2010-2019
Inħobbu lil Xulxin kif Ħabbna Hu
Ottubru 2017


Inħobbu lil Xulxin kif Ħabbna Hu

Hekk kif aħna naqdu u naħfru lil xulxin b’ imħabba vera, aħna nistgħu nitfejqu u niksbu l-qawwa li biha negħlbu l-isfidi tagħna.

Waqt l-Aħħar Ikla, is-Salvatur ta lid-dixxipli Tiegħu kmandament ġdid, meta qalilhom:

“Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”1

Id-dixxipli tas-Salvatur ġew mogħtija kmandament ġdid biex jagħmlu xi ħaġa aktar milli kienu qed jagħmlu, xi ħaġa akbar milli kienu qed jagħmlu u xi ħaġa aktar divina milli kienu qed jagħmlu. Nistgħu nispjegaw dan il-kmandament ġdid u din l-istedina fi ftit kliem permezz tal-frażi ewlenija “bħalma ħabbejtkom jien.”

L-Imħabba hija Azzjoni; l-Imħabba hija Servizz

“L-imħabba hija sentiment ta’ devozzjoni u affezzjoni mill-aktar profonda. L-akbar eżempju tal-imħabba ta’ Alla għal uliedu nsibuh fl-Att tal-Fidwa infinit ta’ Ġesù Kristu.”2 “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja,” kiteb Ġwanni, “li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”3 “L-imħabba lejn Alla u lejn għajrna hija karatteristika tad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu.”4

Xi snin ilu, meta n-neputi l-kbir tagħna, Jose, kien għad għandu 4 snin, kien qed jilgħab flimkien ma’ marti. Hekk kif huma bdew jidħqu u jieħdu gost flimkien, in-neputi tagħna staqsieha, “Nanna, inti tħobbni?”

Hija weġbitu, “Iva, Jose, jiena nħobbok.”

Imbagħad staqsieha mistoqsija oħra: “Inti kif taf li inti tħobbni?”

Hi spjegatlu kif hija kienet tħossha u qaltlu wkoll x’ kienet għamlet u x’ kienet lesta tagħmel għalih.

Aktar tard marti staqsiet lil Jose l-istess mistoqsijiet, fosthom din il-mistoqsija penetranti: “Inti kif taf li inti tħobbni?”

Permezz ta’ tweġiba innoċenti iżda sinċiera tiegħu, huwa qal, “Jiena nħobbok għaliex hekk inħoss ġewwa qalbi.” L-imġieba kollha mħabba li Jose dak inhar u dejjem wera lejn nanntu, kienet turi li l-imħabba hija fil-fatt sensiela ta’ għemejjel u sentimenti mill-aktar profondi.

Is-Sultan Benjamin għallem, “Araw, jiena ngħidilkom dan kollu sabiex tiksbu l-għerf; sabiex tkunu tafu li meta intom tkunu qed taqdu lil għajrkom intom fil-fatt tkunu qed taqdu lil Alla tagħkom.”5

Fid-dinja tal-lum, mimlija b’ tant sofferenza minħabba diversi ċirkustanzi, li tibgħat ċerti messaġġ b’ xi simbolu umoristiku fihom jew b’ xi stampa sabiħa bil-kliem “inħobbok” hija ħaġa tajba u prezzjuża. Iżda dak li ħafna minna jeħtieġ li nagħmlu hu li nħallu l-mowbajl warajna għal ftit ħin u, permezz ta’ jdejna u riġlejna, ngħinu lil ħaddieħor li jinsab verament fil-bżonn. L-imħabba mingħajr servizz hija bħall-fidi mingħajr l-għemejjel; tkun fil-fatt mejta.

L-Imħabba hija Maħfra

L-imħabba pura ta’ Kristu, li hija l-karità,6 mhux biss tispirana biex naġixxu u nipprovdu servizz iżda wkoll biex ikollna s-saħħa li naħfru, tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Ippermettuli naqsam magħkom esperjenza li ħalliet impatt kbir fuqi u bidlitli ħajti. Ted u Sharon, il-ġenituri ta’ Cooper, li jinsabu hawn magħna llum, tawni permess biex jien naqsam magħkom dak li għaddiet minnu l-familja tagħhom aktar minn disa’ snin ilu. Se nirrakkonta l-esperjenza mill-perspettiva ta’ Ted, missier Cooper:

Il-21 ta’ Awissu, 2008, kien l-ewwel jum tal-iskola, u t-tliet aħwa subien ta’ Cooper, li kienu akbar minnu, Ivan, Garrett u Logan, kienu jinsabu lkoll fuq stejġ jistennew il-karozzi tal-linja. Cooper, li kellu erba’ snin, kien qed isuq ir-rota tiegħu; marti Sharon, kienet qed timxi.

Marti kienet tinsab fuq in-naħa l-oħra tat-triq u għamlet sinjal lil Cooper biex huwa jaqsam. Fl-istess ħin, feġġet karozza li kisret bil-mod min-naħa tax-xellug u spiċċat xeħtet lil Cooper mal-art.

Jiena rċevejt telefonata minn wieħed mill-ġirien fejn qalli li Cooper kienet laqtitu karozza. Jiena soqt malajr sa ħdejn l-istejġ biex nara x’kien ġralu. Cooper kien jinsab mixħut fuq il-ħaxix, bilkemm jista’ jieħu nifs, iżda ma kien jidher li kellu l-ebda korriment.

Jiena nżilt għarkupptejja ħdejn Cooper u għedtlu ċertu affarijiet biex nagħmillu kuraġġ bħal “Kollox se jkun sew. Tibżax.” F’ dak il-mument feġġ quddiemi l-mexxej tiegħi tal-grupp tal-qassisin il-kbar, Nathan, flimkien ma’ martu. Hija ssuġġeriet li lil Cooper nagħtuh barka saċerdotali. Aħna poġġejna jdejna fuq ras Cooper. Ma niftakarx sew x’ kont għedt fil-barka, iżda niftakar b’ mod ċar li ħassejt li kien hemm preżenza ta’ nies oħra madwarna, u kien f’ dak il-mument li ndunajt li Cooper kien se jħalli din il-ħajja.

Cooper ittieħed l-isptar bil-ħelikopter iżda, fil-fatt, huma miet. Jiena ħassejt li Missierna tas-Smewwiet kien qed jgħidli li issa jiena ma kontx għadni aktar responsabbli minn Cooper u issa kien qed jieħu ħsiebu Hu.

Aħna ġejna mogħtija ċ-ċans biex inqattgħu ftit ħin ma’ Cooper fl-isptar. Il-ħaddiema li kien hemm ħdejh ippreparawh biex aħna nkunu nistgħu nħaddnuh ftit ieħor magħna u nagħtuh l-aħħar tislima u tawna ċ-ċans li nqattgħu kemm irridu ħin miegħu, biex inkunu nistgħu nħaddnuh magħna kemm xtaqna.

Fi triqitna lura lejn id-dar, jien u marti, li d-dulur tagħha kien mill-aktar evidenti, ħarisna lejn xulxin u bdejna nitkellmu dwar it-tfajjel li kien qed isuq il-karozza. Ma konniex nafuh, avolja kien joqgħod triq biss ‘il bogħod minna u kien fl-inħawi li jagħmlu parti mill-qasam tagħna.

L-għada kien għalina jum mill-aktar diffiċli hekk kif aħna letteralment inħkimna minn niket kbir. Jiena nżilt għarkupptejja u tlabt l-aktar talba sinċiera li qatt lissint f’ ħajti. Jiena tlabt lil Missierna tas-Smewwiet f’ isem is-Salvatur tiegħi biex jeħlisni min-niket tant qawwi li kont qed inħoss. Huwa hekk għamel.

Aktar tard wieħed mill-kunsillieri fil-presidenza tal-wited tagħna għamel arranġamenti biex aħna niltaqgħu ma’ dan iż-żagħżugħ—is-sewwieq tal-karozza—u l-ġenituri tiegħu fid-dar tal-kunsillier. Sharon u jiena qgħadna nistennew lit-tfajjel u lill-ġenituri tiegħu jaslu. Meta nfetaħ il-bieb, aħna ltqajna magħhom għall-ewwel darba. B’ leħen sieket l-isqof tiegħi qalli f’ widnejja, “Mur fuqu.” Sharon u jien ħaddannieh magħna f’ tgħannieqa kbira bejnietna. Aħna bkejna flimkien għal ħin li deher twil mhux ħażin. Aħna għidnielu li aħna konna nafu li dak li kien ġara kien fil-veru sens tal-kelma aċċident.

Kienet ħaġa mill-aktar mirakoluża għal Sharon u għalija, li dak inhar it-tnejn li aħna ħassejniena b’ dak il-mod, kif fil-fatt għadna nħossuna llum. Permezz tal-grazzja ta’ Alla, aħna konna kapaċi nieħdu t-triq il-kbira, it-triq ovvja, li hi l-unika triq u nuru mħabbitna lejn dan iż-żagħżugħ twajjeb.

Maż-żmien aħna sirna ħbieb kbar kemm miegħu kif ukoll tal-familja tiegħu. Huwa qasam magħna l-aktar mumenti prezzjużi ta’ ħajtu. Aħna, saħansitra, anke morna miegħu t-tempju hekk kif huwa kien qed jitħejja għall-missjoni tiegħu.7

Ħuti, Ted jaf mingħajr ebda dubju li Missierna tas-Smewwiet iħobbna verament. Huwa jaf li tkun kapaċi taħfer, u li teħles mit-tagħbija li tista’ tkun qed iġġorr, hija ħaġa ħelwa daqs il-ħlewwa li tħoss meta tikseb il-maħfra. Din il-ħlewwa nistgħu niksbuha jekk aħna nimxu wara l-eżempju tal-akbar Eżemplar li aħna għandna. Dan hu dak li fil-Ktieb ta’ Mormon Alma ddikjara dwar is-Salvatur, “U hu għandu jmur, isofri kull tip ta’ wġigħ, tbatija u tentazzjoni; u dan sabiex iseħħ dak li hemm miktub li jgħid li hu se jieħu fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu.”8

Ħuti, xi storja meraviljuża dwar il-vera mħabba u maħfra. Aħna, bl-istess mod, nistgħu niksbu l-ferħ u l-hena hekk kfi aħna nservu u naħfru lil xulxin. Georgy, wieħed min-neputijiet tagħna, ta’ spiss jgħid, “Aħna x’ tip ta’ familja aħna?” U huwa jwieġeb, “Aħna familja kuntenta!”

Il-President Thomas S. Monson tana l-kunsill tiegħu meta qal, “Ejjew neżaminaw ħajjitna u niddeterminaw li nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur billi nkunu mimljin tjubija, imħabba u karità.”9

Jiena naf li Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, iħobbuna u huma lesti li jgħinuna naġixxu hekk kif aħna nħobbu lil xulxin kif Ħabbewna Huma. U jiena naf li hekk kif aħna naqdu u naħfru lil xulxin b’ imħabba vera, aħna nistgħu nitfiequ u niksbu l-qawwa li negħlbu l-isfidi tagħna. U jiena niddikjara dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.