2010-2019
Valur Imprezzabbli
Ottubru 2017


Valur Imprezzabbli

Aħna nistgħu frekwentament inħossu l-vuċi siekta u ħelwa tal-Ispirtu s-Santu tixhed magħna l-verità tal-valur spiritwali tagħna.

Meta kont qed inżur il-pajjiż ta’ Sierra Leone ġewwa l-Punent tal-Afrika, jiena ħadt sehem f’ laqgħa li kienet qed titmexxa mill-mexxej tal-Primarja tal-wited. Mariama mexxiet il-laqgħa b’ tant imħabba, grazzja u kunfidenza li kien ħaġa mill-aktar ovvja li jien nassumi li hija kienet ilha membru tal-Knisja żmien twil mhux ħażin. Madankollu, Mariama ma tantx kienet ilha ħafna membru.

Mariama u bintha

Oħtha ż-żgħira kienet ngħaqdet mal-Knisja u stiednet lil Mariama biex tattendi lezzjoni tal-Knisja magħha. Mariama ħassitha verament impressjonata bil-messaġġ. Il-lezzjoni kienet dwar il-liġi tal-kastità. Hija talbet biex il-missjunarji jgħallmuha aktar u ma damitx wisq ma rċeviet testimonjanza tal-Profeta Joseph Smith. Hija tgħammdet fis-sena 2014 u bintha tgħammdet xahar ilu. Immaġinaw, iż-żewġ lezzjonijiet fundamentali li wasslu għall-konverżjoni ta’ Mariama kienu l-liġi tal-kastità u l-Profeta Joseph Smith, żewġ punti li ħafna drabi d-dinja tħares lejhom bħala irrelevanti, antikwati, inkonvenjenti. Iżda Mariama tat ix-xhieda tagħha li hija kienet ħassitha bħal dak il-farfett iż-żgħir li verament inġibed lejn id-dawl. Hija qalet, “Meta jiena sibt l-evanġelju, jien sibt lili nnifsi.” Hija skopriet il-valur tagħha permezz tal-prinċipji divini. Il-valur tagħha bħala bint Alla ġie żvelat lilha permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Issa ejja nlaqqagħkom mal-aħwa Singh mill-Indja. Renu, li hija l-ewwel waħda mil-lemin, li kienet l-ewwel waħda mill-ħamest aħwa bniet li ngħaqdet mal-Knisja, qasmet miegħi dawn il-ħsibijiet:

L-aħwa Singh

“Qabel bdejt ninvestiga l-Knisja, jiena qatt ma kont inħares lejja nnifsi bħala xi ħadd speċjali. Jiena kont sempliċiment waħda fost ħafna nies, u s-soċjetà u l-kultura tiegħi qatt ma għallmuni li jiena kelli xi valur bħala individwu. Meta jiena tgħallimt l-evanġelju u tgħallimt li jiena kont bint Missierna tas-Smewwiet, ħassejt bidla kbira sseħħ ġewwa fija. F’ daqqa waħda ħassejtni verament speċjali—Alla fil-fatt kien ħalaq lili kif ukoll ħalaq ruħi u ħajti b’ ċertu valur u għan.

“Qabel ma kelli l-evanġelju f’ ħajti, jien minn dejjem kont nara x’ nagħmel biex lil ħaddieħor nipprova nurih li jiena kont xi ħaġa speċjali. Iżda meta jiena tgħallimt il-verità, li jiena bint Alla, ma kelli għalfejn nipprova xejn lil ħadd. Jiena kont naf li jien kont speċjali. … Ara qatt tgħaddilkom minn raskom li intom ma tiswew xejn.”

Il-President Thomas S. Monson iddeskriva dan perfettament meta huwa kkwota dan il-kliem: “Il-valur ta’ ruħ hi l-kapaċità tagħha li ssir bħal Alla.”1

Taiana

M’ilux jiena kelli l-barka li niltaqa’ ma’ tfajla oħra li bħali tifhem din l-istess verità. Jisimha Taiana. Iltqajt magħha fl-Isptar tat-Tfal tal-Primarja ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake. Taiana kienet għadha fl-ewwel snin tagħha fl-iskola sekondarja meta hija ħarġitilha l-marda tal-kanċer. Hija ġġieldet il-battalja b’ kuraġġ kbir qabel ma ftit ġimgħat ilu hija ħalliet din id-dinja . Taiana kienet mimlija dawl u mħabba. Hija kienet magħrufa għat-tbissima kontaġġuża tagħha u l-karatteristika distintiva tagħha li tgħolli ‘l fuq iż-żewġt iswaba’ l-kbar tagħha biex tindika li kollox sew. Meta ħaddieħor kien jistaqsiha, “Għalfejn kellu jiġri lilek, Taiana?” it-tweġiba tagħha kienet tkun, “Għalfejn mhux jien?” Taiana ppruvat li tkun bħas-Salvatur tagħha, li tant kienet tħobb. Fid-drabi li jiena mort nżurha, jiena tgħallimt li Taiana kienet verament fehmet il-valur divin tagħha. L-għarfien tagħha li kienet bint Alla wassalha biex hija mtliet bil-paċi u bil-kuraġġ, li tant kellha bżonn biex ultimament iffaċċjat l-isfida enormi tagħha bil-mod pożittiv li ffaċċjatha.

Maraima, Renu u Taiana jgħallmuna li l-Ispirtu jikkonfermalna l-valur divin ta’ kull wieħed u waħda minna b’ mod individwali. Li intom tkunu tafu li intom verament ulied Alla jeffettwa kull aspett ta’ ħajjitkom u jiggwidakom fis-servizz li intom tagħtu kuljum. Il-President Spencer W. Kimball spjega dan permezz ta’ dan il-kliem glorjuż:

“Alla hu Missierkom. Huwa jħobbkom. Hu flimkien ma’ ommkom fis-smewwiet jaraw fikom valur imprezzabbli. … Intom uniċi. M’hawn ħadd bħalkom, magħmulin minn intelliġenza eterna li tagħtikom id-dritt li tirtu l-ħajja eterna.

“Ara qatt tiddubitaw il-valur tagħkom bħala individwi. L-intenzjoni sħiħa tal-pjan tal-evanġelju hi li tipprovdi opportunità lil kull waħda minnkom biex tilħqu l-potenzjal sħiħ tagħkom, li huwa l-progress etern u l-possibiltà li ssiru bħal Alla.”2

Ippermettuli nagħmel enfażi fuq il-bżonn li aħna nitgħallmu nagħmlu differenza bejn żewġ frażijiet mill-aktar importanti: valur u affidabbiltà. Mhumiex l-istess ħaġa. Il- valur spiritwali jfisser li nħarsu lejna nfusna bl-istess valur li jħares lejna Missierna tas-Smewwiet, mhux kif tħares lejna d-dinja. Il-valur tagħna ġie determinat saħansitra qabel ma aħna ġejna hawn fid-dinja. “L-imħabba ta’ Alla hija infinita u tibqa’ għal dejjem.”3

Mill-banda l-oħra, l-affidabbiltà tiddependi mill-ubbidjenza tagħna. Jekk aħna nidinbu, aħna nkunu anqas denji, iżda l-valur tagħna ma jonqosx! Aħna nkomplu nindmu u nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu bħal Ġesù hekk kif il-valur tagħna jibqa’ intatt. Kif għallem il-President Brigham Young: “L-inqas u l-aktar spirtu inferjuri li bħalissa nsibu fid-dinja … jiswa daqs dinjiet sħaħ.”4 Jiġri x’ jiġri, aħna dejjem għandna valur f’ għajnejn Missierna tas-Smewwiet.

Minkejja din il-verità meraviljuża, kemm minna ninħakmu, minn żmien għall-ieħor, b’ ċerti ħsibijiet jew sentimenti negattivi dwarna nfusna? Jiena waħda minnhom. Huwa żball li aħna nagħmlu dan. Satana huwa missier il-gideb kollu, speċjalment fejn tidħol ċerta misrappreżentazzjoni dwar il-natura divina u l-għan divin tagħna. Li nnaqqsu l-valur tagħna nfusna ma jagħmlilna l-ebda ġid. Pjuttist jitfagħna lura. Kif ġejna mgħallmin ħafna drabi, “Ħadd ma jwasslek biex tħossok inferjuri mingħajr il-kunsens tiegħek.”5 Jeħtieġ li nieqfu nqabblu l-punti debboli tagħna mal-forte ta’ ħaddieħor. “Il-paragun iżommok milli tkun ferħan.”6

B’ kuntrast għal dan, il-Mulej jassigurana li meta aħna naħsbu ħsibijiet virtużi, Huwa jberikna bil-kunfidenza, sewwasew il-kunfidenza li turina verament min aħna. Qatt ma kien hawn żmien aktar kruċjali minn żmienna biex aħna nagħtu kas ta’ kliemu. “Ħallu ħsibijietkom jiġu ddominati kontinwament mill-virtù,” Huwa qal. “Imbagħad timtlew b’kunfidenza kbira quddiem Alla; u … l-Ispirtu s-Santu ikun is-sieħeb kostanti tagħkom.”7

Il-Mulej żvela din il-verità addizzjonali lill-Profeta Joseph Smith: “Dak li jirċievi mingħand Alla, għandu jikkonoxxi li ġej minn Alla; u għandu jifraħ li f’ għajnejn Alla huwa nstab den li jirċievi.”8 Meta aħna nħossu l-Ispirtu, kif jispjega dan il-vers, aħna nagħrfu li dak li qed inħossu ġej mingħand Missier tas-Smewwiet. Aħna nagħrfuh u nagħtuh it-tifħir kollu tagħna għall-barkiet li Huwa tana. Imbagħad aħna nifirħu li huwa sabna denji li nirċievu.

Immaġinawkom li qed taqraw l-iskrittura filgħodu kmieni u l-Ispirtu jkellimkom b’ leħen sieket u jgħidilkom li dak li qed taqraw huwa kollu minnu. Intom jirnexxielkom tagħrfu l-Ispirtu u timtlew bil-ferħ għaliex intom ħassejtu fikom l-imħabba Tiegħu u kontu denji li tirċievu?

Intom l-ommijiet, tafu tkunu qegħdin għarkupptejkom ħdejn it-tifel tagħkom ta’ erba’ snin hekk kif hu jkun qed jgħid it-talba ta’ qabel l-irqad. Kif tisimgħuh jgħid it-talba, intom tħossu fikom sentiment mill-aktar ħelu. Tħossu fikom imħabba u paċi. Is-sentiment ikun biss għal ftit ħin, iżda f’ dak il-mument, intom tagħrfu li intom meqjusin denji biżżejjed li tirċievu. Rari ħafna li aħna nirċievu, jekk qatt nirċievu, xi manifestazzjoni spiritwali kbira ħafna f’ ħajjitna; iżda spiss li aħna nħossu fina l-vuċi siekta u ħelwa tal-Ispirtu s-Santu, li tivverifika magħna l-verità tal-valur spiritwali tagħna.

Il-Mulej spjega r-relazzjoni li hemm bejn il-valur tagħna u s-sagrifiċċju kbir tal-att tal-fidwa Tiegħu meta Huwa qal:

“Ftakru li l-valur tal-erwieħ huwa wieħed kbir f’ għajnejn Alla;

“Għax, araw, il-Mulej il-Feddej tagħkom sofra l-mewt fil-ġisem; għalhekk huwa sofra l-uġigħ tal-bnedmin kollha, sabiex il-bnedmin kollha jkunu jistgħu jindmu u jersqu lejh.”9

Ħuti, grazzi għal dak li għamel għalina Hu, “aħna ninsabu marbutin miegħu b’ rabta ta’ mħabba.”10 Huwa qal, “Missieri bagħatni sabiex nittella’ fuq is-salib; u wara li nittella’ fuq is-salib, inressaq il-bnedmin kollha lejja.”11

Is-Sultan Benjamin spjega wkoll din il-konnessjoni li tgħaqqadna mas-Salvatur tagħna: “U araw, huwa għandu jsofri tentazzjoni u wġigħ fil-ġisem, ġuħ, għatx u għejja, sewwasew aktar milli bniedem qatt jista’ jsofri, ħlief li din twassal għall-mewt; għax araw, id-demm se jċarċar mill-pori kollha tiegħu u d-diqa tal-qalb tiegħu se tkun waħda tant kbira minħabba l-ħażen u l-qżiżijiet tal-poplu tiegħu.”12 Dik is-sofferenza u r-riżultat ta’ dik is-sofferenza timla qlubna b’ imħabba u gratitudni. Il-Presbiteru Paul E. Koelliker għallem, “Hekk kif aħna nneħħu kull distrazzjoni li tiġbidna lejn id-dinja u neżerċitaw l-għażla ħielsa tagħna biex infittxuh, aħna niftħu qlubna għall-forza ċelestjali li tressaqna lejh.”13 Jekk l-imħabba li aħna nħossu għas-Salvatur u għal dak li Huwa għamel għalina hija akbar mill-enerġija li aħna nużaw għad-dgħjufijiet, għad-dubji u għad-drawwiet ħżiena tagħna, mela Huwa verament ikun jista’ jgħinna negħlbu l-ħwejjeġ li jikkawżaw is-sofferenza f’ ħajjitna. Huwa jsalvana minna nfusna.

Ippermettuli nerġa’ nenfasizza dan: jekk il-ġibda tad-dinja hija aktar b’ saħħitha mill-fidi u l-fiduċja li aħna għandna fis-Salvatur, mela l-ġibda tad-dinja se tispiċċa tirbaħ kull darba. Jekk aħna nagħżlu li niffokaw fuq il-ħsibijiet negattivi tagħna u niddubitaw fil-valur tagħna, minflok ma’ niddependu fuq is-Salvatur, isir aktar diffiċli li aħna nħossu ġewwa fina l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu.

Ħuti, ejjjew qatt ma nħossuna konfużi dwar min aħna verament! Filwaqt li ħafna drabi huwa aktar faċli li nkunu spiritwalment passivi milli li nippruvaw nagħmlu daqsxejn ta’ sforz spiritwali biex niftakru u nħaddnu l-identità divina tagħna, aħna żgur li ma naffordjawx li f’ dawn l-aħħar jiem ma nagħmluhx dan l-isforz. Jalla aħna, bħala aħwa nisa, “inkunu fidili fi Kristu; … jalla Kristu jegħrafna ‘l fuq u jalla s-sofferenza u l-mewt tiegħu, … u l-ħniena u s-sabar tiegħu u t-tama tal-glorja tiegħu u tal-ħajja eterna, jibqgħu għal dejjem f’ moħħna.”14 Hekk kif is-Salvatur jelevana ‘l fuq, aħna nkunu nistgħu naraw b’ mod aktar ċar mhux biss min verament aħna iżda wkoll li aħna ninsabu viċin Tiegħu aktar milli qatt konna nimmaġinaw. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Thomas S. Monson, “Our Sacred Priesthood Trust,” Liahona, Mejju 2006, 55.

  2. Spencer W. Kimball, “Privileges and Responsibilities of Sisters,” Ensign, Nov. 1978, 105.

  3. D. Todd Christofferson, “Abide in My Love,” Liahona, Nov. 2016, 48.

  4. Brigham Young, “Remarks,” Deseret News, Mar. 6, 1861, 2.

  5. Attribwit lil Eleanor Roosevelt.

  6. Attribwit lil Theodore Roosevelt.

  7. Doctrine and Covenants 121:45, 46.

  8. Doctrine and Covenants 50:34.

  9. Doctrine and Covenants 18:10–11.

  10. “Our Savior’s Love,” Hymns, no. 113.

  11. 3 Nephi 27:14.

  12. Mosiah 3:7.

  13. Paul E. Koelliker, “He Truly Loves Us,” Liahona, Mejju 2012, 18.

  14. Moroni 9:25.