2010-2019
Il-Mulej Hu d-Dawl Tiegħi
April 2015


Il-Mulej Hu d-Dawl Tiegħi

L-abbiltà tagħna li nieqfu fermi u b’ fedeltà u nimxu wara s-Salvatur minkejja ċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu tal-ħajja tissaħħaħ ferm permezz ta’ familji twajba u tal-għaqda mibnija fuq Kristu fl-oqsma u l-fergħat tagħna.

F’ dan l-istaġun tal-Għid aħna nifirħu u nirriflettu dwar il-fidwa li pprovdielna s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.1

L-istorbju li jivvibra madwar id-dinja minħabba l-ħażen li jinsab fiha joħloq ċerti sentimenti ta’ vulnerabbiltà. Permezz tal-komunikazzjoni moderna l-impatt tal-ħażen, l-inugwaljanza u l-inġustizzja iwasslu biex ħafna jħossuhom li l-ħajja hija min-natura inġusta. Sinifikanti kemm huma sinifikanti dawn l-isfidi, m’ għandhomx iżommuna milli nifirħu u niċċelebraw l-interċessjoni divina ta’ Kristu f’ isimna. Is-Salvatur letteralment ”kiseb ir-rebħa fuq il-mewt.” Bi ħniena u kompassjoni Huwa ħa fuqu nnifsu l-ħażen kollu u t-trasgressjonijiet kollha tagħna, u b’ hekk fdiena u ssodisfa d-domanda tal-ġustizzja għal dawk kollha li jindmu u jemmnu f’ ismu.2

Is-sagrifiċċju kbir tal-att tal-fidwa Tiegħu huwa ta’ sinifikat traxxendenti li jiżboq l-għarfien mortali. Dan l-att ta’ grazzja jipprovdilna l-paċi li tiżboq l-għarfien kollu tagħna.3

Kif nistgħu aħna, mela, nikkumbattu r-realtà ħarxa ta’ madwarna?

Immaġni
Some yellow flowers on a mound of dirt.

Marti, Mary, minn dejjem tħobb il-ġirasol. Verament tieħu gost meta, f’ xi post kwiet u bla mistenni, tilmaħhom mal-ġenb tat-triq. Hemm trejqa mtarrba li twassal għad-dar fejn kienu jgħixu n-nanniet tiegħi. Meta konna nkunu se nibdew nimxu f’ dik it-trejqa, Mary spiss kienet tgħidli, ”Tgħid illum se jirnexxielna naraw dak il-ġirasol mill-isbaħ?” Konna nibqgħu sorpriżi kif il-ġirasol jiffjorixxi f’ ħamrija li minn fuqha jgħaddi apparat tal-biedja u dak li jixkupa s-silġ u hekk jiġi akkumulat tant materjal li ma jagħmilhiex ħamrija ideali biex fuqha jikber fjur selvaġġ.

Immaġni
Yellow flowers by some water

Waħda mill-karatteristiċi tal-għaġeb tal-ġirasol żgħir u selvaġġ, minn barra li tikber f’ ħamrija li ma tantx hi ospitabbli, hi kif ir-raħsa tal-fjuri ż-żgħar timxi skont ix-xemx li hemm fis-sema. Hekk kif tagħmel dan, hi tirċievi l-enerġija li tagħtiha l-ħajja qabel hija tittrasforma ruħha fil-kulur isfar glorjuż tagħha.

Bħall-ġirasol iż-żgħir, meta aħna nimxu wara s-Salvatur tad-dinja, l-Iben ta’ Alla, aħna niffjorixxu u nsiru glorjużi minkejja ċ-ċirkustanzi terribbli li jkollna madwarna. Huwa verament id-dawl u l-ħajja tagħna.

Fil-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, is-Salvatur iddikjara lid-dixxipli Tiegħu li dawk li joffenduh u jagħmlu l-ħażen għandhom jinġabru ’l barra mis-saltna Tiegħu.4 Iżda meta tkellem dwar il-fidili, Huwa qal, ”Mbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom.”5 Bħala individwi, dixxipli ta’ Kristu, li ngħixu f’ dinja ostili li tinsab letteralment f’ konfużjoni, aħna nistgħu niżviluppaw u niffjorixxu jekk l-għeruq tagħna jinsabu fl-imħabba tagħna lejn is-Salvatur u fil-mod kif b’ umiltà aħna nimxu wara t-tagħlim Tiegħu.

L-abbiltà tagħna li nieqfu fermi u b’ fedeltà u nimxu wara s-Salvatur minkejja ċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu tal-ħajja tissaħħaħ ferm permezz ta’ familji twajba u tal-għaqda mibnija fuq Kristu fl-oqsma u l-fergħat tagħna.6

Il-Ħin Xieraq fid-Dar

L-irwol tal-familja fil-pjan ta’ Alla hu ”li jwasslilna l-ferħ, li jgħinna nitgħallmu prinċipji korretti f’ atmosfera ta’ mħabba, u li jħejjina għall-ħajja eterna.”7 It-tradizzjonijiet sbieħ tal-osservanza reliġjuża f’ darna hemm bżonn li jidħlu f’ qalb uliedna.

Iz-ziju tiegħi Vaughn Roberts Kimball kien student bravu, awtur li jipprometti, u kwoterbek tal-futbol ma’ BYU. Fit-8 ta’ Diċembru, 1941, l-għada tal-attakk fuq Pearl Harbor, huwa ġie ngaġġat fin-Nejvi Amerikana. Waqt wieħed mill-ewwel essajnments tiegħu f’ Albany, New York, huwa ssottometta artiklu qasir lir-Reader’s Digest. Ir-rivista ħallsitu 200 dollaru u ppubblikatlu l-artiklu tiegħu li kien iġib l-isem ”Il-Ħin Propju fid-Dar,” fil-ħarġa ta’ Mejju 1944.

Il-kontribut tiegħu fir-Reader’s Digest, li fih poġġa lilu nnifsu bħala l-baħri, kien jgħid f’ parti minnu:

”Il-Ħin Propju fid-Dar:

”Lejla waħda ġewwa Albany, New York, jiena staqsejt wieħed baħri x’ ħin kien. Huwa ħareġ arloġġ verament kbir u wieġeb, ’Is-sebgħa u għoxrin.’ Kont naf li kien sar aktar ħin. ’Naħseb l-arloġġ tiegħek waqaf, hux veru?’ Staqsejt jiena.

”’Le,’ weġibni hu, ’Għadni bil-ħin tan-naħa tal-punent. Jiena min-nofsinhar ta’ Utah. Meta ngħaqadt man-Nejvi, missieri tani dan l-arloġġ. Huwa qalli li jgħinni niftakar fid-dar.

”’Meta l-arloġġ tiegħi ikun il-ħamsa ta’ filgħodu jien inkun naf li missieri jkun qed iħejji biex jaħleb il-baqar. Kull filgħaxija meta jkunu is-sebgħa u nofs jiena nkun naf li l-familja sħiħa tkun tinsab madwar mejda mħejjija sew, u l-Pa jkun qed jirringrazzja lil Alla għall-ikel li jkun hemm fuqha u jitolbu sabiex iħarisni …, ’ temm jgħid hu. ’Faċilment insir naf x’ ħin hu fejn inkun f’ dak il-mument. Li nkun irrid inkun naf hu x’ ħin ikun ġewwa Utah.’”8

Ftit wara li ssottometta dan l-artiklu, Vaughn ġie assenjat biex jaqdi dmiru fl-Oċejan Paċifiku. Fil-11 ta’ Mejju, 1945, meta kien qed iservi fuq l-aircraft carrier USS Bunker Hill ħdejn Okinawa, il-vapur intlaqat minn żewġ ajruplani suwiċida.9 Mietu kważi 400 baħri, fosthom iz-ziju tiegħi Vaughn.

Il-Presbiteru Spencer W. Kimball offra mill-qalb is-simpatija tiegħu lil missier Vaughn, fejn innota kemm Vaughn kien raġel den u wkoll l-assigurazzjoni tal-Mulej li ”dawk li jmutu fija mhux se jduqu l-mewt, għax għalihom tkun esperjenza mill-aktar ħelwa.”10 Missier Vaughn bil-ħlewwa qal li għalkemm Vaughn indifen fil-baħar, id Alla se tieħu lil Vaughn sad-dar tiegħu fis-smewwiet.11

Tmienja u għoxrin sena wara, il-President Spencer W. Kimball tkellem dwar Vaughn waqt konferenza ġenerali. F’ parti mid-diskors tiegħu qal: ”Din il-familja kont nafha sew. … Anke nżilt għarkupptejja nitlob magħhom b’ ħerqa. … It-taħriġ li sar fid-dar irriżulta f’ barkiet eterni għal din il-familja kbira.” Il-President Kimball sfida lil kull familja ”sabiex tinżel għarkopptejha … biex titlob għal uliedha darbtejn kuljum.”12

Ħuti, jekk b’ fedeltà aħna nitolbu bħala familja, nistudjaw l-iskrittura, nagħmlu lejla d-dar mal-familja, ikollna barkiet tas-saċerdozju u nosservaw jum is-Sabbath, uliedna żgur ikunu jafu x’ ħin ikun sar f’ darna. Huma jkunu mħejjijin għal dar eterna fis-smewwiet, jiltaqgħu ma xiex jiltaqgħu f’ din id-dinja diffiċli. Huwa mill-aktar importanti li wliedna jkunu jafu li aħna nħobbuhom u fi djarna jistgħu jsibu s-sigurtà li għandhom bżonn.

L-irġiel u n-nisa huma sħab indaqs.13Huma għandhom responsabbiltajiet differenti iżda li jikkumplimentaw lil xulxin. Veru li l-mara ġġib it-tfal, li jbierku l-familja kollha. Veru li r-raġel jirċievi s-saċerdozju, li jbierek lill-familja kollha. Iżda fil-kunsill tal-familja, in-nisa u l-irġiel, bħala sieħba ndaqs, jieħdu l-aktar deċiżjonijiet importanti. Huma jiddeċiedu kif uliedhom għandhom jiġu mgħallmin u ddixxiplinati, kif għandhom jintefqu l-flus, fejn se jmorru jgħixu u ħafna deċiżjonijiet oħra tal-familja. Dawn jittieħdu flimkien wara li jfittxu l-gwida mingħand il-Mulej. L-għan huwa familja eterna.

Id-Dawl ta’ Kristu jiżra’ n-natura eterna tal-familja f’ qalb l-ulied kollha ta’ Alla. Wieħed mill-kittieba favoriti tiegħi, ta’ twemmin ieħor, iddeskriva dan b’ dan il-mod: Ħafna ħwejjeġ fil-ħajja huma estranji, iżda l-familja hija dik il-ħaġa vera, il-ħaġa sostanzjali, il-ħaġa eterna; il-ħaġa li għandek tieħu ħsiebha u tkun leali lejha.”14

Il-Knisja Tgħinna Niffukaw fuq is-Salvatur bħala Familja Unita

Minn barra l-familja, l-irwol tal-Knisja huwa wkoll wieħed sinifikanti. ”Il-Knisja tipprovdi l-organizzazzjoni u l-mezz għat-tagħlim tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu lil ulied Alla kollha. Tipprovdi l-awtorità saċerdotali biex jiġu amministrati l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni lil dawk kollha li huma denji u lesti jaċċettawhom.”15

Fid-dinja jeżisti tilwim u ħażen rampanti, u enfażi qawwija fuq kulturi u inugwaljanza diverġenti. Fil-Knisja, ħlief f’ units ta’ xi lingwa partikolari, l-oqsma u l-fergħat tagħna huma maqsumin b’ mod ġeografiku. Ma naqsmuhomx skont il-klassi jew il-grad.16 Aħna kburin bil-fatt li r-razez kollha u l-kulturi kollha jkunu mħalltin flimkien f’ kongregazzjoni ta’ membri twajbin. Il-familja tagħna tal-qasam hija importanti għall-progress, l-hena u l-isforz personali tagħna biex inkunu nixbhu aktar lil Kristu.

Il-kulturi ħafna drabi jispiċċaw jaqsmu lill-poplu u xi kultant huma s-sors tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni.17 Fil-Ktieb ta’ Mormon parti mil-lingwaġġ l-aktar kommoventi jintuża biex jiddeskrivi t-tradizzjonijiet tal-missirijiet il-ħżiena li wasslu għall-vjolenza, għall-gwerra, għal għemejjel ħżiena, għall-ħażen u saħansitra għall-qerda ta’ popli u ġnus.18

M’hemmx post aħjar bħala referenza fl-iskrittura mir-4 ktieb ta’ Nefi biex jiddeskrivi l-kultura tal-Knisja li hi essenzjali għalina. F’ parti mit-2 vers naqraw, ”Il-poplu kollu fuq wiċċ l-art ikkonverta fil-Mulej, kemm in-Nefiti kif ukoll il-Lamaniti, u ma kien hemm l-ebda tilwim u kwistjonijiet bejniethom, u l-bnedmin kollha mxew b’ mod ġust bejniethom.” F’ vers 16 naqraw, ”U verament ma setax kien hemm nies aktar henjin fost il-popli kollha li qatt ġew maħluqa minn id Alla.” Il-fatt li ma kien hemm l-ebda tilwim huwa attribwit għall-”imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’ qalb il-poplu.”19 Din hija l-kultura li naspiraw għaliha.

Il-valuri u t-twemmin kulturali tagħna huma parti importanti minn dak li aħna. It-tradizzjonijiet tas-sagrifiċċju, tal-gratitudni, tal-fidi u tas-sewwa għandna ngħożżuhom u nippreservawhom. Il-familji għandhom jgħożżu u jipproteġu t-tradizzjonijiet li jibnu l-fidi.20

Waħda mill-aktar ħwejjeġ sinifikanti f’ kwalunkwe kultura hija l-lingwa. Fl-inħawi ta’ San Francisco, Kalifornja, fejn konna noqogħdu, kien hemm seba’ units b’ lingwi mhux nattivi. Id-duttrina tagħna b’ rispett għal-lingwa tinsab f’ sezzjoni 90, vers 11 tad-Duttrina u Patti. ”Għax għad jiġi fis-seħħ, li kull bniedem għad jisma’ l-milja tal-evanġelju bl-ilsien tiegħu u bil-lingwa tiegħu.”

Meta wlied Alla jitolbuh bil-lingwa nattiva tagħhom, dik hija l-lingwa ta’ qalbhom. Hija ħaġa mill-aktar ċara li l-lingwa tal-qalb hija prezzjuża għall-popli kollha.

Ħija l-kbir, Joseph, huwa tabib mediku u għamel snin twal jipprattika l-mediċina fl-inħawi tal-Bajja ta’ San Francisco. Membru tal-Knisja Anzjan mis-Samoa, li kien pazjent ġdid, mar fl-uffiċċju tiegħu. Huwa kellu uġigħ mill-aktar sever li bilkemm seta’ jiċċaqlaq bih. Instab li kellu ġebla fil-kliewi, u ngħata l-kura xierqa. Dan il-membru fidil ddikjara li l-għan ewlieni tiegħu kien li sempliċiment jifhem x’ għandu ħalli jkun jista’ jitlob bil-lingwa tas-Samoa lil Missieru tas-Smewwiet dwar il-problema f’ saħħtu.

Huwa importanti li l-membri jifhmu l-evanġelju fil-lingwa ta’ qalbhom ħalli jkunu jistgħu jitolbu u jaġixxu skont il-prinċipji tal-evanġelju.21

Anke bid-diversità tal-lingwi u t-tradizzjonijiet kulturali sbieħ u edifikanti, aħna għandu jkollna qlubna magħqudin flimkien f’ għaqda u mħabba.22Il-Mulej iddikjara bla tlaqliq: ”Araw li kull bniedem jonora lil ħuh bħalu nnifsu. … Kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda, m’intomx tiegħi.”23 Filwaqt li ngħożżu d-diversità kulturali xierqa, l-għan tagħna hu li nkunu magħqudin flimkien fil-kultura, fid-drawwiet u t-tradizzjonijiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu f’ kull aspett.

Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem

Aħna nagħrfu li xi membri jkollhom ċerti mistoqsijiet hekk kif huma jfittxu li jsaħħu l-fidi u t-testimonjanzi tagħhom. Għandna noqogħdu attenti li ma nikkritikawx jew niġġudikaw lil dawk li għandhom ċerti il-mistoqsijiet—kbar jew żgħar. Fl-istess ħin, dawk li għandhom dawn il-mistoqsijiet għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jibnu l-fidi u t-testimonjanza tagħhom. L-aqwa mod kif huma jistgħu jirriżolvu l-mistoqsijiet tagħhom hu billi bil-paċenzja u bl-umiltà jistudjaw, jixtarru, jitolbu u jgħixu l-prinċipji tal-evanġelju, u jikkunsiljaw mal-mexxejja xierqa.

Xi wħud sostnew li ħafna huma l-membri li qed jitilqu mill-Knisja llum u li jeżisti aktar dubju u nuqqas ta’ twemmin milli kien hawn fil-passat. Dan sempliċiment mhux veru. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem qatt daqs illum ma kienet b’ saħħitha. In-numru ta’ membri li jneħħu isimhom mir-reġistri tal-Knisja dejjem kien wieħed żgħir u huwa anqs sew f’ dawn l-aħħar snin milli kien fil-passat.24 Iż-żieda fl-istatistika f’ ċerti erjas, bħall-membri adottati b’ rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti, adulti li jħallsu dieċmi sħiħa u dawk li jservu missjonijiet, hija waħda drammatika. Ippermettuli nerġa’ ntenni, il-Knisja qatt ma kienet daqshekk b’ saħħitha. Iżda, ”ftakru li l-valur tal-erwieħ huwa wieħed kbir f’ għajnejn Alla.”25 Aħna nippruvaw nilħqu lil kulħadd.

Jekk ir-realtà iebsa li qed tħabbtu wiċċkom magħha bħalissa tidher mudlama u diffiċli u kważi bilkemm tistgħu ġġorruha, ftakru li fid-dalma tan-niket tal-Ġetsemani u fit-tortura u l-uġigħ inkomprensibbli tal-Kalvarju, is-Salvatur ġab fis-seħħ l-Att tal-Fidwa, li jirriżolvi l-aktar tagħbija terribbli li sseħħ f’ din il-ħajja. Huwa għamel dan għalikom, u għamel dan għalija. Huwa għamel dan peress li jħobbna u peress li Huwa jobdi u jħobb lil Missieru. Aħna se niġu salvati mill-mewt—anke mill-qigħan tal-baħar.

Il-protezzjoni tagħna f’ din il-ħajja u għall-eternità se tkun fit-tjubija tagħna, kemm dik individwali kif ukoll fil-familja, fl-ordinanzi tal-Knisja u li nimxu wara s-Salvatur. Dan huwa r-refuġju tagħna mill-maltemp. Għal dawk li jaħsbu li jinsabu weħidhom, għandkom tieqfu b’ fermezza għas-sewwa, bl-għarfien li l-Att tal-Fidwa se jipproteġikom u jberikkom lil hinn mill-abbiltà tagħkom li tifhmu dan kollu.

Għandna dejjem niftakru fis-Salvatur, inżommu l-patti tagħna u nimxu wara Iben Alla kif il-ġirasol żgħir jimxi wara d-dawl tax-xemx. Li nimxu wara d-dawl u l-eżempju Tiegħu jimlina bil-ferħ, bl-hena u l-paċi. Kif hemm miktub f’ Salm 27 u f’ innu mill-aktar favorit, ”Il-Mulej huwa d-dawl tiegħi u s-salvazzjoni tiegħi.”26

F’ din it-tmiem il-ġimgħa tal-Għid, bħala wieħed mill-Appostli tas-Salvatur, jiena naqsam magħkom ix-xhieda solenni tiegħi tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu. Jiena naf li Huwa jgħix. Jiena nagħraf il-vuċi Tiegħu. Jiena nixhed dwar id-divinità Tiegħu u r-realtà tal-Att tal-Fidwa, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara 2 Nephi 9:20–22.

  2. Ara Mosiah 15:8–9.

  3. Ara Filippin 4:7.

  4. Ara Mattew 13:41.

  5. Mattew 13:43.

  6. Ara Doctrine and Covenants 115:5–6.

  7. Handbook 2: Administering the Church (2010), 1.1.4.

  8. Vaughn R. Kimball, “The Right Time at Home,” Reader’s Digest, Mejju 1944, 43.

  9. Ara ittra mill-Kaptan G. A. Seitz, U.S. Navy, USS Bunker Hill, tal-25 ta’   Mejju,1945, lil missier Vaughn Kimball, Crozier Kimball, Draper, Utah.

  10. Ara l-ittra minn Spencer W. Kimball, tat-2 ta’ Ġunju, 1945, lil Crozier Kimball; Doctrine and Covenants 42:46.

  11. Ara Crozier Kimball, f’ Marva Jeanne Kimball Pedersen, Vaughn Roberts Kimball: A Memorial (1995), 53.

  12. Spencer W. Kimball, “The Family Influence,” Ensign, Lulju 1973, 17. Spencer W. Kimball dak iż-żmien kien il-President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.

  13. Ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Ensign jew Liahona, Nov. 2010, 129.

  14. Carla Carlisle, “Pray, Love, Remember,” Country Life, 29 ta’  Sett., 2010, 120.

  15. Handbook 2, 1.1.5.

  16. Ara 4 Nephi 1:26.

  17. Il-kultura hija diskussa ħafna mid-dinja tal-lum. Għas-sena 2014 il-kelma kultura ġiet saħansitra msemmija bħala l-kelma tas-sena minn Merriam-Webster.com.

  18. Ara Alma 9; Helaman 5.

  19. 4 Nephi 01:15.

  20. Il-filosfu Ġermaniż Goethe magħruf li qal, ”Biex tkun tista’ verament tippossedi dak li għaddielek missierek, għandek tagħmel l-almu tiegħek biex tiksbu!” (Johann Wolfgang von Goethe, Faust, trans. Bayard Taylor [1912], 1:28).

  21. Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Knisja tgħallem l-evanġelju f’ 50 lingwa u tittraduċi l-Ktieb ta Mormon f’ 110 lingwi. Madankollu, waħda mill-isfidi madwar id-dinja hi li titgħallem il-lingwa tal-pajjiż fejn toqgħod. Bħala ġenituri hemm bżonn li nissagrifikaw biex ngħinu lill-ġenerazzjoni li għadha tiela’ ħalli titgħallem il-lingwa tal-pajjiż fejn huma joqogħdu. Għinuhom sabiex dik il-lingwa jagħmluha l-lingwa ta’ qalbhom.

  22. Ara Mosiah 18:21.

  23. Doctrine and Covenants 38:25, 27.

  24. Tul dawn l-aħħar 25 sena, in-numru attwali ta’ membri li telqu mill-Knisja naqas u l-Knisja rdoppjat fin-numru. Il-persentaġġ ta’ dawk li jitilqu naqas ħafna.

  25. Doctrine and Covenants 18:10.

  26. Salm 27:1; ara wkoll “The Lord Is My Light,” Hymns, no. 89.