il-kmandamenti jinkludu li hu “jagħti kas tal-kliem tal-ħajja eterna” billi jgħix b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla,12 jaqsam it-testimonjanza tiegħu ta’ Ġesù Kristu u tal-ħidma Tiegħu f’ dawn l-aħħar jiem,13 ma jitkabbarx bih innifsu,14 u jsir il-ħabib tas-Salvatur, filwaqt li jafda fih bħala ħabib.15

Min-naħa Tiegħu, Alla jwiegħed li dak li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku jirċievi ċerti mfietaħ li permezz tagħhom huwa jkun jista’ jifhem il-misteri ta’ Alla. Huwa jsir perfett ħalli jkun jista’ jieqaf fil-preżenza ta’ Alla. Huwa jkun kapaċi jwettaq l-irwol tiegħu fil-ħidma tas-salvazzjoni. Ġesù Kristu jħejji t-triq għal dak li jħaddan is-saċerdozju u jkun dejjem miegħu. L-Ispirtu s-Santu jkun jinsab f’ qalb dak li jħaddan is-saċerdozju, u l-anġli jkunu hemm biex jgħinuh. Ġismu jissaħħaħ u jiġġedded. Huwa jsir werriet tal-barkiet ta’ Abraham u, flimkien ma’ martu, werriet ma’ Ġesù Kristu fis-saltna ta’ Missierna tas-Smewwiet.16 Dawn huma “l-egħżeż u l-akbar ġid mwiegħed lilna.”17 Ma nistgħux nimmaġinaw wegħdiet akbar minn dawn.

Lil kull raġel li jirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku, Alla jafferma l-wegħdiet marbutin mal-patt Tiegħu b’ ġurament.18 Dan il-ġurament jippartjeni biss lis-Saċerdozju Melkisedeku,19 u huwa Alla li jagħmel il-ġurament, mhux dak li jħaddan is-saċerdozju.20 Peress li din is-sitwazzjoni unika tinvolvi l-qawwa u l-awtorità divina Tiegħu, Alla juża ġurament, fejn Huwa jinforza l-aktar kliem qawwi li Huwa jista’ jlissen, biex jiżgurana dwar in-natura irriversibbli u li torbotna tal-wegħdiet Tiegħu.

Dawk li jiksru l-patti tas-saċerdozju u jiċħudhom kompletament ikollhom isofru konsegwenzi mill-aktar severi.21 Li intom tkunu każwali jew apatetiċi fis-sejħa tas-saċerdozju qisu bħal xi ħadd qed juża xi materjal fraġli bħala komponent fir-rokit. Dan jipperikola l-patt tas-saċerdozju għaliex jista’ jwassal għal falliment fil-missjoni. Id-diżubbidjenza lejn il-kmandamenti ta’ Alla twassal biex jinkisru l-patti. Għal dak li kontinwament jikser il-patt tiegħu mingħajr ma jindem, il-barkiet imwiegħda ma jibqgħux aktar miegħu.

Bosta snin ilu jiena wasalt biex fhimt ferm aħjar ir-relazzjoni li hemm bejn ir-rokit tas-“saċerdozju” u “l-opportunità li wieħed jibbenifika mit-tagħmir tal-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Kristu.” Fi tmiem il-ġimgħa partikolari, jiena kelli żewġ essajnments x’ nagħmel. Wieħed kien li noħloq l-ewwel wited li kien se jiġi ffurmat fil-pajjiż li kont ġejt mitlub immur fih, u l-ieħor kien li nintervista raġel żagħżugħ u, jekk kollox kien se jmur sew, nirrestawra s-saċerdozju u l-barkiet tat-tempju tiegħu. Dan ir-raġel ta’ 30 sena ngħaqad mal-Knisja qabel ma huwa għalaq l-għoxrin sena. Huwa serva missjoni onorabbli. Iżda meta hu irritorna lura d-dar, huwa tilef triqtu u tilef ukoll is-sħubija tiegħu fil-Knisja. Wara ftit snin, “hu daħal fih innifsu,”22 u bl-għajnuna ta’ mexxejja tas-saċerdozju li tant iħobbuh kif ukoll ta’ membri twajbin, huwa spiċċa biex nidem u reġa’ sar mill-ġdid membru tal-Knisja permezz tal-magħmudija.

Aktar tard, huwa applika biex jiġu rrestawrati lilu s-saċerdozju u l-barkiet tat-tempju. Aħna fassalna appuntament għas-Sibt fl-10 ta’ filgħodu fid-dar tal-laqgħat. Meta jiena wasalt hemm biex nattendi għal xi intervisti li jien kelli qablu, hu diġà kien jinsab hemm. Huwa tant kien jinsab anjuż li jkollu s-saċerdozju għal darb’oħra, li lanqas kellu paċenzja jistenna.

Matul l-intervista, jiena wrejtu l-ittra li kienet tispjega li l-President Thomas S. Monson kien personalment ta ħarsa lejn l-applikazzjoni tiegħu u kien awtorizza l-intervista. Dan iż-żagħżugħ, li pjuttost kien bniedem xi ftit riġidu, infexx jibki. Imbagħad jiena għidtlu li d-data tal-intervista tagħna ma kien se jkollha l-ebda tifsira uffiċjali f’ ħajtu. Huwa deher xi ftit imħawwad. Jiena infurmajtu li wara li jiena kont se nirrestawra l-barkiet tiegħu, ir-reġistru tas-sħubija tiegħu fil-Knisja kien se juri biss id-dati oriġinali tal-magħmudija, tal-konferma, tal-ordinazzjoni għas-saċerdozju u tal-għotja tiegħu. Huwa reġa’ beda jemozzjona ruħu.

Jiena tlabtu jaqra mid-Duttrina u Patti:

“Araw, dak li nidem minn dnubietu, huwa jkun maħfur, u jien, il-Mulej, ma niftakarhomx aktar.

“B’ hekk tkunu tafu jekk bniedem nidimx minn dnubietu—araw, huwa jistqarrhom u jiċħadhom.”23

Għat-tielet darba, id-dmugħ reġa’ beda nieżel ma’ ħaddejh. Imbagħad jiena poġġejt idejja fuq rasu, u f’ isem Ġesu Kristu u bl-awtorità tas-Saċerdozju Melkisedeku, u bl-awtorizzazzjoni tal-President tal-Knisja, jiena rrestawrajt is-saċerdozju u l-barkiet tiegħu tat-tempju.

Il-ferħ li niżel fuqna kien wieħed mill-aktar profond. Huwa kien jaf li għal darb’oħra huwa kien awtorizzat li jħaddan u jeżerċita s-saċerdozju ta’ Alla. Huwa kien jaf li l-barkiet tiegħu tat-tempju reġgħu ġew irrestawrati fil-milja sħiħa tagħhom. Huwa deher verament ferħan u kellu bħal dija madwaru. Jiena ħassejtni kburi ħafna bih u stajt inħoss li Missierna tas-Smewwiet kien qed iħossu l-istess.

Wara, ġie organizzat il-wited. Għal-laqgħat attendew bosta Qaddisin fidili u entużjasti, u ġew sostnuti il-membri meraviljużi tal-presidenza tal-wited. Madankollu, għalija l-ferħ li jiena ħassejt meta rrestawrajt il-barkiet lil dak iż-żagħżugħ tefa xi ftit lil din l-okkażżjoni storika li fiha ġie organizzat l-ewwel wited fil-pajjiż.

Spiċċajt irrealizzajt li l-għan li jiġi organizzat wited, jew li jiġi użat b’ xi mod is-saċerdozju ta’ Alla, hu li jassistu lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ġesù Kristu fil-ħidma Tagħhom—li jipprovdu l-opportunità għall-fidwa u l-eżaltazzjoni tal-ulied kollha ta’ Alla. Bħar-rokit li l-għan tiegħu hu li jwassal it-tagħmir, is-saċerdozju jwassal l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, fejn jagħti ċ-ċans lil kull bniedem biex jagħmel ċerti patti u jirċievi l-ordinanzi marbutin mal-istess patti. “Id-demm tal-fidwa ta’ Kristu”24 jista’ għalhekk jiġi applikat f’ ħajjitna hekk kif aħna nesperjenzaw l-influwenza li tqaddisna tal-Ispirtu s-Santu u nirċievu l-barkiet li Alla wegħidna.

Minbarra li intom stess tobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-evanġelju, nistedinkom biex tagħmlu u żżommu l-patti tas-saċerdozju. Irċievu l-ġurament ta’ Alla u l-wegħda Tiegħu. Kabbru r-responsabbiltajiet tagħkom fis-saċerdozju biex tgħinu lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ġesù Kristu. Użaw is-saċerdozju biex tgħinu twasslu lil xi ħadd ieħor l-opportunità li huwa wkoll jibbenifika mill-qawwa tal-att tal-fidwa tas-Salvatur. Hekk kif tagħmlu dan, barkiet kbar jaslu għandkom u għand il-familja tagħkom. Jiena nixhed li l-Feddej jgħix u jinsab imexxi din il-ħidma, f’ isem Ġesù Kristu, amen.