Kapitlu 5
Il‑Qaddisin isiru l‑ulied subien u bniet ta’ Kristu permezz tal‑fidi—Huma mbagħad jissejħu b’isem Kristu—Is‑Sultan Benjamin iħeġġiġhom biex jibqgħu jżommu sħiħ u ma jitħarrkux fl‑għemejjel tajba tagħhom. Madwar 124 Q.K.
1 U issa, ġara li meta s‑sultan Benjamin kellem lil niesu, hu bagħat messaġġiera fosthom, għax xtaq ikun jaf jekk niesu emmnux il‑kliem li hu kien qalilhom.
2 U huma lkoll għajtu b’leħen wieħed u qalu: Iva, aħna nemmnu l‑kliem kollu li għidtilna; u aħna nafu wkoll li huwa kollu minnu u veru, minħabba l‑Ispirtu tal‑Mulej Omnipotenti, li wassal għal bidla kbira fina, jew f’qalbna, fejn aħna m’għandniex aktar xewqa li nagħmlu l‑ħażen, iżda li nagħmlu dejjem it‑tajjeb.
3 U aħna stess, ukoll, permezz tat‑tjubija infinita ta’ Alla, u l‑manifestazzjonijiet tal‑Ispirtu tiegħu, għandna għarfien kbir ta’ dak li għandu jiġi; u jekk huwa xieraq, aħna nistgħu nħabbru dwar kull ħaġa.
4 U hija l‑fidi li kellna dwar il‑ħwejjeġ li kellimna dwarhom is‑sultan li wasslitna għal dan l‑għarfien kbir, u minħabba f’hekk aħna nithennew b’hena mill‑aktar kbira.
5 U aħna lesti li nidħlu f’patt ma’ Alla tagħna li aħna ninsabu lesti nagħmlu r‑rieda tiegħu, u nkunu ubbidjenti lejn il‑kmandamenti tiegħu f’dak kollu li jordnalna, għall‑bqija ta’ ħajjitna, sabiex ma nġibux fuqna nfusna turment bla tmiem, kif tkellem dwaru l‑anġlu, ħalli ma jkollniex għalfejn nixorbu mit‑tazza tal‑korla ta’ Alla.
6 U issa, dan hu l‑kliem li xtaqhom jgħidu s‑sultan Benjamin; u għalhekk huwa qalilhom: Intom għidtu dak li xtaqtkom tgħidu jien; u l‑patt li intom għamiltu huwa patt ġust.
7 U issa, minħabba l‑patt li għamiltu, intom se tissejħu wlied Kristu, uliedu s‑subien u l‑bniet; għax araw, illum lilkom huwa nissel spiritwalment; għax intom tgħidu li seħħet bidla f’qalbkom permezz tal‑fidi tagħkom f’ismu; għalhekk, intom ġejtu mwielda minnu u sirtu wliedu s‑subien u l‑bniet.
8 U permezz ta’ dan l‑isem intom ksibtu l‑ħelsien, u m’hemm l‑ebda isem ieħor li permezz tiegħu tistgħu tiksbu l‑ħelsien. M’hemm l‑ebda isem ieħor li permezz tiegħu tinkiseb is‑salvazzjoni; għalhekk, nitlobkom sabiex tieħdu fuqkom isem Kristu, intom ilkoll li dħaltu fil‑patt ma’ Alla li sejrin tkunu ubbidjenti sat‑tmiem ta’ ħajjitkom.
9 U għad jiġri li kull min jagħmel dan se jsib ruħu fuq il‑lemin ta’ Alla, għax hu se jkun jaf l‑isem li bih se jiġi msejjaħ; għax hu se jiġi msejjaħ bl‑isem ta’ Kristu.
10 U issa għad jiġri, li kull min mhux se jieħu fuqu isem Kristu se jiġi msejjaħ b’xi isem ieħor; għalhekk, huwa jsib ruħu fuq ix‑xellug ta’ Alla.
11 U nixtieqkom tiftakru wkoll, li dan huwa l‑isem li jien għidt li se nagħtikom, liema isem qatt m’għandu jitħassar, ħlief permezz tat‑trasgressjoni; għalhekk, attenti li ma taqgħux fit‑trasgressjoni, biex l‑isem qatt ma jitħassar minn ġo qalbkom.
12 Jien ngħidilkom, nixtieq li intom tiftakru biex iżżommu l‑isem dejjem miktub f’qalbkom, ħalli ma ssibux ruħkom fuq ix‑xellug ta’ Alla, iżda li intom tisimgħu u tagħrfu l‑leħen li sejjer isejħilkom, kif ukoll, l‑isem li bih se jsejħilkom.
13 Għax kif jista’ bniedem ikun jaf lill‑imgħallem li qatt ma serva, u li għalih hu barrani, u li jinsab ’il bogħod minn ħsibijietu u mill‑intenzjonijiet ta’ qalbu?”
14 U għal darb’oħra, x’għandu jagħmel bniedem, jaqbad ħmara li hi ta’ għajru, u jżommha għandu? Jiena ngħidilkom, Le; lanqas biss għandu jippermettilha li tirgħa qalb merħlietu, iżda huwa għandu jkeċċiha ’l bogħod, u jeħles minnha. Jien ngħidilkom, li lilkom l‑istess għad jiġrilkom jekk intom ma tkunux tafu l‑isem li bih se tissejħu.
15 Għalhekk, nitlobkom sabiex iżżommu sħiħ u ma titħarrkux, u araw li twettqu dejjem opri tajba, sabiex Kristu, il‑Mulej Alla Omnipotenti, jissiġillakom miegħu, ħalli intom tkunu tistgħu titwasslu sas‑smewwiet, ħalli tkunu tistgħu tiksbu s‑salvazzjoni ta’ dejjem u l‑ħajja eterna, permezz tal‑għerf, u l‑qawwa, u l‑ġustizzja, u l‑ħniena ta’ dak li ħoloq kull ħaġa, kemm fis‑sema u anke fl‑art, li hu Alla fuq kulħadd. Ammen.