2010-2019
Difensuri tal-Proklamazzjoni tal-Familja
April 2015


Difensuri tal-Proklamazzjoni tal-Familja

Ejjew ngħinu biex tinbena s-saltna ta’ Alla billi nieqfu fermi għal dak li nemmnu fih u nkunu difensuri taż-żwieġ, tal-irwol tal-ġenituri, u tal-familja.

X’ ferħ qed inħoss li għandi l-privileġġ li nifforma parti minn din l-assemblea meraviljuża ta’ tfajliet u nisa. Kemm aħna mberkin bħala nisa li ninsabu magħqudin flimkien illejla f’ unità u mħabba.

Immaġni
Old portrait of Marie Madeleine Cardon

M’ilux jiena qrajt l-istorja ta’ Marie Madeline Cardon, li flimkien mal-familja tagħha, irċeviet il-messaġġ tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu mill-ewwel missjunarji li ġew imsejħa biex iservu fl-Italja fl-1850. Meta tgħammdet kienet għadha mara żagħżugħa ta’ xi 17 jew 18-il sena. Darba waħda f’ jum il-Ħadd, meta l-membri tal-familja tagħha kienu għaddejjin b’ servizz ta’ qima ġewwa d-dar tagħhom f’ post fil-għoli qalb l-Alpi tal-Italja tat-tramuntana, grupp ta’ rġiel vjolenti u rrabjati, fosthom xi wħud mill-ministri reliġjużi tal-lokal, inġabru madwar id-dar tagħhom u bdew jgħajjtu, iwerżqu u jsejħu lill-missjunarji biex joħorġu barra. Ma naħsibx li bdew jagħmlu dan daqs kemm kienu anzjużi biex jitgħallmu l-evanġelju—l-intenzzjoni tagħhom kienet li jweġġgħuhom. Kienet Marie li ħarġet barra mid-dar biex tikkonfronta lil din il-marmalja.

Huma komplew għaddejjin bl-għajjat vizzjuż tagħhom u talbu sabiex il-missjunarji joħorġu barra. Marie għolliet ’il fuq il-Bibbja u talbithom sabiex jitilqu minn hemm. Hija qaltilhom li l-presbiteri kienu taħt il-protezzjoni tagħha u ma kienet se tħalli jmissulhom lanqas xagħra waħda minn rashom. Isimgħu kliemha: ”Inħasdu lkoll. … Alla kien miegħi. Huwa poġġa dak il-kliem f’ ħalqi, għaliex żgur li ma kienx jirnexxili ngħid dak li għedt. F’ daqqa waħda waqa’ kwiet kbir. Dak il-grupp kbir ta’ rġiel feroċi waqfu ġwejda quddiem tfajla dgħajfa, li għalkemm kienet tirtogħod, kienet mingħajr biża’.” Il-ministri reliġjużi talbu lill-irġiel li kienu qed jagħmlu parti mill-marmalja sabiex jitilqu minn hemm, u hekk għamlu bil-kwiet kollu, kollhom mistħija, biża’ u rimors. Il-membri ta’ dik il-fergħa żgħra komplew bil-laqgħa tagħhom fil-paċi.1

Tistgħu timmaġinaw lil dik il-tfajla żagħżugħa u brava, l-istess età ta’ ħafna minnkom, wieqfa quddiem il-marmalja u tiddefendi it-twemmin li kienet għadha kif sabet f’ ħajjitha, b’ kuraġġ u konvinzjoni?

Ħuti, huma ftit fostna dawk li qatt se jħabbtu wiċċhom ma’ marmalja rrabjata, iżda għaddejja gwerra f’ din id-dinja li fiha l-aktar duttrina għażiża u bażika tagħna qiegħda tkun attakkata kontinwament. Qed nitkellem speċifikament dwar id-duttrina tal-familja. Is-santità tad-dar u l-għanijiet essenzjali tal-familja qed jiġu ttestjati, ikkritikati u attakkati b’ kull mod possibbli.

Meta l-President Gordon B. Hinckley qara għall-ewwel darba ”Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” 20 sena ilu, aħna konna verament grati u apprezzajna dan id-dokument li ġie żvelat bl-aktar mod ċar, sempliċi u mimli verità. Ftit li xejn iżda rrealizzajna kemm konna se niġu bżonn dawn id-dikjarazzjonijiet bażiċi fid-dinja tal-lum bħala l-kriterji li bihom niġġudikaw kull filosofija ġdida li twasslilna d-dinja permezz tal-midja, tal-Internet, ta’ nies studjużi, tat-televiżjoni u l-films, u saħansitra mingħand in-nies li jfasslu l-liġijiet. Il-proklamazzjoni dwar il-familja saret l-istandard li permezz tiegħu aħna niġġudikaw il-filosofiji tad-dinja, u jiena nixhed li l-prinċipji li jissemmew f’ din id-dikjarazzjoni huma vera llum daqs kemm kienu meta ġew mogħtija lilna minn profeta ta’ Alla kważi 20 sena ilu.

Ippermettuli nsemmi xi ħaġa li tidher ovvja? Il-ħajja rari ħafna tiġi eżatt skont kif nippjanaw, u aħna konxji li mhux in-nisa kollha qed jesperjenzaw dak li tiddeskrivi l-proklamazzjoni. Iżda xorta waħda importanti nifhmu u ngħallmu l-mod tal-Mulej u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħixu kif irid il-Mulej bl-aħjar mod li nistgħu.

Kollha kemm aħna għandna parti x’ nagħmlu f’ dan il-pjan, u lkoll kemm aħna għandna l-istess valur f’ għajnejn il-Mulej. Għandna niftakru li Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna huwa konxju tax-xewqat tajbin tagħna u Huwa jonora l-wegħdiet Tiegħu li dawk li jżommu l-patti tagħhom b’ fedeltà ma jiġu mċaħħda minn xejn. Missierna tas-Smewwiet għandu missjoni u pjan għalina lkoll, iżda Huwa jwettaq kollox fil-ħin Tiegħu. Waħda mill-akbar sfidi f’ din il-ħajja hi li jkollna l-fidi fil-ħin tal-Mulej. Hija idea tajba li jkollna pjan alternattiv f’ moħħna, li jgħinna li nkunu nisa li nżommu l-patti tagħna, nisa karitabbli u twajbin li lesti nibnu s-saltna ta’ Alla anke jekk ħajjitna tmur mhux kif ippjanat. Jeħtieġ ngħallmu lil uliedna biex jimmiraw lejn is-sitwazzjoni ideali iżda fl-istess ħin ifasslu pjan għal li jista’ jinqala’.

Tul din is-sena li qed tfakkar l-20 anniversarju tal-proklamazzjoni tal-familja, nixtieq inpoġġi quddiemna lkoll bħala nisa tal-Knisja sfida biex inkunu difensuri tal-”Familja: ”Proklamazzjoni lid-Dinja.” Bl-istess mod li Marie Madeline Cardon b’ kuraġġ kbir iddefendiet lill-missjunarji u t-twemmin ġdid tagħha, aħna jeħtieġ li b’ qawwa niddefendu d-duttrina żvelata mill-Mulej dwar iż-żwieġ, il-familji, l-irwol divin tal-irġiel u n-nisa, u l-importanza li darna tkun post sagru—anke meta d-dinja tkun qiegħda tgħajjat f’ widnejna li dawn il-prinċipji huma antikwati, jirristrinġuna u m’ għadhomx aktar relevanti. Kull persuna, hi x’inhi ċ-ċirkustanza tagħha fiż-żwieġ jew kemm għandha tfal, tista’ tkun difensura tal-pjan tal-Mulej kif deskritt fil-proklamazzjoni tal-familja. Jekk dan huwa l-pjan tal-Mulej, għandu jkun ukoll il-pjan tagħna!

Hemm tliet prinċipji li nistgħu nitgħallmu mill-proklamazzjoni li jiena naħseb li hemm bżonn li niddefenduhom b’ qawwa. L-ewwel prinċipju hu li ż-żwieġ huwa bejn raġel u mara. Aħna mgħallmin fl-iskrittura, ”Imma la l-mara ma hi mingħajr ir-raġel u lanqas ir-raġel mingħajr il-mara fil-Mulej.”2 Biex xi ħadd jikseb il-milja tal-barkiet tas-saċerdozju, jeħtieġ li bħala raġel u mara jiġu ssiġillati fid-dar tal-Mulej, jaħdmu flimkien fis-sewwa u jibqgħu fidili lejn il-patti tagħhom. Dan huwa l-pjan tal-Mulej għal uliedu, u l-ebda diskors pubbliku, twil kemm hu twil, jew l-ebda kritika ma jibdlu dak li ddikjara l-Mulej. Jeħtieġ inkomplu nfasslu żwiġijiet ġusti, infittxu li niksbu dik il-barka f’ ħajjitna, u jkollna l-fidi jekk din il-barka tidher li għadha ’l bogħod biex niksbuha. Ejjew inkunu difensuri taż-żwieġ kif ordnah il-Mulej filwaqt li nkomplu nuru l-imħabba u l-kompassjoni lejn dawk b’ opinjoni differenti.

Il-prinċipju li jmiss li jsejħilna biex nsemmgħu leħinna hu sabiex nelevaw l-irwoli divini tal-ommijiet u l-missirijiet. Aħna ngħallmu b’ ħerqa lil uliedna sabiex jippruvaw jirnexxu kemm jistgħu f’ din il-ħajja. Irridu niżguraw li wliedna l-bniet ikunu jafu li huma għandhom il-potenzjal kollu li jiksbu u jkunu dak kollu li huma jimmaġinaw. Nittamaw li huma jħobbu jitgħallmu, jedukaw ruħhom, jiżviluppaw it-talenti tagħhom u forsi jsiru l-Marie Curie jew l-Eliza R. Snow li jmiss.

Iżda qegħdin ngħallmu wkoll lil uliedna li m’hemmx unur akbar, l-ebda titlu ogħla u l-ebda rwol aktar importanti minn dak ta’ omm u missier? Nittama li hekk kif aħna ninkuraġġixxu lil uliedna sabiex jippruvaw jilħqu kemm jistgħu f’ din il-ħajja, aħna ngħallmuhom ukoll sabiex jonoraw u jeżaltaw l-irwoli li l-ommijiet u l-missirijiet għandhom fil-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet.

It-tifla ż-żgħira tagħna, Abby, rat quddiemha opportunità unika li tiddefendi l-irwol ta’ omm. Darba waħda hija rċeviet nota mill-iskola tat-tfal tagħha li huma kien se jkollhom preżentazzjoni ta’ Jum il-Karrieri fl-iskola tagħhom. Il-ġenituri ġew mistiedna sabiex jibagħtu applikazzjoni jekk huma xtaqu li jmorru l-iskola biex jgħallmu lit-tfal dwar l-impjiegi tagħhom, u Abby ħasset li kellha tapplika biex tmur u titkellem dwar l-irwol tagħha ta’ omm. Hija ma rċeviet xejn mill-iskola u meta kien riesaq Jum il-Karrieri, hija finalment ċemplet l-iskola għax ħasbet li kienu tilfu l-applikazzjoni tagħha. L-organizzaturi raw x’ setgħu jagħmlu u sabu żewġ għalliema li qablu li Abby tmur titkellem fil-klassijiet tagħhom fit-tmiem il-Jum tal-Karrieri.

Waqt il-preżentazzjoni mill-aktar interessanti tagħha, Abby għallmithom, fost ħwejjeġ oħra, li bħala omm hija kien jeħtieġ li tkun xi ftit esperta fil-mediċina, fil-psikoloġija, fir-reliġjon, fit-tagħlim, fil-mużika, fil-letteratura, fl-arti, fil-finanzi, fit-tiżjin, fl-istili tax-xagħar, fis-sewqan, fl-isports, fit-tisjir u f’ ħafna ħwejjeġ oħra. It-tfal verament impressjonaw ruħhom. Hija spiċċat il-preżentazzjoni billi qabbdet lit-tfal sabiex jiftakru f’ ommhom billi jiktbu nota bi grazzi fuqha, u billi fuqha jesprimu l-gratitudni tagħhom għas-servizz kollu mħabba li huma jirċievu kuljum mingħandha. Abby ħasset li t-tfal bdew iħarsu lejn ommijiethom b’ dawl ġdid u li xi ħadd ikun omm jew missier hija karriera ta’ valur kbir. Hija applikat biex din is-sena wkoll hija taqsam dan f’ Jum il-Karrieri u ġiet mistiedna sabiex tippreżenta sitt klassijiet.

Immaġni
Sister Oscarson's daughter, Abby, holding a portrait of her children

Abby qalet hekk dwar l-esperjenza tagħha: ”Naħseb li huwa faċli li f’ din id-dinja tifel jew tifla jħossu li l-irwol ta’ ġenitur huwa impjieg sekondarju jew xi kultant inkonvenjenza neċessarja. Nixtieq li t-tfal kollha jħossu li huma l-akbar prijorità tal-ġenituri tagħhom, u forsi il-fatt li jien għedtilhom kemm huwa importanti għalija l-irwol tiegħi ta’ omm jista’ jgħinhom jirrealizzaw x’ jagħmlu għalihom il-ġenituri tagħhom u għalfejn huma jagħmlu dan.”

Il-profeta għażiż tagħna, il-Profeta Thomas S. Monson, huwa eżempju mill-isbaħ ta’ raġel li jonora lin-nisa u l-irwol tagħhom ta’ omm, speċjalment lill-istess ommu. B’ referenza għall-ommijiet mortali tagħna, huwa qal: ”Jalla lkoll kemm aħna ngħożżu din il-verità; wieħed ma jistax jinsa lil ommu u jiftakar f’ Alla. Wieħed ma jistax jiftakar f’ ommu u jinsa lil Alla. Għalfejn? Għaliex dawn iż-żewġ persuni sagri, Alla u l-omm mortali tagħna, huma sieħba fil-ħolqien, fl-imħabba, fis-sagrifiċċju, fis-servizz, qishom ħaġa waħda.”3

L-aħħar prinċipju li għandna bżonn niddefendu huwa s-santità tad-dar. Jeħtieġ li nitkellmu dwar frażi li xi kultant ħafna jispiċċaw jirridikulawha u minflok nippruvaw nelevawha. Il-frażi hi persuna li tieħu ħsieb id-dar. Ilkoll kemm aħna—nisa, irġiel, żgħażagħ u tfal, miżżewġin jew le—nistgħu naħdmu bħala persuni li nieħdu ħsieb id-dar. Għandna ”nagħmlu djarna” postijiet ta’ ordni, refuġju, qdusija u sigurtà. Djarna għandhom ikunu postijiet fejn jinħass b’ mod abbundanti l-Ispirtu tal-Mulej u fejn l-iskrittura u l-evanġelju jiġu studjati, mgħallmin u mgħixa. X’ differenza naraw fid-dinja jekk in-nies kollha jibdew iħarsu lejhom infushom bħala persuni li jieħdu ħsieb id-dar tagħhom—dar mibnija fuq is-sewwa. Ejjew niddefendu d-dar bħala post li fejn tidħol qdusija jiġi t-tieni wara t-tempju.

Ħuti, jiena grata li jiena mara f’ dawn l-aħħar jiem. Aħna għandna opportunitajiet u possibiltajiet li l-ebda ġenerazzjoni oħra ta’ nisa fid-dinja qatt ma kellhom. Ejjew ngħinu biex tinbena s-saltna ta’ Alla billi nieqfu fermi għal dak li nemmnu fih u nkunu difensuri taż-żwieġ, tal-irwol tal-ġenituri, u tal-familja. Il-Mulej jeħtieġ li aħna nkunu bravi, sodi u gwerriera qalbiena li niddefendu l-pjan Tiegħu u ngħallmu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna l-veritajiet Tiegħu.

Jiena nagħti xhieda li Missierna tas-Smewwiet jgħix u jħobb lil kull wieħed u waħda minna. Ibnu Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Jiena naqsam din it-testimonjanza magħkom f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Marie Madeline Cardon Guild, “Marie Madeline Cardon Guild: An Autobiography,” cardonfamilies.org/Histories/MarieMadelineCardonGuild.html; ara wkoll Marie C. Guild autobiography, circa 1909, Church History Library, Salt Lake City, Utah.

  2. 1 Korintin 11:11.

  3. Thomas S. Monson, “Behold Thy Mother,” Ensign, Jan. 1974, 32.