2010-2019
“Għandi Biċċa Xogħol Għalik”
Ottubru 2017


“Għandi Biċċa Xogħol Għalik”

Kull wieħed u waħda minna għandu rwol sinifikattiv xi jwettaq biex javvanza l-ħidma ta’ Alla.

Alla ddikjara lil Mosè, “Għandi biċċa xogħol għalik” (Moses 1:6). Intom qatt ġietkom f’ moħħkom jekk Missierna tas-Smewwiet għandux xi biċċa xogħol għalikom? Hemm xi ħwejjeġ importanti li Hu lilkom ħejjikom—speċifikament lilkom—biex twettquhom? Jiena nixhed li t-tweġiba hija iva!

Immaġni
Girish Ghimire

Ikkunsidraw ftit lil Girish Ghimire, li twieled u trabba ġewwa n-Nepal. Meta kien żagħżugħ, huwa kien studja ġewwa ċ-Ċina, fejn wieħed minn sħabu tal-klassi introduċih għall-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Eventwalment, Girish mar l-Università ta’ Brigham Young biex ikun jista’ jiggradwa u hemmhekk iltaqa’ mal-mara futura tiegħu. Huma ssetiljaw ġewwa l-Wied ta’ Salt Lake u adottaw żewġt itfal minn Nepal.

Snin wara, meta aktar minn 1,500 refuġjat minn kampijiet ġewwa n-Nepal ġew rilokati f’ Utah,1 Girish ħassu ispirat li għandu jgħin. Peress li kien fluwenti fil-lingwa nattiva tiegħu kif ukoll għaliex kien kapaċi jifhimhom sew kulturalment, Girish serva bħala interpretu, għalliem u dak ix-xi ħadd li setgħu jafdaw fih. Wara li huma ġew risistemati fil-komunità, xi wħud mir-refuġjati Nepaliżi bdew juru interess fl-evanġelju. Ġiet organizzata fergħa bil-lingwa Nepaliża, u Gerish aktar tard serva bħala l-president tal-fergħa tagħha. Huwa kien strumentali biex il-Ktieb ta’ Mormon ġie tradott għan-Nepaliż.

Immaġni
Girish Ghimire bil-Ktieb ta’ Mormon bin-Nepaliż

Tistgħu taraw kif Missierna tas-Smewwiet ħejja u qed juża lil Girish?

Alla Għandu Biċċa Xogħol Għalina Lkoll

Ħuti, Alla għandu biċċa xogħol importanti għalina lkoll. Meta kien qed ikellem lill-aħwa nisa, veritajiet li japplikaw għalina lkoll, il-President Spencer W. Kimball għallem: “Qabel ġejna hawn fid-dinja, aħna ġejna mogħtija ċerti essajnments. … Minkejja li ma niftakrux id-dettalji, dan ma jibdilx ir-realtà glorjuża ta’ dak li darba aħna lkoll qbilna dwaru.”2 X’ verità mill-aktar nobbli! Missierna tas-Smewwiet għandu ħwejjeġ speċifiċi u sinifikanti għalikom u għalija xi nwettqu (ara Efesin 2:10).

Dawn l-essajnments divini mhumiex riservati għal xi ftit nies privileġġjati iżda huma għalina lkoll—irrilevanti aħniex nisa jew irġiel, hi x’inhi l-età, ir-razza, in-nazzjonalità u s-sejħa tagħna fil-Knisja jew x’ inhu l-istatus soċjali u d-dħul finanzjarju tagħna. Ilkoll kemm aħna għandna rwol sinifikattiv xi nwettqu biex navvanzaw il-ħidma ta’ Alla. (ara Moses 1:39).

Xi wħud minna jiddubitaw kemm verament Missierna tas-Smewwiet jista’ juża lilna biex nagħtu xi kontribut importanti. Iżda ftakru, li Huwa minn dejjem uża nies ordinarji biex iwettaq ħwejjeġ straordinarji (ara 1 Korintin 1:27–28; D&C 35:13; 124:1). “Aħna aġenti,” u “l-qawwa tinsab fina” biex “inġibu fis-seħħ bosta għemejjel tajba” (D&C 58:27–28).3

Il-Presbiteru Russell M. Nelson spjega:

“Il-Mulej għandu ferm aktar ippjanat għalikom milli għandkom ippjanat intom stess għalikom infuskom! Intom ġejtu riżervati u ppreservati għal dan iż-żmien u għal post li toqogħdu fih. …

“Il-Mulej iridkom tibdlu d-dinja. Hekk kif intom taċċetaw r-rieda Tiegħu għalikom u timxu skont dak li jrid Hu, intom taraw kif verament jirnexxilkom twettqu l-impossibbli!”4

Għalhekk aħna kif nistgħu nibdew nifhmu u nwettqu l-ħidma li Alla jrid lilna speċifikament li nwettqu? Ippermettuli naqsam magħkom erba’ prinċipji li jistgħu jgħinuna f’ dan.

Iffokaw fuq Ħaddieħor

L-ewwel, iffokaw fuq ħaddieħor. Aħna nistgħu nimxu wara Kristu, li “għadda jagħmel il-ġid” (Atti 10:38; ara wkoll 2 Nephi 26:24).

Wara li erġajt lura d-dar minn missjoni full-time, jiena bdejt nimmissja l-għan speċifiku li kont drajt ingawdi kuljum. Bla dubju, kien jeħtieġ li jiena nżomm il-patti tiegħi, nistudja, nibda familja u naqla’ l-għixien tiegħi. Iżda ma kontx naf jekk kienx hemm xi ħaġa aktar, jew saħansitra xi ħaġa speċjali, li l-Mulej riedni nwettaq. Wara li għaddejt ftit xhur nixtarr dwar dan, jiena qrajt dan il-vers: “Jekk tixtieq, inti tista’ tkun il-raġuni li f’ din il-ġenerazzjoni jitwettaq ħafna ġid” (D&C 11:8). L-Ispirtu għenni nifhem li l-għan ewlieni ta’ dawn l-essajnments divini hu li jbierek lill-oħrajn u biex jitwettaq “ħafna ġid.”

Aħna nistgħu niffaċċjaw f’ ħajjitna dawk il-mumenti li fihom inkunu rridu nieħdu xi deċiżjoni importanti—bħal x’ għandna nistudjaw, x’ impjieg għandna nagħżlu jew fejn għandna mmorru noqogħdu—fil-kuntest li ngħinu lil ħaddieħor.

Kien hemm familja li marret toqgħod f’ belt ġdida. Minflok ma huma sabu dar fin-naħa sinjura tal-belt, huma ħassew li kellhom imorru joqogħdu f’ naħa fejn kien hemm ċerti bżonnijiet soċjali u ekonomiċi. Tul is-snin, lilhom il-Mulej użahom biex jissapportjaw lil ħafna individwi u biex jibnu l-qasam u l-wited tagħhom.

Wieħed mediku professjonali baqa’ għaddej jipprattika l-ħidma regolari tiegħu iżda ħassu ggwidat li kellu jiddedika ġurnata fil-ġimgħa biex jipprovdi kura b’ xejn lil dawk l-individwi li m’għanhom l-ebda assigurazzjoni tas-saħħa. Minħabba r-rieda ta’ dan ir-raġel u tal-mara tiegħu li jbierku l-ħajja ta’ ħaddieħor, il-Mulej ipprovdielhom mod kif huma jistgħu jissapportjaw mijiet ta’ pazjenti fil-bżonn filwaqt li fl-istess ħin irabbu l-familja kbira tagħhom.

Skopru u Żviluppaw id-Doni Spiritwali

It-tieni, skopru u żviluppaw id-doni spiritwali. Missierna tas-Smewwiet tana dawn id-doni biex jgħinna nidentifikaw, inwettqu u ngawdu l-ħidma li Hu għandu għalina.

Xi wħud jafu jgħidu, “Tgħid jiena għandi xi doni?” Għal darb’oħra, it-tweġiba hija iva! “Lil kull bniedem hu mogħti lilu don permezz tal-Ispirtu ta’ Alla … għall-benefiċċju ta’ kulħadd” (D&C 46:11–12; enfażi miżjuda).5 Fl-iskrittura hemm dokumentat numru ta’ doni spiritwali (ara 1 Korintin 12:1–11, 31; Moroni 10:8–18; D&C 46:8–26), iżda barra dawn hemm ħafna oħrajn.6 Xi oħrajn jistgħu jkunu per eżempju li jkollok il-kompassjoni, li tesprimi t-tama, li taf tmur man-nies, li taf torganizza b’ mod effettiv, li titkellem jew tikteb b’ mod persważiv, li taf tfihem tajjeb meta tgħallem u li taħdem iebes.

Allura aħna kif nistgħu nsiru nafu x’inhuma d-doni tagħna? Aħna nistgħu nagħtu ħarsa lejn il-barka patrijarkali tagħna, nistaqsu lil dawk li l-aktar jafuna, u li personalment nidentifikaw x’inhuma dawk il-ħwejjeġ li b’ mod naturali aħna tajbin fihom. Iżda l-aktar importanti hu li aħna nistgħu nistaqsu lil Alla (ara Ġakbu 1:5; D&C 112:10). Huwa jaf x’inhuma d-doni tagħna, peress li kien Hu stess li tahomna (ara D&C 46:26).

Hekk kif aħna niskopru d-doni tagħna, aħna għandna responsabbiltà li niżviluppawhom (ara Mattew 25:14–30). Lanqas Ġesù Kristu “ma rċieva l-milja sħiħa mill-ewwel, iżda huwa żviluppa grazzja wara grazzja” (D&C 93:13).

Immaġni
Pittura tas-Salvatur minn Ben Simonsen

Wieħed żagħżugħ ipproduċa numru ta’ illustrazzjonijiet li kienu jippromwovu ċerti valuri reliġjużi. Il-favorit tiegħi huwa ritratt tas-Salvatur, li kopja tiegħu tinsab imdendla ma’ wieħet mill-ħitan tad-dar tiegħi. Dan iż-żagħżugħ żviluppa u uża d-doni artistiċi tiegħu. Missierna tas-Smewwiet ħadem permezz tiegħu biex jispira lil ħaddieħor ikun dixxiplu aħjar.

Xi kultant inħossu li aħna m’għandna l-ebda doni li huma partikolarment importanti. Darba waħda, waħda oħt li kellha qalbha xi ftit maqtugħha talbet, “Mulej, ‘x’inhu l-ministeru personali tiegħi?” Huwa weġibha, “Li tinnota lil ħaddieħor.” Dan kien doni spiritwali! Minn dakinhar, hija sabet il-ferħ tagħha f’ li tinnota b’ mod regolari lil dawk li ħaddieħor jinsiehom, u Alla ħadem permezz tagħha biex ibierek lil ħafna oħrajn. Filwaqt li xi doni spiritwali jafu ma jkunux prominenti, skont l-istandards li tkejjel bihom id-dinja, huma madanakollu verament essenzjali għal Alla u għall-ħidma Tiegħu.7

Ħudu Vantaġġ mill-Avversità

It-tielet, ħudu vantaġġ mill-avversità. L-isfidi tagħna jgħinuna niskopru u nitħejjew għall-ħidma li Missierna tas-Smewwiet għandu għalina. Alma spjega, “Wara tant tribulazzjoni, il-Mulej … għamilni strument f’ idejh” (Mosiah 23:10).8 Bħas-Salvatur, li s-sagrifiċċju tal-fidwa Tiegħu jagħtih l-opportunità li jgħinna (ara Alma 7:11–12), aħna nistgħu nużaw l-għarfien li aħna niksbu mill-esperjenzi diffiċli li aħna ngħaddu minnhom biex nelevaw, insaħħu u nbierku lil ħaddieħor.

Wara li wieħed raġel li kien imexxi b’ suċċess dipartiment tar-riżorsi umani ġie mogħti s-sensja, huwa ħa f’idejh u qara l-barka patrijarkali tiegħu u ħassu ispirat li jibda kumpanija li tgħin lil nies professjonisti oħra jsibu impjieg. (Huwa anke kien għen lili stess insib impjieg meta l-familja tagħna morna lura d-dar wara li servejna missjoni.) Il-Mulej uża l-isfida tiegħu biex ikun jista’ jbierek lil ħaddieħor, filwaqt li pprovdielu karriera aktar sinifikanti.

Kien hemm koppja li t-tarbija tagħhom twieldet mejta. B’ qalb maqsuma, huma ddeċidew li jonoraw lil binthom billi jipprovdu s-sapport emozzjonali u materjali lil dawk il-ġenituri li jkunu għaddejin minn xi sitwazzjoni simili. Il-Mulej ħadem permezz ta’ din il-koppja minħabba l-empatija kbira li huma kellhom, liema empatija huma żviluppaw permezz tal-avversità.

Iddependu fuq Alla

U r-raba’, iddependu fuq Alla. Meta aħna nistaqsuh bil-fidi u b’ intenzjoni ġenwina, Huwa jiżvelalna l-essajnments divini li Huwa għandu għalina.9 La darba aħna niskopru x’inhuma dawn l-essajnments, Huwa jgħinna nwettquhom. “Kollox jinsab quddiem għajnejna” (D&C 38:2; ara wkoll Abraham 2:8), u fil-mument opportun, Huwa jiftħilna l-bibien neċessarji (ara Rivelazzjoni 3:8). Huwa anke bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, ħalli aħna nkunu nistgħu niddependu fuqu biex nimtlew b’ qawwa aktar milli n-natura tagħna tippermetti (ara Filippin 4:13; Alma 26:12).

Wieħed minn ħuna, waqt li kien inkwetat minħabba xi deċiżjonijiet li kien ħa l-gvern lokali, ħass li kellu jikkontesta l-elezzjoni għal uffiċjal pubbliku. Minkejja l-proċess intimidanti tal-kampanja, huwa eżerċita l-fidi u ġabar ir-riżorsi meħtieġa biex ikun jista’ jikkontesta. Ultimament, huwa ma ħariġx rebbieħ iżda hu ħass li l-Mulej kien tah il-gwida u s-saħħa li jqajjem ċerti kwistjonijiet importanti fil-komunità.

Waħda omm single, li kienet qed trabbi tfal b’ diżabiltà, bdiet tiddubita jekk hija qattx kienet se tkun kapaċi tkampa mal-bżonnijiet tal-familja tagħha. Għalkemm ma kienx faċli għaliha, hija ħasset li l-Mulej lilha ta l-qawwa li twettaq b’ suċċess l-aktar missjoni importanti tagħha.

Kelma ta’ Twissija

Fl-istess ħin li Alla jkun qed jgħinna nwettqu l-essajnments divini tagħna, l-avversarju jkun qed jaħdem biex iżommna u jaqtagħlna qalbna milli jkollna skop f’ ħajjitna.

Id-dnub huwa probabbilment l-akbar ostaklu li aħna għandna, fejn jasal biex iraqqad is-sensittività tagħna għall-Ispirtu s-Santu u jirrestrinġi l-aċċess tagħna għall-qawwa spiritwali. Biex inkunu nistgħu nwettqu l-ħidma li Missierna tas-Smewwiet għandu għalina, jeħtieġ li aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibqgħu safjin (ara 3 Nephi 8:1). Aħna verament qegħdin ngħixu b’ mod li Alla jkun jista’ jaħdem permezz tagħna?

Satana wkoll qed ifittex li jżommna milli nwettqu l-aktar ħwejjeġ importanti. Il-Mulej widdeb lil wieħed mill-mexxejja tal-Knisja tal-ewwel żminijiet, “Moħħok kien fuq l-affarijiet tad-dinja aktar milli fuq l-affarijiet tiegħi … u l-ministeru li inti ġejt imsejjaħ għalih” (D&C 30:2). Jista’ jkun li aħna tant priokkupati bil-ħwejjeġ tad-dinja li qegħdin niddevjaw ruħna mill-essajnments divini tagħna?

Barra minn hekk, Satana jiskuraġġina b’ sentimenti ta’ inadegwatezza. Huwa jagħtina x’ naħsbu li l-ħidma tagħna hija wisq diffiċli jew intimidanti. Madankollu, aħna nistgħu nafdaw lil Alla! Huwa jħobbna. Huwa jridna nirnexxu. Huwa “jimxi quddiemna, hu jkun magħna; ma jħalliniex” (Dewteronomju 31:8; ara wkoll Salm 32:8; Proverbji 3:5–6; Mattew 19:26; D&C 78:18).

Satana jaf ukoll jipperswadina li l-ħidma tagħna għandha anqas valur mill-ħidma li ngħata ħaddieħor. Iżda kull essajnment li tana Alla huwa importanti, u aħna nħossu sodisfazzjon hekk kif aħna “nħossuna kburin b’ dak li kkmandana l-Mulej” (Alma 29:9).

Hekk kif Alla jaħdem permezz tagħna, l-avversarju jaf iġarrabna biex nieħdu fuqna l-unur għal dak li nkunu wettaqna. Madankollu, aħna nistgħu nimitaw l-umiltà tas-Salvatur billi noqogħdu ‘l bogħod mit-tifħir personali u nigglorifikaw lill-Missier (ara Mattew 5:16; Moses 4:2). Meta wieħed riporter ipprova jirrikonoxxi lil Madre Teresa għall-missjoni ta’ ħajjitha, liema ħajja għaddietha tgħin lill-foqra, hija wieġbet fil-pront: “Din hija l-ħidma ta’ Alla. Jiena bħal … lapes f’ idu. … Huwa Hu dak li jaħseb. Huwa Hu dak li jikteb. Mhuwiex il-lapes li jagħmel dan kollu. Il-lapes sempliċiment ġie mogħti ċ-ċans li jiġi użat.”10

Konklużjoni

Għeżież ħuti, jiena nistieden lil kull wieħed minna sabiex “noffru ruħna lil Alla … insiru għodda biex nagħmlu t-tajjeb” (Rumani 6:13). Li noffru lilna nfusna ifisser li nuruh li aħna lesti nħalluh jużana, kif ukoll li nfittxu d-direzzjoni Tiegħu u naċċessaw il-qawwa Tiegħu.

Bħal dejjem, aħna nistgħu nħarsu lejn Ġesù Kristu bħala l-eżempju perfett tagħna. Fil-ħajja tagħna qabel ġejna hawn fid-dinja, Missierna tas-Smewwiet staqsa, “Lil min se nibgħat?

U Ġesù wieġeb, “Hawn jien, ibgħat lili” (Abraham 3:27; ara wkoll Isaija 6:8).

Ġesù Kristu aċċetta u wettaq l-irwol priordnat Tiegħu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna, kif ukoll tħejja minn qabel għal dan l-irwol. Huwa għamel ir-rieda tal-Missier (ara Ġwanni 5:30; 6:38; 3 Nephi 27:13) u wettaq l-essajnments divini Tiegħu.

Hekk kif aħna nimxu wara l-eżempju ta’ Kristu u noffru lilna nfusna lil Alla, jiena nixhed li Huwa wkoll jasal biex jużana biex ikun jista’ jmexxi ‘l quddiem il-ħidma Tiegħu kif ukoll biex ibierek lil ħaddieħor. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Refugee Processing Center, “Admissions and Arrivals,” ireports.wrapsnet.org/Interactive-Reporting.

  2. Spencer W. Kimball, “The Role of Righteous Women,” Ensign, Nov. 1979, 102.

  3. Il-President Gordon B. Hinckley ħeġġiġna: “Emmnu fikom infuskom. “Emmnu fil-kapaċità tagħkom li twettqu ħwejjeġ … kbar. … Intom ulied Alla, b’ kapaċità infinita” (Teachings of Presidents of the Church: Gordon B. Hinckley [2016], 77).

  4. Russell M. Nelson, Accomplishing the Impossible: What God Does, What We Can Do (2015), 147.

  5. Il-President Dieter F. Uchtdorf innota:

    “Missierna tas-Smewwiet jara l-potenzjal veru tagħna. Huwa jaf ċerta ħwejjeġ dwarna li lanqas aħna stess ma nafu. Huwa jurina matul ħajjitna kif aħna nistgħu nilħqu l-potenzjal tagħna. …

    “Ejjew niddeċiedu li se nimxu wara s-Salvatur u naħdmu b’ diliġenza biex insiru l-persuna li ġejna maħluqin li nsiru. Ejjew nisimgħu u nobdu s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Hekk kif aħna nagħmlu dan, Missierna tas-Smewwiet jiżvelalna ħwejjeġ li aħna stess qatt ma konna nafu dwarna nfusna. Huwa jdawwal it-triq li jkollna quddiemna u jiftaħ għajnejna biex aħna nkunu nistgħu nagħrfu t-talenti li ma konniex nafu bihom qabel u li probabbilment qatt ma immaġinajna seta’ kellna” (“Of Regrets and Resolutions,” Liahona, Nov. 2012, 22, 23).

  6. Il-Presbiteru Bruce R. McConkie spjega: “L-ammont ta’ doni spiritwali huwa wieħed bla għadd u l-varjetà tagħhom hija infinita. Dawk li jissemmew fil-kelma żvelata huma sempliċiment eżempju tal-abbundanza ta’ grazzja divina li Alla l-grazzjuż jagħti lil dawk li jħobbuh u jservuh” (A New Witness for the Articles of Faith [1985], 371).

  7. Il-Presbiteru Marvin J. Ashton għallem:

    “Mingħajr xi ordni partikolari, ippermettuli nsemmi xi ftit doni li mhumiex dejjem evidenti jew mhux dejjem jiġu nnutati iżda li huma mill-aktar importanti. Fost dawn jaf ikun hemm ċerti doni li tħaddnu intom stess—doni li mhumiex daqstant evidenti iżda madankollu huma reali u prezzjużi.

    “Ejjew nagħtu ħarsa lejn xi wħud minn dawn id-doni anqas ovvji: id-don li nistaqsu; id-don li nagħtu kas x’ jgħid ħaddieħor; id-don li nisimgħu u nużaw il-leħen sieket u ċkejken; id-don li nkunu kapaċi nibku; id-don li nevitaw it-tilwim; id-don li nkunu kapaċi naqblu ma’ ħaddieħor; id-don li nevitaw ir-ripetizzjoni bla bżonn; id-don li nfittxu dak li hu tajjeb; id-don li ma niġġudikawx; id-don li nħarsu lejn Alla għall-gwida; id-don li nkunu dixxipli; id-don li nieħdu ħsieb ħaddieħor; id-don li nkunu kapaċi nixtarru; id-don li noffru t-talb; id-don li naqsmu ma’ ħaddieħor testimonjanza soda; u d-don li nirċievu l-Ispirtu s-Santu” (“There Are Many Gifts,” Ensign, Nov. 1987, 20).

  8. Pawlu għallem ukoll, “Alla jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Korintin 1:4).

  9. Il-Presbiteru Richard G. Scott spjega: “Alla għandu pjan speċifiku għal ħajjitkom. Huwa lilkom jiżvelalkom parti minn dak il-pjan hekk kif intom tfittxu dan b’ fidi u b’ ubbidjenza konsistenti” (“How to Live Well amid Increasing Evil,” Liahona, Mejju 2004, 102).

  10. Mother Teresa, f’ Edward W. Desmond, “Interview with Mother Teresa: A Pencil in the Hand of God,” Time, 4 ta’ Diċ. 1989, time.com.