2010-2019
Il-Qalb tal-Armla
Ottubru 2017


Il-Qalb tal-Armla

Ejjew nagħmlu dak li hu neċessarju biex qalbna tkun tixbah lil qalb l-armla, fejn verament nifirħu fil-barkiet li jissodisfaw “il-bżonnijiet” tagħna.

Jien verament inħossni grat li kelli l-barka li ngħaddi l-parti l-kbira tal-ħajja adulta tiegħi nservi fost il-Qaddisin tal-Paċifiku. Il-fidi, l-imħabba u s-sagrifiċċji enormi ta’ dawn il-Qaddisin mill-aktar devoti jimlewni bl-ispirazzjoni, bil-gratitudni u bil-ferħ. L-istejjer tagħhom jixbhu lil tagħkom.

Għalija dawn il-Qaddisin jixbhu ħafna lill-armla li s-Salvatur osserva hekk kif Huwa kien “qiegħed … iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna.

“Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar. …

“Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom, Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor.

“Għax … kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”1

Avolja l-biċċtejn żgħar tagħha kienu jammontaw għal ftit li xejn, għas-Salvatur l-għotja tagħha kienet ta’ valur mill-aktar kbir, għaliex hija kienet tat kollox. F’ dak il-mument, is-Salvatur għaraf verament lil din l-armla, għaliex l-għotja tagħha kienet tirrifletti qalbha. Il-kwalità u l-profondità ta’ mħabbitha u tal-fidi tagħha kienu tant qawwija li hija tat dak li tat għaliex kienet taf li dak kollu li kienet “teħtieġ” kien se jiġi mogħti lilha.

Dawn l-istess kwalitajiet jien rajthom f’ qalb il-Qaddisin tal-Paċifiku. F’ raħal żgħir f’ waħda minn dawn il-gżejjer, wieħed raġel anzjan u martu aċċettaw l-istedina tal-missjunarji u talbu b’ sinċerità lill-Mulej biex ikunu jafu jekk il-lezzjonijiet li huma kienu qed jiġu mgħallmin kinux veru. F’ dan il-proċess, huma kkunsidraw ukoll il-konsegwenzi tal-impenn li kien jeħtieġ li huma jagħmlu jekk it-tweġiba li jirċievu kienet twassalhom biex huma jaċċettaw l-evanġelju rrestawrat. Huma bdew isumu u jitolbu biex isiru jafu jekk il-Knisja u l-Ktieb ta’ Mormon humiex vera. Huma rċevew tweġiba għal talbhom permezz ta’ konferma mill-aktar ħelwa iżda ċara: “Iva! Huwa veru!”

Wara li rċevew din ix-xhieda, huma għażlu li jitgħammdu. Din ma kenitx xi għażla li għaliha ma kellhom bżonn jissagrifikaw xejn. Id-deċiżjoni u l-magħmudija tagħhom kellhom iħallsu prezz għoli għalihom. Huma tilfu l-impjieg, huma ssagrifikaw il-pożizzjoni soċjali tagħhom, tilfu ċerti ħbiberiji li kellhom qabel, kif ukoll tilfu wkoll is-sapport, l-imħabba u r-rispett tal-membri tal-familja tagħhom. Issa kull nhar ta’ Ħadd bdew jimxu lejn il-knisja, b’ ħafna ħars bl-ikrah mill-ħbieb u l-ġirien tagħhom li jkunu għaddejin minn ħdejhom.

F’ dawn iċ-ċirkustanzi mill-aktar diffiċli, dan ir-raġel mill-aktar twajjeb ġie mistoqsi kif huwa kien iħossu bid-deċiżjoni li huma kienu ħadu li jingħaqdu mal-Knisja. It-tweġiba sempliċi u determinanti tiegħu kienet “Hija vera, mhux hekk? L-għażla tagħna kienet waħda ċara.”

Dawn iż-żewġ Qaddisin, li ma tantx ilhomx wisq li kkonvertew, kellhom qalbhom tixbah verament lil tal-armla. Huma, bħall-armla, “taw dak kollu” li setgħu jagħtu, minn jeddhom taw mill- “bżonn” tagħhom. B’ riżultat tal-qalb li temmen u tal-fidi dejjiema tagħhom f’ dawk iż-żminijiet diffiċli, it-tagħbija tagħhom ħfiefet. Huma ġew mgħejuna u mdawrin b’ membri tal-Knisja li verament għenuhom u ssapportjawhom, u huma spiċċaw biex tqawwew personalment permezz tas-servizz tagħhom fis-sejħiet tal-Knisja.

Wara li taw “kulma kellhom,” l-aktar jum importanti għalihom wasal meta huma ġew issiġillati fit-tempju bħala familja eterna. L-istess kif għamel man-nies li kkonvertew fi żmien it-tmexxija ta’ Alma, “il-Mulej tahom aktar saħħa sabiex huma jkunu jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom mingħajr wisq diffikultà, u huma ssommettew ruħhom b’ ferħ u b’ tant paċenzja għar-rieda tal-Mulej.”2 U hu għalhekk li qalb l-armla nistgħu narawha f’ din il-koppji meraviljuża.

Ippermettuli nitkellem ftit dwar esperjenza oħra li fiha nistgħu verament naraw qalb l-armla. Ġewwa s-Samoa, aħna ħdimna flimkien mal-kunsilli tar-raħal biex il-missjunarji jkollhom permess jippridkaw l-evanġelju. Ftit tas-snin ilu, jiena kelli konverżazzjoni ma’ wieħed mill-kapijiet ta’ raħal fejn għal snin twal kien ipprojbit li fih ikun hemm il-missjunarji. Il-konverżazzjoni tiegħi seħħet biss ftit wara li l-kap il-kbir qabel li l-Knisja tista’ tibda topera hemmhekk, fejn ta l-permess lill-missjunarji tagħna biex huma jkunu jistgħu jgħallmu lil dawk interessati li jitgħallmu dwar l-evanġelju u d-duttrina tiegħu.

Biex f’ daqqa waħda, wara tant snin, seħħew daqstant avvenimenti mirakolużi, jien kelli l-kurżità nsir naf sewwasew x’ ġara li wassal li l-kap il-kbir jieħu din id-deċiżjoni. Jiena staqsejt dan lill-kap li kont qed nitkellem miegħu, u hu weġibni, “Bniedem jista’ għal xi żmien jgħix fid-dlam, iżda jasal il-jum li fih huwa jkun jixtieq jidħol fejn hemm id-dawl.”

Il-kap il-kbir, meta ta l-permess biex l-evanġelju jiġi mgħallem fir-raħal tiegħu, wera li qalbu tixbah lil tal-armla—qalb li tirtab meta ż-żelu u d-dawl tal-verità jiġu żvelati. Dan il-mexxej kien lest li jmur kontra t-tradizzjoni, jiffaċċja oppożizzjoni kbira u jieqaf sod sabiex oħrajn ikunu jistgħu jitbierku. Dan kien mexxej li qalbu kienet iffokata fuq il-ġid u l-hena tal-poplu tiegħu, minflok fuq il-konsiderazzjoni tat-tradizzjoni, tal-kultura u tal-qawwa personali. Minkejja dan kollu, dak li għamel għamlu f’ armonija ma’ dak li għallimna l-President Thomas S. Monson: “Hekk kif aħna nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur, aħna jkollna l-opportunità li nkunu ta’ dawl fil-ħajja tal-oħrajn.”3

Finalment, ippermettuli naqsam magħkom esperjenza oħra li jien kelli fost il-Qaddisin tal-Paċifiku li baqgħet verament spiritwalment minquxa fil-qiegħ ta’ qalbi. Xi snin ilu, jiena kont qed inservi bħala kunsillier żagħżugħ għal isqof f’ qasam ġdid ġewwa l-Amerikan Samoa. Id-99 membru li kellna kienu jikkonsistu fi bdiewa li kienu jipproduċu b’ kemm isostnu l-familji tagħhom, ħaddiema li jippreservaw l-ikel, impjegati tal-gvern u l-familji tagħhom. Meta fl-1977 l-Ewwel Presidenza ħabbret li kien se jinbena tempju ġewwa s-Samoa, ilkoll kemm aħna fraħna fuq li fraħna u ħassejna ġewwa fina gratitudni kbira. F’ dawk iż-żminijiet, biex tmur it-tempju mill-Amerikan Samoa kien jeħtieġ li tivvjaġġa jew sal-Hawaii jew sa New Zealand. Dan kien vjaġġ jiswa ħafna flus li ħafna mill-membri fidili tal-Knisja ma kinux jaffordjawh.

F’ dawk iż-żminijiet, il-membri kienu mħeġġin jikkontribwixxu fil-fondi tal-bini ħalli jassistu fil-kostruzzjoni tat-tempji. Fl-ispirtu ta’ dan, bħala membri tal-veskovat aħna tlabna lill-membri tal-qasam biex bl-għajnuna tat-talb huma jikkunsidraw x’ setgħu joffru. Ġiet imfassla data li fiha l-familji kellhom jinġabru flimkien biex joffru d-donazzjonijiet tagħhom. Aktar tard, hekk kif dawn id-donazzjonijiet ġew miftuħin fil-privat, aħna, bħala membri fil-veskovat, ħassejna rwieħna verament kommossi bil-fidi u l-ġenerożità tal-membri tant meraviljużi tal-qasam tagħna.

Peress li jiena kont naf lil kull familja u ċ-ċirkustanzi li kienet fihom, jiena ħassejt fija sens qawwi u profond ta’ meravilja, rispett u umiltà. Dawk kienu, fil-veru sens tal-kelma, eżempju tal-għotja żgħira tal-armla, fejn huma taw “dak kollu li kellhom” b’ ferħ fil-barkiet imwiegħda li fis-Samoa kien se jinbena tempju mqaddes tal-Mulej. Dawn il-familji kkonsagraw dak kollu li setgħu jagħtu lill-Mulej, bil-fidi li huma ma kinux se jkunu neqsin minn dak li kienu jeħtieġu. L-għotja tagħhom kienet tixbah lill-qalb tal-armla. Kull min ta għamel dan minn jeddu u b’ ferħ għaliex qalb l-armla li kien hemm fihom setgħet tagħraf permezz tal-għajn tal-fidi l-barkiet mill-aktar kbar li kien hemm lesti għall-familji tagħhom, u għan-nies kollha tas-Samoa u tal-Amerikan Samoa u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom. Jiena naf li l-Mulej kien konxju tal-għotja tagħhom u aċċetta l-offerta kkonsagrata tagħhom, l-għotja żgħira tal-armla.

Il-qalb tal-armla li tat il-biċċtejn żgħar tagħha hija qalb li tagħti kull m’għandha billi tagħmel is-sagrifiċċju; billi tgħaddi mit-tbatija, mill-persekuzzjoni u l-abbandun; u billi jkollha ġġorr kull tip ta’ tagħbija. Il-qalb tal-armla hija qalb li tħoss u tagħraf id-dawl tal-verità u lesta tagħti dak kollu li għandha biex tħaddan il-verità. Tgħin ukoll lil ħaddieħor jara dan l-istess dawl u jasal biex huwa wkoll jagħraf l-hena u l-ferħ ta’ dejjem. Finalment, il-qalb tal-armla nistgħu niddeskrivuha wkoll bħala dispożizzjoni li aħna noffru dak kollu li għandna għall-bini tas-saltna ta’ Alla fid-dinja.

Ejjew, bħala Qaddisin minn madwar id-dinja, ningħaqdu u nagħmlu dak kollu neċessarju biex aħna wkoll ikollna qalb tixbah lil tal-armla, fejn aħna verament nifirħu fil-barkiet li jaslu biex jissodisfaw “il-bżonnijiet” tagħna. It-talba tiegħi għal kull wieħed u waħda minna hi li aħna jkollna qalb li kapaċi ġġorr t-tagħbija tagħna, li aħna nagħmlu is-sagrifiċċji neċessarji u li jkollna wkoll ir-rieda li nwettqu u nagħtu. Jiena nwiegħed li l-Mulej żgur mhux se jħallikom neqsin mill-bżonnijiet tagħkom. Il-qalb tal-armla hija mimlija gratitudni li s-Salvatur kien “bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard”4 ħalli aħna ma jkollniex għalfejn induqu mill-“kalċi morr.”5 Minkejja, u minħabba, id-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet tagħna, Huwa jkompli joffrilna jdejh, li ġew imtaqqbin għalina. Huwa lest li jelevana, jekk dejjem aħna nkunu lesti li nersqu lejn id-dawl tal-evanġelju Tiegħu, inħaddnuh magħna, u nagħtuh iċ-ċans li jieħu ħsieb il- “bżonnijiet” tagħna.

Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi dwar l-imħabba kbira li aħna nistgħu naqsmu mal-oħrajn bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu. Jiena nħobb u nsostni lill-President Thomas S. Monson bħala profeta ta’ Alla fid-dinja. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa xhieda oħra ta’ Ġesù Kristu lid-dinja, u jiena nistedinkom ilkoll sabiex taqrawh u tiskopru l-messaġġ tiegħu għalikom. Dawk kollha li jaċċettaw l-istedina tal-Mulej li jersqu lejh għandhom isibu l-paċi, l-imħabba u d-dawl. Ġesù Kristu huwa l-Eżemplar il-kbir u l-Feddej tagħna. Huwa biss permezz ta’ Ġesù Kristu, u l-miraklu tal-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu, li aħna nistgħu nirċievu l-ħajja eterna. Jiena nixhed dan fl-isem imqaddes Tiegħu, l-istess Ġesù Kristu, amen.