2010-2019
Il-Pjan u l-Proklamazzjoni
Ottubru 2017


Il-Pjan u l-Proklamazzjoni

Il-proklamazzjoni tal-familja hija l-enfasi mill-ġdid li l-Mulej għamel fuq il-veritajiet tal-evanġelju li aħna lkoll neħtieġu sabiex isostnuna qalb l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-familja.

Kif inhu evidenti fil-proklamazzjoni tal-familja, il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huma mberkin b’ duttrina unika u b’ perspettiva differenti kif huma jħarsu lejn id-dinja. Aħna nipparteċipaw u saħansitra neċċellaw f’ bosta attivitajiet tad-dinja, iżda hemm attivitajiet oħra tad-dinja li aħna m’għandna qatt nipparteċipaw fihom hekk kif aħna nfittxu li nimxu wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u l-Appostli Tiegħu, kemm tal-qedem kif ukoll ta’ żmienna.

I.

Permezz ta’ parabbola, Ġesù ddeskriva lil dawk li “jisimgħu l-kelma” iżda “ma jagħmlux frott” meta l-kelma “tinħonoq” permezz “tal-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art” (Mattew 13:22). Aktar tard, Ġesù kkoreġa lil Pietru għax ma ħasibx “fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin,” fejn iddikjara, “Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?” (Mattew 16:23, 26). Fl-aħħar tagħlim Tiegħu fil-ħajja mortali, Huwa qal lill-Appostli Tiegħu, “Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-dinja, … id-dinja tobgħodkom” (Ġwanni 15:19; ara wkoll Ġwanni 17:14, 16).

Bl-istess mod, il-kitba tal-ewwel Appostli ta’ Ġesù spiss kienet tinkludi fiha l-immaġni tad-“dinja” li tirrappreżenta oppożizzjoni lejn it-tagħlim tal-evanġelju. “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja” (Rumani 12:2), għallem l-Appostlu Pawlu. “Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla” (1 Korintin 3:19). U, “Qisu,” huwa widdeb, “li ħadd ma ijassarkom … skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu” (Kolossin 2:8). L-Appostlu Ġakbu għallem li “l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu ta’ Alla. Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla” (Ġakbu 4:4).

Il-Ktieb ta’ Mormon spiss juża din l-immaġni tal-oppożizzjoni tad-“dinja.” Nefi bassar il-qerda eventwalment ta’ “dawk li jiftaħru b’ rixhom biex ikunu popolari f’ għajnejn id-dinja, u dawk li jfittxu … l-ħwejjeġ tad-dinja” (1 Nephi 22:23; ara wkoll 2 Nephi 9:30). Alma kkundanna lil dawk li kienu “mkabbrin … minħabba l-ħwejjeġ vanitużi tad-dinja” (Alma 31:27). Il-ħolma ta’ Leħi turina li dawk li jfittxu li jimxu wara l-bastun tal-ħadid, il-kelma ta’ Alla, jirnexxilhom jikkumbattu l-oppożizzjoni tad-dinja. L-okkupanti tal-“bini kbir u spazjuż” li Leħi ra kienu qegħdin “jgħadduhom biż-żmien” u “jirridikolawhom” (1 Nephi 8:26–27, 33). Fil-viżjoni li kellu li interpretat din il-ħolma, Nefi tgħallem li din ir-ridikulaġni u l-oppożizzjoni kienu ġejjin mill- “miġemgħa tad-dinja, … mid-dinja u l-għerf tagħha; … il-kburija tad-dinja” (1 Nephi 11:34–36).

Immaġni
Ritratt tal-President ThomasS. Monson

X’inhi t-tifsira ta’ dawn it-twissijiet u l-kmandamenti li ma nkunux “tad-dinja” jew il-kmandament ta’ żmienna biex “niċħdu d-dinja”? (D&C 53:2). Il-President Thomas S. Monson iddeskriva fi ftit kliem dan it-tagħlim: “Jeħtieġ li aħna nkunu viġilanti f’ dinja li tbiegħdet wisq minn dak li huwa spiritwali. Hija ħaġa mill-aktar essenzjali li aħna niċħdu kull ħaġa li mhijiex konforma mal-istandards tagħna, li fil-proċess nirrifjutaw li nikkonsenjaw ruħna għal dak li nixtiequ l-aktar: il-ħajja eterna fis-saltna ta’ Alla.”1

Alla ħoloq din id-dinja skont il-pjan Tiegħu biex jipprovdi lill-ulied spirti Tiegħu post li fih huma jesperjenzaw il-mortalità bħala pass neċessarju lejn il-glorji li Huwa jixtieq għal uliedu kollha. Filwaqt li hemm diversi saltniet u glorji, l-akbar xewqa li Missierna tas-Smewwiet għandu għal uliedu hi dik li l-President Monson isejħilha “l-ħajja eterna fis-saltna ta’ Alla,” li hija l-eżaltazzjoni bħala familji. Din hija xi ħaġa ogħla mis-salvazzjoni. Il-President Russell M. Nelson fakkarna, “Fil-pjan etern ta’ Alla, is-salvazzjoni hija xi ħaġa li niksbuha b’ mod individwali; iżda l-eżaltazzjoni hija xi ħaġa li niksbuha bħala familja.”2

L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu u l-proklamazzjoni ispirata tal-familja, li se niddiskutiha dalwaqt, huma tagħlim essenzjali li jiggwida t-tħejjija mortali għall-eżaltazzjoni. Anke filwaqt li aħna għandna ngħixu skont il-liġijiet maritali u skont ċerti drawwiet oħra f’ dinja li aktar ma tmur aktar qed issir ħażina, dawk li jagħmlu l-almu tagħhom biex jilħqu l-eżaltazzjoni jeħtieġ jagħmlu ċerti għażliet personali fil-ħajja tal-familja skont il-mod kif irid il-Mulej kull meta l-mod tal-Mulej ikun differenti mill-mod tad-dinja.

F’ din il-ħajja mortali, aħna ma bqajniex niftakru x’ ġara qabel ma aħna twelidna, u issa f’ din id-dinja aħna qed nesperjenzaw l-oppożizzjoni. Aħna nikbru u nimmaturaw spiritwalment meta aħna nagħżlu li nobdu l-kmandamenti ta’ Alla f’ suċċessjoni ta’ għażla tajba wara l-oħra. Dan jinkludi ċerti patti u ordinanzi kif ukoll li aħna nindmu meta aħna ma nagħżlux it-tajjeb. B’ kuntrast għal dan, jekk aħna ma tantx ikollna fiduċja fil-pjan ta’ Alla u nkunu diżubbidjenti jew deliberatament nibqgħu lura milli nagħmlu xi ħaġa, aħna nkunu qed inwaqqfu dak it-tkabbir u dik il-maturità. Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem, “Din il-ħajja hija ż-żmien li fih il-bnedmin jitħejjew biex jiltaqgħu ma’ Alla” (Alma 34:32).

II.

Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li jifhmu l-pjan tas-salvazzjoni għandhom perspettiva unika li tgħinhom jaraw ir-raġuni għalfejn aħna għandna l-kmandamenti tal-Alla, tgħinhom jifhmu r-raġuni wara n-natura li ma tinbidel qatt tal-ordinanzi meħtieġa Tiegħu, u l-irwol fundamentali tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna jipprovdilna mod kif aħna nistgħu negħlbu l-mewt u jsalvana mid-dnub jekk aħna nindmu. B’ din il-perspettiva, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandhom ċerti prioritajiet u drawwiet distintivi u huma mberkin bil-qawwa li tgħinhom jikkumbattu l-frustrazzjoni u l-uġigħ tal-ħajja mortali.

Inevitabbilment, l-għemejjel ta’ dawk li jippruvaw jimxu wara l-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla jafu jwasslu għal nuqqas ta’ ftehim jew saħansitra kunflitt ma’ dawk il-membri tal-familja u dawk il-ħbieb li ma jemmnux fl-istess prinċipji. Dejjem se jkun hemm dan il-kunflitt. Kull ġenerazzjoni li ppruvat timxi wara l-pjan ta’ Alla kellha l-isfidi tagħha. Fi żmien il-qedem, il-profeta Isaija għamel il-kuraġġ lill-Iżraelin, li lilhom huwa sejjaħ “intom li tagħrfu l-ġustizzja, … il-liġi tiegħi f’qalbkom.” Lilhom huwa qal, “La tibżgħux mit-tagħjir tan-nies; u minn tkasbirhom la tiregħxux” (Isaija 51:7; ara wkoll 2 Nephi 8:7). Iżda tkun xi tkun il-kawża ta’ kunflitt ma’ dawk li ma jifhmux jew ma jemmnux il-pjan ta’ Alla, dawk li jifhmuh huma dejjem mitlubin biex jagħżlu l-mod kif irid il-Mulej mhux kif trid id-dinja.

III.

Il-pjan tal-evanġelju li kull familja għandha timxi warajh biex tkun tista’ titħejja għall-ħajja eterna u għall-eżaltazzjoni huwa deskritt fil-qosor fil-proklamazzjoni tal-Knisja tal-1995, “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.”3 Id-dikjarazzjonijiet li nsibu fiha huma, bla dubju, differenti għall-aħħar mil-liġijiet, mid-drawwiet u mid-dikjarazzjonijiet kurrenti tad-dinja li ninsabu ngħixu fiha. Fi żmienna, id-differenzi l-aktar evidenti huma l-koabitazzjoni mingħajr żwieġ, iż-żwieġ bejn nies tal-istess sess u t-trobbija tat-tfal f’ relazzjonijiet bħal dawn. Dawk li ma jemmnux fl-eżaltazzjoni jew ma jaspirawx għaliha u li jipperswadu ruħhom mill-modi tad-dinja jikkunsidraw din il-proklamazzjoni tal-familja bħala sempliċiment dikjarazzjoni ta’ polisi partikolari li hemm bżonn tinbidel. B’ kuntrast għal dan, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jaffermaw li l-proklamazzjoni tal-familja tiddefinixxi t-tip ta’ relazzjonijiet tal-familja li fihom iseħħ l-aktar żvilupp importanti li aħna jista’ jkollna, l-iżvilupp etern tagħna.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar bdejna naraw il-pubbliku ġenerali jaċċetta l-koabitazzjoni mingħajr żwieġ u ż-żwieġ bejn nies tal-istess sess. Is-sapport, l-edukazzjoni u saħansitra l-ħtiġijiet okkupazzjonali tal-midja qed joħolqu ċerti sfidi diffiċli għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Jeħtieġ li aħna nippruvaw nibbilanċjaw id-domanda kompetittiva li aħna għandna li nimxu wara l-liġijiet u t-tagħlim tal-evanġelju fil-ħajja personali tagħna, sewwasew hekk kif aħna nippruvaw nuru mħabbitna lejn kulħadd.4 Hekk kif nagħmlu dan, xi kultant aħna jkollna niffaċċjaw, iżda mingħajr ma nibżgħu, dak li Isaija sejjaħlu “t-tagħjir tan-nies.”

Dawk il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li kkonvertew verament jemmnu li l-proklamazzjoni tal-familja, li ħarġet kważi kwart ta’ seklu ilu u li llum hija tradotta f’ numru kbir ta’ lingwi, hija l-enfasi mill-ġdid li l-Mulej għamel fuq il-veritajiet tal-evanġelju, veritajiet li aħna lkoll neħtieġu biex isostnuna qalb l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-familja. Żewġ eżempji ta’ dan huma ż-żwieġ bejn nies tal-istess sess u l-koabitazzjoni mingħajr żwieġ. Kien biss 20 sena wara l-proklamazzjoni tal-familja li l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti awtorizzat iż-żwieġ bejn nies tal-istess sess, ħaġa li mhi xejn ħlief att sovversiv kontra eluf ta’ snin ta’ żwieġ limitat biss bejn raġel u mara. Il-persentaġġ xokkanti ta’ tfal fl-Istati Uniti li twieldu minn omm li mhijiex miżżewġa lill-missier it-tarbija qiegħed aktar ma jmur aktar jikber. 5 fil-mija fl-1960,5 32 fil-mija fl-1995,6 u llum il-ġurnata 40 fil-mija.7

IV.

Il-proklamazzjoni tal-familja tibda billi tiddikjara “li ż-żwieġ bejn raġel u mara hu ordnat minn Alla u li l-familja hija fil-qalba tal-pjan tal-Kreatur għad-destin etern ta’ wliedu.” Tafferma wkoll li “s-sess tagħna, aħniex maskili jew femminili, huwa karatteristika essenzjali tal-identità u l-għan primortali, mortali u etern ta’ kull individwu.” Tkompli tiddikjara “li Alla talabna biex il-qawwiet sagri tal-prokreazzjoni għandhom jitħaddmu biss minn raġel u mara li huma miżżewġin skont il-liġi.”

Il-proklamazzjoni tafferma d-dmir kontinwu tar-raġel u l-mara li joktru u jimlew id-dinja u li għandhom “responsabbiltà solenni li jħobbu u jieħdu ħsieb xulxin u jieħdu ħsieb wliedhom”: “It-tfal huma intitolati li jitwieldu minn rabta taż-żwieġ, u jittrabbew minn missier u omm li jonoraw il-wegħdi taż-żwieġ tagħhom b’ lealtà sħiħa.” Hija twiddeb b’ solennità kontra l-abbuż lejn il-mara (jew raġel) jew lejn l-ulied, u tafferma li “l-kuntentizza fil-ħajja tal-familja hemm ċans akbar li tinkiseb meta tkun ibbażata fuq it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.” Finalment, tħeġġiġna wkoll biex nippromwovu “miżuri uffiċjali maħluqin biex isostnu u jsaħħu l-familja bħala l-unit fundamentali tas-soċjetà.”

Fl-1995, President tal-Knisja u 14-il Appostlu ieħor tal-Mulej ħarġu dawn id-dikjarazzjonijiet duttrinali mill-aktar importanti. Bħala wieħed mis-seba’ Appostli li għadna ħajjin, għall-informazzjoni ta’ dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu, jiena nħossni obbligat li naqsam magħkom x’ kien li wassal għall-proklamazzjoni tal-familja.

It-tmexxija tal-Knisja, ‘il fuq minn 23 sena ilu, irċeviet l-ispirazzjoni li wasslitna biex nidentifikaw il-bżonn għal proklamazzjoni dwar il-familja. Kienet sorpriża għal xi wħud li ħasbu li l-veritajiet duttrinali dwar iż-żwieġ u l-familja kulħadd kien jifhimhom sew mingħajr il-bżonn li aħna nerġgħu nagħmlu enfażi dwarhom.8 Madankollu, aħna ħassejna din il-konferma u għamilna xi ħaġa dwarha. Għal madwar sena sħiħa l-membri tal-Kworum tat-Tnax identifikaw u ddiskutew numru ta’ suġġetti. Il-lingwa ġiet proposta, analizzata u riveduta. Aħna kontinwament tlabna bil-ħerqa lill-Mulej għall-ispirazzjoni Tiegħu dwar x’ għandna ngħidu u kif għandna ngħiduh. Aħna tgħallimna “linja wara linja, preċett wara preċett,” kif wiegħed il-Mulej (D&C 98:12).

Immaġni
Ritratt tal-President GordonB. Hinckley

Waqt dan il-proċess rivelatorju, ġie ppreżentat test lill-Ewwel Presidenza, li ssorveljaw u ddikjaraw it-tagħlim u d-duttrina tal-Knisja. Wara li l-membri tal-Presidenza għamlu aktar tibdil, il-proklamazzjoni dwar il-familja ġiet imħabbra mill-President tal-Knisja, Gordon B. Hinckley. Fil-laqgħa tan-nisa tat-23 ta’ Settembru, 1995, huwa introduċa l-proklamazzjoni permezz ta’ dan il-kliem: “B’ daqstant sofistika li tiġi ddikjarata bħala verità, b’ daqstant qerq fejn jidħlu standards u valuri, b’ daqstant tentazzjoni u istigazzjonijiet biex niċċappsu bl-affarijiet tad-dinja, aħna ħassejna li għandna nwissu u nerġgħu nwissu.”9

Jiena nixhed li l-proklamazzjoni dwar il-familja hija dikjarazzjoni ta’ verità eterna, ir-rieda tal-Mulej għal uliedu li qed ifittxu l-ħajja eterna. Kienet il-bażi tat-tagħlim u d-drawwiet tal-Knisja għal dawn l-aħħar 22 sena u se tkompli tkun hekk fil-ġejjieni. Araw li anke intom tikkunsidrawha hekk, araw li intom tgħallmuha, tgħixu skont il-prinċipji tagħha u żgur tkunu mberkin hekk kif timxu ‘l quddiem lejn il-ħajja eterna.

Erbgħin sena ilu, il-President Ezra Taft Benson għallem li “kull ġenerazzjoni għandha l-isfidi tagħha u n-nies ta’ dik il-ġenerazzjoni għandhom ukoll iċ-ċans li jieqfu u jippruvaw lilhom infushom.”10 Jiena nemmen li l-attitudni tagħna lejn il-proklamazzjoni tal-familja u l-mod kif aħna nużawha huma wħud mill-isfidi ta’ din il-ġenerazzjoni. Jiena nitlob biex il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jieqfu fermi f’ din l-isfida.

Se nagħlaq bit-tagħlim li l-President Gordon B. Hinckley għallem sentejn wara li ġiet mħabbra l-proklamazzjoni tal-familja. Huwa qal: Jiena qed nara futur mill-isbaħ f’ dinja mill-aktar inċerta. Jekk aħna ngħixu skont il-valuri tagħna, jekk aħna nkomplu nibnu fuq il-wirt tagħna, jekk aħna nimxu f’ ubbidjenza quddiem il-Mulej, jekk aħna sempliċiment ngħixu l-evanġelju, aħna niġu mberkin b’ mod mill-aktar meraviljuż. Jibdew iħarsu lejna bħala nies pekuljari li rnexxielna nsibu s-sigriet għall-ferħ pekuljari.”11

Jiena nixhed dwar il-verità u l-importanza eterna tal-proklamazzjoni tal-familja, kif żvelata mill-Mulej Ġesù Kristu lill-Appostli Tiegħu għall-eżaltazzjoni ta’ wlied Alla (ara Doctrine and Covenants 131:1–4), f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Thomas S. Monson, “Stand in Holy Places,” Liahona, Nov. 2011, 83.

  2. Russell M. Nelson, “Salvation and Exaltation,” Liahona, Mejju 2008, 10.

  3. Ara “The Family: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129.

  4. Ara Dallin H. Oaks, “Love and Law,” Liahona, Nov. 2009, 26–29.

  5. Ara “‘Disastrous’ Illegitimacy Trends,” Washington Times, 1 ta’ Diċ. 2006, washingtontimes.com.

  6. Ara Stephanie J. Ventura and others, “Report of Final Natality Statistics, 1996,” Monthly Vital Statistics Report, 30 ta’ Ġunju, 1998, 9.

  7. Ara Brady E. Hamilton u oħrajn, “Births: Provisional Data for 2016,” Vital Statistics Rapid Release, Ġunju 2017, 10.

  8. Kemm hu tajjeb dak li tenniet 20 sena wara l-President Ġenerali tat-Tfajliet tagħna: “Ftit li xejn irrealizzajna dak iż-żmien kemm fid-dinja tal-lum aħna se jkollna daqstant bżonn dawn id-dikjarazzjonijiet bażiċi bħala l-kriterja li fuqha aħna nistgħu niġġudikaw lil kull tagħlim ġdid u filosofija ġdida tad-dinja li tasal għandna permezz tal-midja, tal-Internet, tal-istudjużi, tat-televiżjoni u l-films kif ukoll mingħand il-leġiżlaturi. Il-proklamazzjoni tal-familja saret l-istandard li permezz tiegħu aħna niġġudikaw il-filosofiji tad-dinja, u jiena nixhed li l-prinċipji li aħna nsibu f’ din id-dikjarazzjoni huma vera llum daqskemm kienu vera meta ġew mogħtija lilna minn profeta ta’ Alla kważi 20 sena ilu” (Bonnie L. Oscarson, “Defenders of the Family Proclamation,” Liahona, Mejju 2015, 14–15).

  9. Gordon B. Hinckley, “Stand Strong against the Wiles of the World,” Ensign, Nov. 1995, 100.

  10. Ezra Taft Benson, “Our Obligation and Challenge” (indirizz mogħti fis-seminar tar-rappreżentanti reġjonali, 30 ta’ Sett. 1977), 2; f’ David A. Bednar, “On the Lord’s Side: Lessons from Zion’s Camp,” Liahona, Lulju 2017, 19.

  11. Teachings of Presidents of the Church: Gordon B. Hinckley (2016), 186; ara wkoll Gordon B. Hinckley, “Look to the Future,” Ensign, Nov. 1997, 69.