2010-2019
Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom Mingħajru?
Ottubru 2017


Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom Mingħajru?

B’ mod mill-aktar mirakoluż u uniku, il-Ktieb ta’ Mormon jgħallimna dwar Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu.

Fis-sena 1986, jiena ġejt mistieden biex nagħti lekċer speċjali ġewwa l-università ta’ Accra, fil-Ghana. Hemmhekk jiena ltqajt ma’ għadd ta’ dinjitarji, fosthom sultan ta’ tribù Afrikan. Hekk kif aħna ltqajna flimkien qabel bdiet il-lekċer, is-sultan beda jkellimni biss bl-għajnuna ta’ bniedem lingwista li kellu miegħu, li mbagħad beda jittraduċili. Jiena bdejt inwieġeb lil dan il-lingwista, u l-lingwista mbagħad beda jittraduċi t-tweġibiet tiegħi lis-sultan.

Wara l-lekċer tiegħi, is-sultan ġie direttament fuqi, iżda din id-darba mingħajr il-lingwista tiegħu. B’ sorpriża kbira għalija, huwa kien jitkellem b’ Ingliż perfett—l-Ingliż tar-Reġina, biex inkun preċiż!

Is-sultan deher xi ftit imħawwad. “Allura inti min inti?” saqsieni hu.

Jiena weġibt, “Jiena Appostlu ordnat ta’ Ġesù Kristu.”

Is-sultan wieġeb, “X’ tista’ tgħallimni dwar Ġesù Kristu?”

Jiena weġibtu b’ mistoqsija: “Tippermettili nistaqsik dwar dak li inti diġà taf dwaru?”

Bil-mod li huwa weġibni, ġie żvelat li s-sultan kien bniedem li jistudja bis-serjetà l-Bibbja u li kien iħobb lill-Mulej.

Imbagħad jiena staqsejtu jekk huwa kienx jaf dwar il-ministeru ta’ Ġesù Kristu fost in-nies tal-Amerka tal-qedem.

Kif kont stennejt, huwa ma kien jaf xejn.

Jiena spjegajtlu li wara l-Kruċifissjoni u l-Qawmien mill-Imwiet tas-Salvatur, huwa mar iżur lin-nies tal-Amerka tal-qedem, fejn Huwa għallimhom l-evanġelju Tiegħu. Huwa organizza l-Knisja Tiegħu u talab lid-dixxipli Tiegħu sabiex iżommu reġistru dwar il-ministeru Tiegħu fosthom.

“Dak ir-reġistru,” komplejt jien, “hu dak li aħna nirreferu għalih bħala l-Ktieb ta’ Mormon. Huwa testment ieħor ta’ Ġesù Kristu. Huwa skrittura, l-istess bħall-Bibbja Mqaddsa.”

F’ dak il-mument, is-sultan beda verament jinteressa ruħu. Jiena dort fuq il-president tal-missjoni li kien qed jakkumpanjani u staqsejtu jekk huwa kellux fuqu xi kopja żejda tal-Ktieb ta’ Mormon. Huwa ħareġ kopja mill-basket tiegħu.

Jiena ftaħt il-ktieb fil- 3 Nefi kapitlu 11, u jien u s-sultan qrajna flimkien id-diskors tas-Salvatur lin-Nefiti. Imbagħad jiena ppreżentajtlu kopja tal-Ktieb ta’ Mormon. Ir-rispons tiegħu baqa’ stampat ġewwa moħħi u ġewwa qalbi: “Inti stajt tajtni d-djamanti jew ir-rubini, iżda xejn mhu aktar prezzjuż għalija minn dan l-għarfien addizzjonali dwar il-Mulej Ġesù Kristu.”

Wara li huwa esperjenza l-qawwa ta’ kliem is-Salvatur kif hemm miktub fit-Tielet Ktieb ta’ Nefi, is-sultan iddikjara, “Jekk jiena nikkonverti u nissieħeb mal-Knisja, jiena nġib miegħi t-tribù kollu tiegħi.”

“O Sultan,” għidtlu jiena, “dawn l-affarijiet ma jaħdmux hekk. Il-konverżjoni hija ħaġa individwali. Is-Salvatur għen lin-Nefiti wieħed wieħed. Kull individwu rċieva personalment xhieda u testimonjanza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.”1

Immaġni
Il-ministeru ta’ Ġesù Kristu fost in-Nefiti

Ħuti, kemm hu prezzjuż il-Ktieb ta’ Mormon għalikom? Jekk intom tiġu offruti d-djamanti jew ir-rubini jew il-Ktieb ta’ Mormon, intom x’ tagħżlu? Onestament, liema hu li għandu l-aktar valur għalikom?

Tiftakru fis-sezzjoni tal-Ħadd filgħodu tal-konferenza ġenerali ta’ April 2017, il-President Thomas S. Monson talab bil-ħerqa biex “aħna lkoll, bl-għajnuna tat-talb, nistudjaw u nixtarru kuljum il-Ktieb ta’ Mormon.”2 Kienu ħafna li wieġbu għas-sejħa tal-profeta tagħna.

Ippermettuli ngħid li la jiena u lanqas Riley, li għandu tmien snin, ma konna nafu li xi ħadd kien qed joħdilna r-ritratti. Innutaw li Riley qiegħed jaqra l-Ktieb ta’ Mormon tiegħu bl-għajnuna ta’ bukmark li tgħid “Jien Iben Alla”.

Immaġni
Il-President Nelson u Riley jistudjaw l-iskrittura

Tiġri ħaġa verament qawwija kull meta xi iben jew bint Alla jfittxu li jsiru jafu aktar dwaru u dwar Ibnu l-Għażiż. Imkien aktar dawn il-veritajiet mhuma mgħallmin b’ mod daqsekk ċar u qawwi daqs kif inhuma mgħallmin fil-Ktieb ta’ Mormon.

Minn sitt xhur ilu ‘l hawn, minn meta l-President Monson ippreżentalna din l-isfida, jiena ppruvajt nimxi wara l-kunsill tiegħu. Fost ħwejjeġ oħra, jiena għamilt lista ta’ dak li l-Ktieb ta’ Mormon fil-fatt hu, lista ta’ x’ jiddikjara, lista ta’ x’ jirrifjuta, lista ta’ xi jġib fis-seħħ, lista ta’ x’ jikkjarifika, u lista ta’ x’ jiżvela. Kien eżerċizzju mill-aktar intuwittiv u ta’ ispirazzjoni hekk kif jiena bdejt inħares lejn il-Ktieb ta’ Mormon minn dik il-lenti! Nirrakkomanda li anke intom tagħmlu dan.

Tul dawn is-sitt xhur, jiena stedint għadd ta’ gruppi—fosthom lill-Aħwa, ħuti fil-Kworum tat-Tnax, lill-missjunarji fiċ-Ċili u lill-presidenti tal-missjoni u lin-nisa tagħhom li kienu miġburin fl-Arġentina—biex huma jikkunsidraw tliet mistoqsijiet relatati li llum nħeġġiġkom biex intom taħsbu dwarhom ukoll:

L-ewwel, kif kienet tkun ħajjitkom mingħajr il-Ktieb ta’ Mormon? It-tieni, x’inhuma dawk il-ħwejjeġ li ma kontx tkun taf? It-tielet, x’inhuma dawk il-ħwejjeġ li ma kienx ikollok?

B’ entużjażmu kbir dawn il-gruppi tawni diversi tweġibiet minn dak li huma ħassew f’ qalbhom. Dawn huma xi wħud mill-kummenti tagħhom:

“Mingħajr il-Ktieb ta’ Mormon, jiena kont nibqa’ nħossni mħawwad dwar it-tagħlim u l-opinjonijiet konfliġġenti dwar ħafna ħwejjeġ. Jiena kont inkun bħalma kont qabel sibt il-Knisja, meta kont qed infittex l-għarfien, il-fidi u t-tama.”

Ieħor qal: “Ma kontx inkun naf dwar l-irwol li l-Ispirtu s-Santu seta’ jkollu f’ ħajti.”

Ieħor: “Ma kontx nifhem sewwa x’inhu l-għan tiegħi hawn fid-dinja!”

Ieħor li rrisponda qal: “Ma kontx inkun naf li wara din il-ħajja stajna nibqgħu navvanzaw. Grazzi għall-Ktieb ta’ Mormon, jiena naf li verament hemm il-ħajja wara l-mewt. Dan huwa l-għan aħħari li għalih aħna qegħdin naħdmu.”

L-aħħar kumment wassalni biex nirrifletti fuq meta għexieren ta’ snin ilu, meta kont għadni żagħżugħ, jien kont qed nitħarreġ biex insir kirurgu. Waħda mir-responsabbiltajiet mill-aktar serji li xi kultant għandu kirurgu hu li jinforma lill-membri ta’ familja li xi ħadd maħbub tagħhom ikun għadda għal ħajja oħra. Ġewwa sptar fejn kont naħdem, kienet qed tinbena kamra speċjali bil-ħitan ikkuttunati fejn il-membri tal-familja setgħu jirċievu fiha aħbar bħal din. Hemmhekk, ċerti nies kienu jesprimu d-dulur tagħhom billi jibdew iħabbtu rashom mal-ħitan ikkuttunati. Kemm xtaqt ngħallem lil dawk l-individwi li l-mewt, għalkemm diffiċli għal dawk li jibqgħu hawn, hija parti neċessarja mill-eżistenza immortali tagħna. Il-mewt tagħtina ċ-ċans li navvanzaw għad-dinja li jmiss.3

Xi ħadd ieħor wieġeb il-mistoqsija tiegħi hekk: “Jien lanqas biss naf li kont qed ngħix qabel qrajt il-Ktieb ta’ Mormon. Minkejja li ħajti kollha jiena kont nitlob u mmur il-knisja, il-Ktieb ta’ Mormon għenni biex għall-ewwel darba jiena verament nikkomunika ma’ Missierna tas-Smewwiet.”

Ieħor qal: “Mingħajr il-Ktieb ta’ Mormon, ma kontx nifhem li s-Salvatur mhux biss sofra għal dnubieti, iżda Huwa jista’ wkoll ifejjaq l-uġigħ u n-niket tiegħi.”4

U ħaddieħor wieġeb: “Ma kontx inkun naf li għandna profeti li jmexxuna.”

Li regolarment nistudjaw b’ attenzjoni l-veritajiet li hemm fil-Ktieb ta’ Mormon taf tkun għalina esperjenza li tibdlilna ħajjitna. Waħda min-neputijiet missjunarji tagħna, Sister Olivia Nelson, wiegħdet lil wieħed investigatur li jekk huwa jaqra kuljum il-Ktieb ta’ Mormon, il-marki tiegħu fl-eżamijiet tal-università jitjiebu. Huwa hekk għamel u hekk ġara.

Immaġni
Sister Olivia Nelson

Għeżież ħuti, jiena nixhed li l-Ktieb ta’ Mormon huwa verament il-kelma ta’ Alla. Fih tweġibiet għal ħafna mill-aktar mistoqsijiet importanti fil-ħajja. Fih nitgħallmu dwar id-duttrina ta’ Kristu.5 Huwa jespandi u jiċċara bosta veritajiet6 “sempliċi u prezzjużi” li ġew mitlufin tul is-sekli u minħabba għadd kbir ta’ traduzzjonijiet tal-Bibbja.

Il-Ktieb ta’ Mormon jipprovdi l-aktar għarfien sħiħ u awtorevoli tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu li aħna nistgħu nsibu fost il-kotba kollha tal-iskrittura. Jgħallimna xi jfisser verament li titwieled mill-ġdid. Mill-Ktieb ta’ Mormon aħna nitgħallmu dwar il-ġabra tat-tribujiet mitlufin ta’ Iżrael. Aħna nafu għalfejn ninsabu hawn fid-dinja. Fil-Ktieb ta’ Mormon, dawn il-veritajiet u oħrajn huma mgħallmin lilna b’ aktar qawwa u b’ mod aktar persważiv milli huma mgħallmin f’ kwalunkwe ktieb ieħor. Il-qawwa sħiħa tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu tinsab fil-Ktieb ta’ Mormon. M’hemmx argumenti.

Il-Ktieb ta’ Mormon jiċċara t-tagħlim tal-Imgħallem kif ukoll jikxef it-tattiċi tal-avversarju.7 Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem il-vera duttrina li tieħu post it-tradizzjonijiet reliġjużi falzi—bħad-drawwa żbaljata tal-magħmudija tat-trabi.8 Il-Ktieb ta’ Mormon jagħti skop lil ħajjitna billi jħeġġiġna nixtarru dwar il-potenzjal tal-ħajja eterna u “il-ferħ etern.”9 Il-Ktieb ta’ Mormon iġib fix-xejn it-twemmin żbaljat li l-ferħ nistgħu nsibuh fil-ħażen10 u li t-tjubija individwali hija biżżejjed biex aħna nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla.11 Huwa jeqred għal kollox il-kunċett falz li r-rivelazzjoni waqfet mal-Bibbja u li llum is-smewwiet jinsabu ssiġillati.

Meta jiena naħseb dwar il-Ktieb ta’ Mormon, tiġi f’ moħħi l-kelma qawwa. The truths of the Book of Mormon have the power li tfejjaq, tfarraġ, tirrestawra, tgħin, issaħħaħ, tikkonsla u tferraħ lir-ruħ.

Għeżież ħuti, inwegħidkom li, hekk kif bl-għajnuna tat-talb intom tistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon kull jum, intom taslu biex tieħdu deċiżjonijiet aħjar—kull jum. Inwegħidkom li, hekk kif intom tixtarru dak li intom tistudjaw dwaru, jinfetħu għalikom bwieb is-sema, u intom tirċievu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħkom kif ukoll direzzjoni għal ħajjitkom. Jien inwegħidkom li, hekk kif kuljum intom tistudjaw b’ attenzjoni mill-Ktieb ta’ Mormon, intom tiksbu l-protezzjoni kontra l-ħażen ta’ żmienna, saħansitra kontra l-pesta qerrieda tal-pornografija u vizzji oħra li jeqirdulna s-sensittività spiritwali tagħna.

Kull meta nisma’ lil xi ħadd, inkluż lili nnifsi, jgħid, “Jiena naf li l-Ktieb ta’ Mormon hu veru,” inkun nixtieq niddikjara, “Ħaġa sabiħa, iżda dan mhux biżżejjed!” Jeħtieġ li aħna nħossu, fil- “profondità” ta’ qalbna,12 li l-Ktieb ta’ Mormon hu b’ mod assolut il-kelma ta’ Alla. Aħna għandna nħossu dan b’ tant qawwa li lanqas jum wieħed biss ma nkunu rridu ngħixu mingħajru. Se nipparafraża lill-President Brigham Young li qal, “Nixtieq għandi sebat ilħna qawwija daqs ir-ragħad biex inkun nista’ nqajjem lil dan il-poplu”13 għall-verità u l-qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon.

Jeħtieġ li nkunu bħal dak il-missjunarju żagħżugħ li kien qed iservi fl-Ewropa li tant ħass b’ qawwa ġo fih il-verità tal-Ktieb ta’ Mormon li hu letteralment mar jiġri ġewwa park b’ dan ir-reġistru sagru f’ idejh fuq raġel li hu u sieħbu kienu għadhom kif iltaqgħu miegħu.

Immaġni
Missjunarju jiġri

Jiena nixhed li Joseph Smith kien u għadu il- profeta ta’ din l-aħħar dispensazzjoni. Kien hu li, permezz tad-don u l-qawwa ta’ Alla, ittraduċa dan il-ktieb sagru. Dan hu il- ktieb li se jgħin iħejji d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa letteralment l-Iben il-ħaj ta’ Alla l-ħaj. Huwa s-Salvatur tagħna, il-Feddej tagħna, l-Eżemplar il-kbir tagħna u l-Avukat tagħna mal-Missier. Huwa l-Messija mwiegħed, il-Messija mortali, u se jkun il-Messija millenjali. Jiena nixhed b’ ruħi kollha li b’ mod mill-aktar mirakoluż u uniku, il-Ktieb ta’ Mormon jgħallimna dwar Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu.

Jiena naf li l-President Thomas S. Monson huwa l-profeta ta’ Alla fid-dinja llum. Jiena nħobbu u nsostnih b’ qalbi kollha. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Il-Listi mill-Ktieb ta’ Mormon tal-President Nelson.

Il-Ktieb ta’ Mormon hu:

  • Testment ieħor ta’ Ġesù Kristu. Il-kittieba ewlenin tiegħu—Nefi, Ġakobb, Mormon, Moroni—u t-traduttur tiegħu, Joseph Smith, kienu kollha xhieda tal-Mulej.

  • Reġistru tal-ministeru Tiegħu lil poplu li għex fl-Amerka tal-qedem.

  • Huwa veru, kif ġie ddikjarat mill-Mulej Innifsu.

Il-Ktieb ta’ Mormon jafferma:

  • L-identità individwali ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu.

  • Il-bżonn tal-Waqgħa ta’ Adam u l-għerf ta’ Eva, li l-bnedmin kollha jistgħu jkunu ferħanin.

Il-Ktieb ta’ Mormon jirrifjuta ċerti kunċetti li:

  • Ir-rivelazzjoni ġiet fit-tmiemha mal-Bibbja.

  • It-trabi jeħtieġ li jitgħammdu.

  • Il-ferħ nistgħu nsibuh fil-ħażen.

  • It-tjubija individwali hija biżżejjed għall-eżaltazzjoni (hemm bżonn ukoll ta’ ordinanzi u l-patti).

  • Il-Waqgħa ta’ Adam tebbgħet lill-umanità bid-”dnub oriġinali.”

Il-Ktieb ta’ Mormon iġib fis-seħħ profeziji bibbliċi li:

  • “Nagħaġ oħra” se jisimgħu leħnu.

  • Alla se jwettaq “ħidma meraviljuża u li tgħaġġbek,” li se titkellem “mit-trab.”

  • Il-“ħatar ta’ Ġuda” u l-“ħatar ta’ Ġużeppi” se jsiru ħaġa waħda.

  • It-tribujiet mitlufin ta’ Iżrael se jinġabru flimkien “fl-aħħar jiem” u dan kif se jiġi fis-seħħ.

  • L-art tal-wirt għan-nisel ta’ Ġużeppi hi l-Emisfera tal-Punent.

Il-Ktieb ta’ Mormon jikkjarifika ċertu għarfien dwar:

  • L-eżistenza primortali tagħna.

  • Il-mewt. Huwa komponent neċessarju tal-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Alla.

  • L-eżistenza primortali, li tibda fil-ġenna.

  • Kif il-qawmien mill-imwiet tal-ġisem, li jerġa’ jingħaqad mal-ispirtu tiegħu, isir ruħ immortali.

  • Kif il-ġudizzju tagħna mill-Mulej se jsir skont l-għemejjel tagħna u x-xewqat ta’ qalbna.

  • Kif għandhom jitwettqu b’ mod xieraq l-ordinanzi: per eżempju, magħmudija, sagrament, l-għotja tal-Ispirtu s-Santu.

  • L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

  • Ir-Reżurezzjoni.

  • L-irwol importanti tal-anġli.

  • In-natura eterna tas-saċerdozju.

  • Kif l-imġieba umana tiġi influwenzata ferm aktar mill-qawwa tal-kelma milli mill-qawwa tax-xabla.

Il-Ktieb ta’ Mormon jiżvelalna informazzjoni li ma kenitx magħrufa qabel:

  • Il-magħmudijiet ilhom jitwettqu minn qabel ma twieled Ġesù Kristu.

  • It-tempji kienu jinbnew u jintużaw min-nies fl-Amerka tal-qedem.

  • Ġużeppi, il-11-il wieħed fost l-ulied subien ta’ Iżrael, bassar l-irwol profetiku ta’ Joseph Smith.

  • Nefi (fis-snin 600–592 Q.K.) bassar l-iskoperta u l-kolonizzazzjoni tal-Amerka.

  • Intiflu partijiet sempliċi u prezzjużi mill-Bibbja.

  • Id-Dawl ta’ Kristu hu mogħti lil kull bniedem.

  • L-importanza tal-għażla ħielsa individwali u l-bżonn ta’ oppożizzjoni f’ kollox.

  • Twissijiet dwar “kumbinazzjonijiet sigrieti.”