2010-2019
Veritajiet Essenzjali—Il-Bżonn Tagħna li Naġixxu
Ottubru 2017


Veritajiet Essenzjali—Il-Bżonn Tagħna li Naġixxu

L-Ewwel Viżjoni u l-Profeta Joseph Smith ġabu fid-dinja għarfien u verità li huma essenzjali kemm għall-ferħ tagħna f’ din il-ħajja kif ukoll għall-eżaltazzjoni tagħna.

Meta jiena kien għad kelli xi seba’ snin, kont staqsejt lil ommi, “Allura meta jien u int immutu u mmorru fis-smewwiet, inti xorta waħda se tibqa’ ommi?” Hija ma kenitx qed tistenna mistoqsija bħal din. Iżda filwaqt li hija weġbitni bl-aħjar mod li kienet taf, qaltli, “Le, fis-sema aħna se nkunu aħwa. Jien mhux se nkun aktar ommok.” Din ma kenitx it-tweġiba li jiena kont qed nistenna.

Ftit żmien wara dik il-konverżazzjoni qasira, fil-bieb tad-dar tagħna tfaċċaw żewġ ġuvintur żgħażagħ. Kien pjuttost miraklu li missieri daħħalhom ġewwa. Huma qalulu li kienu missjunarji mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.

Dawn il-presbiteri, kif insejħulhom aħna, bdew jgħallmu lill-familja tagħna. Jiena niftakar b’ ċarezza l-ferħ u l-eċċitament li aħna konna nħossu kull darba li huma kienu jiġu d-dar tagħna. Huma kienu qalulna li wieħed żagħżugħ kien mar ġewwa bosk u staqsa lil Alla liema knisja kienet vera u li huwa kien ra lil Alla u lil Ġesù Kristu.1 Il-presbiteri wrewna stampa ta’ dik il-viżjoni, u hekk kif rajtha, jiena ħassejt li Joseph Smith kien fil-fatt ra lil Alla l-Missier u lil Ġesù Kristu. Il-missjunarji qalu li grazzi għal din il-viżjoni, il-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu reġgħet tinsab fid-dinja.2

Immaġni
L-Ewwel Viżjoni

Il-missjunarji għallmuna wkoll il-pjan ta’ ferħ ta’ Alla u wieġbu l-mistoqsijiet li l-familja tagħna kellha dwar ir-reliġjon. Huma għallmuna li l-familji verament setgħu jerġgħu jkunu flimkien wara din il-ħajja bħala missier, omm u wlied, subien u bniet.

Aħna tgħammidna lkoll bħala familja. Il-mixja tagħna li fiha kellna nibdlu d-drawwiet antiki tagħna, inwarrbu ċerti tradizzjonijiet li kellna, u nsiru membri attivi tal-Knisja, mhux dejjem kienet waħda faċli. Iżda grazzi għall-ħniena u l-imħabba ta’ Alla u l-għajnuna ta’ ħafna mexxejja u membri, aħna rnexxielna nibqgħu sodi f’ dawk l-ewwel snin ta’ sfida.

Miljuni ta’ nies li huma diġà membri tal-Knisja, kif ukoll il-ħafna oħrajn li kull ġimgħa qed jikkonvertu u jitgħammdu, kisbu testimonjanza tal-Ewwel Viżjoni. L-Ispirtu s-Santu jista’ jerġa’ juri lil kull wieħed u waħda minna din l-istess xhieda hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu l-veritajiet sempliċi tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

L-Ewwel Viżjoni u l-Profeta Joseph Smith ġabu fid-dinja aktar għarfien u verità li huma tant essenzjali għall-ferħ tagħna f’ din il-ħajja kif ukoll għall-eżaltazzjoni tagħna fil-preżenza ta’ Alla. Jiena se nsemmi tlieta minn dawn il-veritajiet li aħna ksibna u li għandna naġixxu dwarhom minħabba li ġuvni żagħżugħ niżel għarkupptejh biex jitlob b’ sinċerità.

Alla Jsejjaħ lill-Profeti biex Imexxuna u Jiggidawna

Verità essenzjali li aħna nitgħallmu mill-Ewwel Viżjoni u mill-Profeta Joseph Smith hi li Alla jsejjaħ nies bħala profeti,3 bassara, u rivelaturi biex jgħallmuna, jiggwidawna, iwiddbuna u jmexxuna.4 Dawn l-irġiel huma l-portavoċe ta’ Alla fid-dinja,5 bl-awtorità li jitkellmu u jaġixxu f’ isem il-Mulej.6 Jekk aħna nimxu b’ mod strett wara l-kunsill tagħhom, aħna nkunu protetti u nirċievu barkiet speċjali fil-vjaġġ tagħna f’ din id-dinja.

Meta jiena kont qed nistudja fl-Università ta’ Brigham Young, meta kont għadni żagħżugħ mhux miżżewweġ, għadni kif ġejt lura minn missjoni, jiena attendejt sezzjoni tas-saċerdozju tal-konferenza ġenerali fit-Tabernaklu ġewwa l-Pjazza tat-Tempju. Il-President Ezra Taft Benson, li dak iż-żmien kien il-President tal-Knisja, talab bil-ħerqa lil kull min kien għadu kif serva missjoni biex jieħu ż-żwieġ bis-serjetà u jara li jagħtih priorità f’ ħajtu.7 Wara din is-sezzjoni, jiena kont naf li jien kont ġejt mitlub biex nindem u li kelli naġixxi skont il-kunsill tal-profeta.

B’hekk, jiena ddeċidejt li mmur lura f’ pajjiżi, il-Brażil, u hemm insib mara biex niżżewwiġha. Qabel tlaqt lejn il-Brażil fuq apprendistat ta’ xahrejn, ċempilt lil ommi u lil ħbieb tiegħi u flimkien għamilna lista ta’ xi 10 tfajliet—li lkoll kemm huma kellhom il-potenzjali li setgħu jkunu l-mara tiegħi.

Kif kont il-Brażil, wara li għamilt ħafna ħin nixtarr u nitlob, jiena ltqajt, ħriġt u tgħarrast waħda mit-tfajliet li kien hemm fil-lista u t-tnejn li aħna fassalna data biex fiha niżżewġu. Żgur ma kontx ksirt ir-rekord ta’ kemm wieħed innamra u tgħarras malajr fost l-istudenti ġewwa Provo, f’ Utah, iżda għall-Brażil dan kien żmien veru qasir.

Ftit xhur wara, jiena żżewwiġt lil Elaine. Hija l-imħabba ta’ ħajti u l-ogħla barka fost kull barka li jien ksibt.

Jiena mhux qed nissuġġerixxi li kulħadd għandu jagħmel lista kif għamilt jien, iżda jien qed nissuġġerixxi—anzi aktar milli nissuġġerixxi—li kull meta jitkellmu l-profeti ħajjin tagħna, aħna għandna naġixxu dejjem.

Immaġni
Ritratt tal-President Thomas S. Monson

Il-profeta ta’ Alla llum huwa l-President Thomas S. Monson, u jekk aħna nimxu wara l-kunsill tiegħu b’ eżattezza aħna nkunu mberkin.

L-Għarfien tan-Natura Vera ta’ Alla

Verità oħra li aħna nitgħallmu mill-Ewwel Viżjoni u mill-Profeta Joseph Smith hija n-natura vera ta’ Alla. Immaġinaw ftit kemm aħna verament imberkin li nafu li Alla huwa esseru b’ ġisem tad-demm u l-għadam, tanġibbli daqs tagħna,8 li aħna nistgħu nqimu Alla li hu reali, li lilu nistgħu nifhmu, u li Huwa wera u żvela lilu nnifsu u lil Ibnu lill-profeti Tiegħu—kemm lill-profeti tal-qedem kif ukoll lill-profeti ta’ dawn l-aħħar jiem.9 Huwa Alla li jisma’ u jwieġeb it-talb tagħna;10 Alla li jinsab iħarisna mis-smewwiet11 u li l-ħin kollu jimpurtah mill-benesseri spiritwali u temporali tagħna; Alla li jagħtina l-għażla ħielsa tagħna biex inkunu aħna stess li niddeċiedu li rridu nimxu warajh u nobdu l-kmandamenti Tiegħu mingħajr ma jisforzana ħadd;12 Alla li jberikna u jagħtina ċ-ċans li niffaċċjaw ċerti sfidi ħalli aħna nkunu nistgħu nikbru u nsiru bħalu.

Huwa Alla li tant iħobbna li pprovdielna pjan li permezz tiegħu aħna nistgħu ngawdu l-ferħ f’ din il-ħajja u fl-eternità.

Ġesù Kristu Huwa s-Salvatur Tagħna.

Mill-Ewwel Viżjoni u mill-Profeta Joseph Smith, aħna rċevejna l-għarfien tar-realtà u l-missjoni sagra tal-Mulej Ġesù Kristu, li huwa l-ġebla tax-xewka tar-reliġjon tagħna.

Peress li l-mewt ġiet introdotta fid-dinja, daqs kemm aħna ċerti li qed ngħixu bħalissa, daqshekk aħna ċerti li xi darba se mmutu. Wieħed mill-effetti permanenti tal-mewt se jkun it-telfien permanenti tal-ġisem fiżiku tagħna; m’hemm xejn li se nkunu kapaċi nagħmlu biex inġibuh lura. Barra minn hekk, peress li fil-vjaġġ tagħna hawn fid-dinja aħna lkoll nidinbu, aħna qatt ma nistgħu nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Tistgħu qatt timmaġinaw il-konsegwenzi li niġu mċaħħdin għal dejjem il-preżenza ta’ Alla u li qatt aktar ma jista’ jerġa’ jkollna ġisem?

Kien hemm bżonn ta’ Salvatur u Feddej biex jeħlisna mill-mewt u d-dnub. Taħt id-direzzjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet, Ġesù Kristu ġie fid-dinja, sofra, miet fuq is-salib, u qam mill-imwiet ħalli aħna wkoll inkunu nistgħu nqumu u, permezz tal-indiema sinċiera u billi nagħmlu u nżommu ċerti patti sagri, aħna, għal darb’oħra, nkunu nistgħu nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla.

Ġakobb spjega, “O kemm hi kbira t-tjubija ta’ Alla tagħna, li ħejja mod kif aħna nistgħu neħilsu mill-ħakma ta’ dan il-mostru terribbli; iva, dak il-mostru, il-mewt u l-infern, li jiena nsejjaħlu l-mewt tal-ġisem, u wkoll il-mewt tal-ispirtu.”13

Immaġni
Ġesù u Marija ħdejn il-qabar

Ġesù huwa l-Messija mwiegħed, Dak li jagħmel il-liġi, il-Qaddis ta’ Israel, il-Mulej tagħna, is-Salvatur tagħna, il-Feddej tagħna, is-Sultan tagħna, u Kollox għalina.

Jalla aħna nkomplu naġixxu skont dawn il-veritajiet u dan l-għarfien essenzjali, u noffru l-ubbidjenza tagħna lil Alla u lil Ibnu l-Għażiż. F’ isem Ġesù Kristu, amen.