2010-2019
L-Egħżeż u l-Akbar Ġid li Wegħedna
Ottubru 2017


L-Egħżeż u l-Akbar Ġid li Wegħedna

Il-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet jinkludi d-duttrina, l-ordinanzi, il-patti u l-egħżeż u l-akbar ġid li Hu wegħedna u li permezz tagħhom aħna nkunu nistgħu nissieħbu fin-natura ta’ Alla.

Waħda mill-akbar sfidi li aħna lkoll niffaċċjaw kuljum hi dik li ma nħallux il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jiddominaw daqstant il-ħin u l-enerġija tagħna li nispiċċaw nittraskuraw l-affarijiet eterni l-aktar importanti.1 Aħna faċilment niddevjaw ruħna milli niftakru u niffokaw fuq ċerti prioritajiet spiritwali essenzjali minħabba l-ħafna responsabbiltajiet u appuntamenti tagħna. Xi kultant aħna tant nippruvaw niġru b’ veloċità qawwija li nafu ninsew fejn inkunu sejrin u għalfejn aħna nkunu qed niġru.

L-Appostlu Pietru jfakkarna li għad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu, “is-setgħa tiegħu ta’ Alla tatna dak kollu li hu meħtieġ għall-ħajja u t-tjieba, billi għarrfitna ‘l dak li sejħilna għall-glorja u l-qawwa tiegħu nnifsu:

“Bis-saħħa ta’ dawn huwa tana l-egħżeż u l-akbar ġid li kien wegħedna biex bih tissieħbu fin-natura ta’ Alla, wara li tkunu ħlistu mit-taħsir li hawn fid-dinja ħtija tal-ġibdiet ħżiena.”2

Il-messaġġ tiegħi jenfasizza l-importanza tal-egħżeż u l-akbar ġid li ġie mwiegħed lilna deskritt minn Pietru biex ifakkarna verament fejn u għalfejn aħna ninsabu mexjin f’ dan il-vjaġġ mortali tagħna. Jiena se niddiskuti wkoll l-irwoli rispettivi ta’ jum is-Sabbath, it-tempju mqaddes u d-djar tagħna biex jgħinuna niftakru dawn il-wegħdiet spiritwali mill-aktar importanti.

B’ ħerqa nitlob sabiex l-Ispirtu s-Santu jgħallimna lkoll hekk kif aħna nagħtu ħarsa flimkien lejn dawn il-veritajiet importanti.

L-Identità Divina Tagħna

Il-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet jinkludi d-duttrina, l-ordinanzi, il-patti u l-egħżeż u l-akbar ġid mwiegħed lilna u permezz tagħhom aħna nkunu nistgħu nissieħbu fin-natura ta’ Alla. Il-pjan Tiegħu jiddefinixxi l-identità eterna tagħna u t-triq li għandna nimxu fiha biex aħna nitgħallmu, ninbidlu, nikbru u ultimament ngħammru Miegħu għal dejjem.

Kif inhu spjegat f’ “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja”:

“Il-bnedmina kollha—irġiel u nisa—huma maħluqin fi xbieha ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minnhom huwa iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet, u, għalhekk, kollha għandhom natura divina u destin divin. …

“Fir-renju primortali, l-ulied spirtu kienu jafu u kienu jqimu lil Alla bħala l-Missier Etern tagħhom u huma aċċettaw il-pjan Tiegħu li permezz tiegħu huma setgħu jiksbu ġisem fiżiku u esperjenza f’ din id-dinja biex jimxu ‘l quddiem lejn il-perfezzjoni u ultimament jagħrfu d-destin divin tagħhom bħala werrieta tal-ħajja eterna.”3

Alla jwiegħed lil uliedu li jekk huma jimxu wara l-preċetti tal-pjan Tiegħu u l-eżempju ta’ Ibnu l-Għażiż, iżommu l-kmandamenti u jibqgħu sodi fil-fidi sat-tmiem, imbagħad permezz tal-virtù tal-Fidwa tas-Salvatur, huma jkun jista’ “jkollhom il-ħajja eterna, li hi l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.”4 Il-ħajja eterna hija l-ogħla fost l-egħżeż u l-akbar ġid li ġie mwiegħed lilna.

Twelid mill-Ġdid Spiritwali

Aħna nistgħu nifhmu ferm aħjar l-egħżeż u l-akbar ġid li ġie mwiegħed lilna u nibdew nissieħbu fin-natura ta’ Alla meta aħna nwieġbu fl-affermattiv għas-sejħa li jagħmlilna l-Mulej għall-glorja u l-virtù. Kif iddeskrivieha Pietru, din is-sejħa nistgħu nwettquha billi nagħmlu l-almu tagħna biex naħarbu l-korruzzjoni li teżisti fid-dinja.

Hekk kif b’ ubbidjenza aħna nimxu ‘l quddiem b’ fidi fis-Salvatur, imbagħad grazzi għall-Att tal-Fidwa Tiegħu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, “isseħħ bidla kbira ġewwa fina, jew f’ qalbna, li ma jkollna l-ebda dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen, iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament.”5 Aħna “nitwieldu mill-ġdid; iva, nitwieldu minn Alla, mibdula mill-istat karnali u mitluf tagħna għal stat ta’ tjubija, għax ġejna mifdija f’ Alla.”6 “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.”7

Bidla daqstant komprensiva fin-natura tagħna tipikament ma sseħħx f’ radda ta’ salib. Bħas-Salvatur, aħna wkoll ma nirċevux “għall-ewwel il-milja sħiħa, iżda nirċievu grazzja wara grazzja.”8 “Għax araw, hekk jgħid il-Mulej Alla: Jiena nagħti lil ulied il-bnedmin linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm; u mberkin dawk li jagħtu kas tal-preċetti tiegħi u jiftħu widnejhom għall-kunsill tiegħi, għaliex huma jitgħallmu l-għerf.”9

L-ordinanzi u l-patti sagri tas-saċerdozju huma essenzjali f’ dan il-proċess kontinwu ta’ twelid mill-ġdid spiritwali; dan huwa wkoll il-mezz li Alla fassal biex aħna nkunu nistgħu nirċievu l-egħżeż u l-akbar ġid li Huwa wegħedna. L-ordinanzi li aħna nirċievu b’ mod den u li kontinwament niftakru fihom jipprovdulna l-mezzi divini li permezz tagħhom il-qawwa tad-divinità tkun tista’ tippenetra ħajjitna. Il-patti li aħna kostantement nonoraw u dejjem niftakru fihom jipprovdulna r-raġuni u l-assigurazzjoni li aħna dejjem se nkunu qed nirċievu l-barkiet kemm f’ din il-ħajja mortali kif ukoll fl-eternità.

Per eżempju, Alla jwegħidna, skont il-fedeltà tagħna, is-sħubija kostanti tat-tielet membru tad-Divinità, sewwasew l-Ispirtu s-Santu,10 li permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu aħna nistgħu nirċievu u dejjem niksbu maħfra ta’ dnubietna,11 li aħna nirċievu l-paċi f’ did-dinja,12 li s-Salvatur kisser l-irbit tal-mewt u ħareġ rebbieħ fuq il-qabar,13 u li l-familji jistgħu jkunu flimkien għal dejjem.

Nifhem li diffiċli tgħodd jew tiddeskrivi l-egħżeż u l-akbar ġid imwiegħed lilna kollu li Missierna tas-Smewwiet lest joffri lil ulied. Madankollu, anke l-lista parzjali tal-barkiet imwiegħda li għadni kif ippreżentajtilkom għandha twassal biex kull wieħed u waħda minna “nimmeraviljaw ruħna”14 u “ninżlu mal-art u nqimu lill-Missier”15 f’ isem Ġesu Kristu.

Ftakru fil-Wegħdiet

Il-President Lorenzo Snow widdeb, “Aħna lkoll suxxettibbli li ninsew l-oġġettiv ewlieni tal-ħajja, il-mottiv għala Missierna tas-Smewwiet bagħatna hawn biex nilbsu fuqna l-mortalità, kif ukoll għas-sejħa qaddisa li ġejna msejħin għaliha; u għalhekk, minflok ma nelevaw ruħna ‘l fuq mill-ħwejjeġ tranżitorji u ftit li xejn relevanti … , aħna wkoll nippermettu lilna nfusna li naqgħu għall-livell tad-dinja mingħajr ma napprofittaw ruħna mill-għajnuna divina li pprovdielna Alla, li hi biss tista’ twassalna biex negħlbu dawk il-ħwejjeġ tranżitorji.”16

Jum is-Sabbath u t-tempju mqaddes huma żewġ sorsi speċifiċi ta’ għajnuna divina mwaqqfin minn Alla biex jgħinna nqumu ‘l fuq mil-livell u l-korruzzjoni tad-dinja. Għall-ewwel aħna nafu naħsbu li l-ogħla għanijiet li għalihom aħna nqaddsu jum is-Sabbath u nattendu t-tempju huma relatati iżda distintivi. Madankollu, jiena nemmen li dawk iż-żewġ għanijiet huma fil-fatt l-istess ħaġa u jaħdmu flimkien biex spiritwalment isaħħuna, kemm bħala individwi kif ukoll bħala familja.

Is-Sabbath

Wara li Alla ħalaq kollox, fis-seba’ jum Huwa straħ u ta kmandament li ġurnata waħda fil-ġimgħa tkun iddedikata għall-mistrieħ biex tgħin lin-nies jiftakru fih.17 Jum is-Sabbath huwa ħin Alla, ħin sagru speċifikament distint biex inqimuh u biex fih aħna nirċievu u niftakru egħżeż u l-akbar ġid li Huwa wegħidna.

F’ din id-dispensazzjoni il-Mulej qalilna:

“Biex intom tkunu tistgħu żżommu aħjar lilkom infuskom ħielsa mit-tbajja’ tad-dinja, intom għandkom tmorru fid-dar tat-talb u hemm toffru s-sagramenti tagħkom fil-jum imqaddes tiegħi;

“Għax tassew li dan il-jum ġie mogħti lilkom biex fih intom tistrieħu minn ħidmietkom, u toffru d-devozzjoni tagħkom lill-Mulej l-Għoli.”18

Għalhekk, f’ Jum is-Sabbath aħna nqimu l-Missier f’ isem l-Iben billi nipparteċipaw fl-ordinanzi u nitgħallmu dwar il-patti, nirċevuhom, niftakru fihom u nġedduhom. Fil-jum imqaddes Tiegħu, ħsibijietna, għemilna u l-imġiba tagħna huma sinjali li aħna nagħtu lil Alla u huma wkoll indikaturi tal-imħabba tagħna lejh.19

Raġuni oħra ta’ Jum is-Sabbath hi biex aħna nelevaw il-viżjoni tagħna mill-ħwejjeġ tad-dinja għall-barkiet tal-eternità. Jekk f’ dan il-ħin sagru aħna ninqatgħu mir-rutina tas-soltu tal-ħajja mgħaġġla tagħna, aħna nkunu nistgħu “nħarsu lejn Alla u ngħixu”20 billi nirċievu u niftakru l-egħżeż u l-akbar ġid li ġie mwiegħed lilna li bih aħna nkunu nistgħu nissieħbu fin-natura ta’ Alla.

It-Tempju Mqaddes

Il-Mulej dejjem talab lin-nies Tiegħu biex jibnu t-tempji, postijiet qaddisa li fihom il-Qaddisin denji jwettqu ċerti ċerimonji u ordinanzi tal-evanġelju sagri kemm għalihom infushom kif ukoll għall-mejtin. It-tempji huma l-aktar postijiet qaddisa fost il-postijiet ta’ qima kollha. It-tempju huwa letteralment id-dar tal-Mulej, post sagru distint speċifikament biex fih naduraw lil Alla kif ukoll nirċievu u niftakru l-egħżeż u l-akbar ġid li Huwa wegħedna.

F’ din id-dispensazzjoni il-Mulej qalilna: Organizzaw ruħkom; ħejju kull ħaġa neċessarja; u stabbilixxu dar; sewwasew dar ta’ talb, dar ta’ sawm, dar ta’ fidi, dar ta’ tagħlim, dar ta’ glorja, dar ta’ ordni, dar ta’ Alla.”21 L-għan ewlieni tal-qima tagħna fit-tempju hu li nipparteċipaw fl-ordinanzi u nitgħallmu dwar il-patti, nirċevuhom u niftakru fihom. Fit-tempju aħna naħsbu, naġixxu u nilbsu differenti minn postijiet oħra li aħna niffrekwentaw.

Għan ewlieni tat-tempju hu biex fih aħna nelevaw il-viżjoni tagħna mill-ħwejjeġ tad-dinja għall-barkiet tal-eternità. Peress li aħna ninqatgħu għal ftit ħin mill-ambjent li aħna familjari miegħu fid-dinja, aħna nkunu nistgħu “nħarsu lejn Alla u ngħixu”22 billi nirċievu u niftakru l-egħżeż u l-akbar ġid li ġie mwiegħed lilna li bih aħna nkunu nistgħu nissieħbu fin-natura ta’ Alla.

Jekk jogħġobkom innutaw li jum is-Sabbath u t-tempju, rispettivament, huma ħin sagru kif ukoll post sagru li ġew speċifikament distinti biex fihom aħna nqimu lil Alla u biex nirċievu u niftakru fl-egħżeż u l-akbar ġid li Huwa wiegħed lil uliedu. Kif ġew stabbiliti minn Alla, l-għanijiet ewlenin ta’ dawn iż-żewġ sorsi divini ta’ għajnuna huma eżattament l-istess: li ripetutament u b’ qawwa huma jitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq Missierna tas-Smewwiet, fuq l-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, fuq l-Ispirtu s-Santu u fuq il-wegħdiet assoċjati mal-ordinanzi u l-patti tal-evanġelju rrestawrat tas-Salvatur.

Djarna

Huwa importanti ħafna li darna tkun l-aqwa post li fih jiġi kkumbinat il-ħin u l-ispazju fejn l-individwi u l-familji jistgħu jiftakru bl-aktar mod effettiv fl-egħżeż u l-akbar ġid li wegħidna Alla. Huwa importanti ħafna, iżda mhux biżżejjed, li aħna nħallu djarna biex immorru nqattgħu ħin fil-laqgħat tal-Ħadd kif ukoll biex nidħlu fil-post sagru li huwa t-tempju. Huwa biss meta aħna nieħdu lura magħna fi djarna l-ispirtu u l-qawwa li niksbu f’ dawn l-attivitajiet qaddisa li aħna nkunu nistgħu nsostnu l-attenzjoni tagħna fuq l-għanijiet kbar tal-ħajja mortali u negħlbu l-korruzzjoni li tinsab f’ din id-dinja. L-esperjenzi tagħna, kemm ta’ jum is-Sabbath kif ukoll tat-tempju, għandhom ikunu l-kawża spiritwali li jwasslu biex l-individwi u l-familji tagħna jiftakru kontinwament fil-lezzjonijiet ewlenin li aħna nkunu tgħallimna, jimtlew bil-preżenza u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-talb profond u kontinwu mal-Mulej Ġesù Kristu u b’ “dija perfetta ta’ tama”23 fil-wegħdiet eterni ta’ Alla.

Jum is-Sabbath u t-tempju jistgħu jgħinuna nistabbilixxu f’ darna “mod aktar meraviljuż”24 hekk kif aħna “niġbru flimkien taħt ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art.”25 X’ nagħmlu fi djarna bil- ħin sagru Tiegħu u b’ dak li aħna nitgħallmu fil- post sagru Tiegħu huwa mill-aktar neċessarju biex aħna nkunu nistgħu nissieħbu fin-natura ta’ Alla.

Wegħda u Testimonjanza

Aħna faċilment nistgħu ninħakmu mir-rutina u mill-affarijiet ordinarji tal-ħajja mortali. Ċerti affarijiet huma neċessarji u importanti, bħal per eżempju li wieħed jorqod, jiekol, jilbes, jaħdem, jilgħab, jeżerċita ruħu u jagħmel xi attivitajiet normali oħra. Iżda ultimament, dak li aħna nsiru huwa riżultat tal-għarfien tagħna u r-rieda tagħna li nitgħallmu mill-Missier, mill-Iben u mill-Ispirtu s-Santu; mhuwiex sempliċiment rendikont tal-attivitajiet tagħna ta’ kuljum għaż-żmien li aħna nqattgħu hawn f’ din il-ħajja.

L-evanġelju huwa ferm aktar minn lista ta’ affarijiet differenti li aħna għandna nagħmlu kuljum; pjuttost, huwa bħal arazzi mill-isbaħ ta’ verità “inkwadrati b’ mod perfett”26 u minsuġin flimkien, iddisinjati biex jgħinuna nsiru bħal Missierna tas-Smewwiet u l-Mulej Ġesù Kristu, u nkunu nistgħu nissieħbu fin-natura ta’ Alla. Verament, aħna nispiċċaw nagħmew “jekk inħarsu lil hinn mis-sinjal”27 meta din ir-realtà spiritwali importanti titlef l-importanza tagħha ħdejn l-inkwiet, il-problemi u l-indifferenza tad-dinja.

Hekk kif aħna nkunu għaqlin u nistiednu l-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana,28 jiena nwegħidkom li Huwa jgħallimna dak li hu veru. “Huwa jixhed dwar Kristu, u jdawwal moħħna bl-ispirazzjoni tas-sema”29 hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inġibu fis-seħħ id-destin etern tagħna u nkunu nistgħu nissieħbu fin-natura ta’ Alla.

Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi magħkom li l-egħżeż u l-akbar ġid li ġie mwiegħed lilna li hu marbut mal-ordinanzi u l-patti tagħna huwa veru. Għalhekk il-Mulej iddikjara:

“Jiena nidderiġikom kif intom għandkom taġixxu quddiemi, biex dan iwassal għas-salvazzjoni tagħkom.

“Jiena, il-Mulej, marbut meta intom tagħmlu dak li ngħid jien; iżda meta intom ma tagħmlux dak li ngħid jien, ma nista’ nwegħidkom xejn.”30

Jiena nixhed li Missierna tas-Smewwiet jgħix u hu l-awtur tal-pjan tas-salvazzjoni. Ġesù Kristu huwa l-Uniku Iben Imnissel Tiegħu u s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Huwa jgħix. U jiena nixhed li l-pjan u l-wegħdiet tal-Missier, l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur u s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu jagħmluha possibbli li aħna jkollna “l-paċi f’ din id-dinja u l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss.”31 Dwar dan jiena nixhed fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kistu, amen.