2010-2019
Iva, Nistgħu Nirbħu u Sejrin Nirbħu!
April 2015


Iva, Nistgħu Nirbħu u Sejrin Nirbħu!

Għandna nżommu dejjem sod mat-testimonjanza tagħna tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Imbagħad aħna nirbħu l-battalji kontra l-ħażen.

Għeżież ħuti, nieqaf quddiemkom b’umiltà għall-privileġġ li ngħatajt li nkellem lilkom li tħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla madwar il-Knisja kollha llum.

Il-President Thomas S. Monson darba qal:

”Id-dinja li ngħixu fiha taf tkun post ta’ terrur. L-istruttura morali tas-soċjetà tidher li qed tinqered b’ rata allarmanti. Ħadd—żagħżugħ jew anzjan jew tan-nofs—mhu eżentat li jiġi espost għal dawk il-ħwejjeġ li għandhom il-potenzjal li jiġbduna ’l isfel u jeqirduna. …

“… Iżda m’għandniex niddispraw. … Ninsabu fi gwerra mad-dnub. … Hija gwerra li nistgħu nirbħu u sejrin nirbħu. Missierna tas-Smewwiet tana l-għodda li għandna bżonn biex nagħmlu dan.”1

Ilkoll kemm aħna, żgħar u kbar, inħabbtu wiċċna kuljum mal-gwerra li semma’ l-President Monson. L-għadu u l-anġli tiegħu qed jippruvaw itellfuna. L-għan tagħhom hu li jħeġġuna sabiex niżvijaw mill-patti li għamilna mal-Mulej, li jwassluna biex ma nibqgħux niffukaw fuq il-wirt etern tagħna. Huma jafu sew il-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet għal uliedu, għaliex kienu preżenti magħna f’ dak il-Kunsill kbir fis-sema meta ġie ppreżentat lilna. Huma jippruvaw jieħdu vantaġġ mid-dgħjufijiet tagħna, iqarrqu bina permezz tad-”dalma ċpar …, li tagħmi l-għajnejn u twebbes qlub ulied il-bnedmin u twassalhom f’ toroq wesgħin, sabiex jinqerdu u jintilfu.”2

Minkejja l-oppożizzjoni li nħabbtu wiċċna magħha, kif għallem il-president Monson, din hija gwerra li nistgħu u sejrin nirbħu. Il-Mulej jafda fil-kapaċità tagħna u fid-determinazzjoni li nagħmlu dan.

L-iskrittura mimlija eżempji ta’ dawk li rebħu l-gwerer tagħhom anke f’ nofs sitwazzjonijiet mill-aktar ostili. Wieħed minn dawn l-eżempji huwa l-Kaptan Moroni fil-Ktieb ta’ Mormon. Dan iż-żagħżugħ meraviljuż kellu l-kuraġġ li jiddefendi l-verità fi żmien meta kien hemm ħafna tilwim u gwerer li poġġew f’ riskju s-sopravivenza tal-ġens Nefita kollu. Għalkemm huwa kien verament brillanti meta ġie biex jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, Moroni baqa’ umli. F’ dak iż-żmien, din il-kwalita u kwalitijiet oħra għamluh strument mill-aktar straordinarji f’ idejn Alla. Il-ktieb ta’ Alma jispjega li jekk il-bnedmin kollha kienu bħal Moroni, ”l-istess qawwiet tal-infern jispiċċaw jirtogħdu għal dejjem; u x-xitan ma jkollux aktar qawwa fuq qlub ulied il-bnedmin.”3 Il-kwalitajiet kollha ta’ Moroni kienu riżultat tal-fidi kbira tiegħu f’ Alla u fil-Mulej Ġesù Kristu4 u tad-determinazzjoni soda tiegħu li jimxi wara l-leħen ta’ Alla u tal-profeti Tiegħu.5

B’ mod figurattiv, ilkoll kemm aħna hemm bżonn nittrasformaw irwieħna f’ Kaptan Moroni modern sabiex nirbħu l-gwerer kontra l-ħażen. Jiena naf djaknu żagħżugħ mill-aktar fidil li ttrasforma ruħu f’ Kaptan Moroni modern. Minkejja li huwa pprova jimxi wara l-kunsill tal-ġenituri tiegħu u tal-mexxejja tal-Knisja, il-fidi u d-determinazzjoni tiegħu ġew ippruvati kuljum, anke fl-età żgħira tiegħu. Darba qalli li kien issorprenda ruħu b’ sitwazzjoni verament diffiċli u skomda—sħabu kienu qed jaċċessaw stampi pornografiċi fuq it-telefons ċellulari tagħhom. F’ dak il-mument preċiż, dan iż-żagħżugħ kellu jiddeċiedi x’ kienet l-aktar ħaġa importanti—il-popolarità tiegħu jew li jkun fuq in-naħa tas-sewwa. Fil-ftit sekondi ta’ wara, huwa mtela bil-kuraġġ u qal lil sħabu li dak li kienu qed jagħmlu ma kienx xieraq. Barra minn hekk, huwa qalilhom li għandhom jieqfu minn dak li kienu qed jagħmlu jew inkella jispiċċaw skjavi ta’ dan. Ħafna minn sħabu tal-klassi bdew jirridikulaw il-kunsill tiegħu, qalulu li kienet parti mill-ħajja u ma kien hemm xejn ħażin f’ li kienu qed jagħmlu. Madankollu, kien hemm wieħed fosthom li sema’ l-kunsill ta’ dak iż-żagħżugħ u ddeċieda li jieqaf minn dak li kien qed jagħmel.

L-eżempju ta’ dan id-djaknu ħalla warajh influwenza pożittiva tal-anqas fuq wieħed minn sħabu tal-klassi. Bla dubju, hu u sieħbu kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ zebliħ u persekuzzjoni minħabba dik id-deċiżjoni. Mill-banda l-oħra, huma mxew fuq it-twiddiba li Alma ta lin-nies tiegħu meta qal, ”Tbiegħdu mill-ħżiena, u sseparaw ruħkom minnhom u tmissux b’ idejkom ħwejjeġ imniġġsa.”6

Fil-pamflet For the Strength of Youth insibu dan il-kunsill, approvat mill-Ewwel Presidenza għaż-żgħażagħ tal-Knisja: ”Intom responsabbli għall-għażliet li tagħmlu. Alla jaf min intom u Hu jgħinkom tagħmlu għażliet tajba, anke jekk il-membri tal-familja tagħkom u l-ħbieb tagħkom jużaw l-għażla ħielsa tagħhom b’ mod mhux xieraq. Araw li jkollkom il-kuraġġ morali li tieqfu fermi hekk kif tobdu r-rieda ta’ Alla, anke jekk ikollkom tieqfu weħidkom. Hekk kif tagħmlu dan, intom tkunu qed tagħtu eżempju tajjeb biex oħrajn jimxu warajh.”7

Il-gwerra tat-tajjeb kontra l-ħażen se tkompli tul ħajjitna peress li l-għan tal-avversarju hu li jara li l-bnedmin kollha jkunu miżerabbli bħalu. Satana u l-anġli tiegħu jippruvaw jaħkmu ħsibijietna u jikkontrollawhom billi jġarrbuna sabiex nidimbu. Jekk jistgħu, huma jikkorrompu dak kollu li hu tajjeb. Imma, hija ħaġa essenzjali li nifhmu li huma jistgħu jkollhom biss il-qawwa fuqna jekk aħna nħalluhom.

Fl-iskrittura nsibu wkoll għadd ta’ eżempji ta’ dawk li taw dan il-permess lill-avversarju u spiċċaw tħawwdu u saħansitra nqerdu, bħal Neħor, Koriħoru u Xerem. Hemm bżonn li nżommu għajnejna miftuħin għal dan il-periklu. Ma nistgħux inħallu lilna nfusna nitħawdu permezz ta’ messaġġi popolari li d-dinja faċilment taċċettahom u li jikkontradixxu d-duttrina u l-prinċipji vera tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Ħafna minn dawn il-messaġġi tad-dinja ma jirrappreżentaw xejn ħlief attentat biex is-soċjetà tagħna tiġġustifika d-dnub. Irridu niftakru li, fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll kemm aħna se nieqfu quddiem Kristu sabiex niġu ġġudikati għall-għemejjel tagħna, kemm jekk huma tajbin kif ukoll jekk huma ħżiena.8 Hekk kif niffaċċjaw dawn il-messaġġi tad-dinja, ikollna bżonn kuraġġ kbir u għarfien sod tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet biex aħna nkunu kapaċi nagħżlu t-tajjeb.

Ilkoll kemm aħna nistgħu nirċievu l-qawwa sabiex nagħżlu t-tajjeb jekk aħna nfittxu lill-Mulej u jkollna fiduċja u fidi fih. Iżda, kif tgħallem l-iskrittura, neħtieġu sabiex ikollna ”qalb sinċiera” u ”intenzjoni ġenwina.” Imbagħad il-Mulej, bil-ħniena infinita Tiegħu, ” jurina l-verità kollha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu nistgħu nkunu nafu l-verità ta’ kollox”9

Dan l-għarfien miksub permezz tal-Ispirtu s-Santu mhu xejn ħlief it-testimonjanza tagħna, li timbotta l-fidi u d-determinazzjoni tagħna ’l quddiem sabiex nimxu wara t-tagħlim tal-evanġelju rrestawrat f’ dawn l-aħħar jiem, minkejja l-messaġġi popolari li nisimgħu mid-dinja. It-testimonjanza tagħna għandna tkun it-tarka tagħna li tipproteġina kontra l-vleġeġ kollha nar tal-avversarju fl-attentat tiegħu li jattakkana.10 Tiggwidana kontra l-periklu qalb id-dalma u l-konfużjoni li teżisti fid-dinja llum.11

Jiena tgħallimt dan il-prinċipju meta kont servejt bħala missjunarju żagħżugħ. Jiena u sieħbi konna qed inservu ġo fergħa mill-aktar żgħira u iżolata tal-Knisja. Ippruvajna nkellmu lil kull persuna fil-belt. Huma laqgħuna tajjeb ħafna, iżda kienu jieħdu gost jiddibattu l-iskrittura u kienu jistaqsuna sabiex nuruhom ċerta evidenza konkreta dwar il-verità ta’ dak li konna nkunu qed ngħallmuhom.

Niftakar li kull darba li jiena u sieħbi konna nippruvaw nuru lin-nies il-verità ta’ xi ħaġa, l-Ispirtu ta’ Alla ma kienx jibqa’ magħna u konna nħossuna verament mitlufin u konfużi. Ħassejna li kellna naraw b’ qawwa akbar li t-testimonjanzi tagħna kienu f’ armonija mal-veritajiet tal-evanġelju li konna qed ngħallmu. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, niftakar li kull darba li konna naqsmu t-testimonjanza tagħna b’ qalbna kollha, konna nħossu li qawwa siekta ta’ konferma, li kienet tkun ġejja mill-Ispirtu s-Santu, kienet timla l-kamra, u ma kienx ikun hemm aktar spazju għall-konfużjoni jew id-diskussjoni. Sibt li ma jeżistu l-ebda forzi tal-ħażen li huma kapaċi jħawdu u jqarrqu l-qawwa ta’ testimonjanza sinċiera ta’ dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu.

Kif għallem is-Salvatur innifsu, l-avversarju jixtieq li jgħaddina mill-għarbiel bħall-qamħ, u jwassalna biex nitilfu l-abbiltà tagħna li ninfluwenzaw id-dinja fit-tajjeb.12

Għeżież ħuti, minħabba l-mewġa ta’ konfużjoni u dubju li tinsab tinfirex madwar id-dinja llum, għandna nżommu dejjem sod mat-testimonjanza tagħna tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Imbagħad l-abbiltà tagħna li niddefendu l-verità u l-ġustizzja tikber verament. Aħna nirbħu l-battalji ta’ kuljum kontra l-ħażen, u, minflok ma naqgħu fuq il-front tal-battalja tal-ħajja, aħna nħeġġu lil ħaddieħor sabiex jimxi wara l-istandards tal-Imgħallem.

Nistedinkom ilkoll sabiex issibu s-sigurtà fit-tagħlim li jinsab fl-iskrittura. Il-Kaptan Moroni poġġa l-fidi tiegħu f’ Alla u t-testimonjanza tiegħu tal-verità f’ armonija mal-għarfien u l-għerf li jinsabu fl-iskrittura. B’ dan il-mod, huwa kellu fiduċja li kien se jirċievi l-barkiet tal-Mulej u jikseb ħafna rebħiet, li, fil-fatt, kien dak li ġara.

Nistedinkom ilkoll sabiex issibu s-sigurtà fil-kliem għaqli tal-profeti moderni tagħna. Il-President Thomas S. Monson qal: ”Aħna, li ġejna ordnati għas-saċerdozju ta’ Alla nistgħu nagħmlu differenza. Meta nżommu l-purità personali tagħna u nonoraw is-saċerdozju tagħna, aħna nsiru eżempju tas-sewwa li oħrajn jistgħu jimxu fuqu … u ngħinu ndawlu dinja li aktar ma tmur aktar qed tiddallam.”13

Nistedinkom ilkoll sabiex tafdaw fil-merti u l-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Permezz tas-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu, aħna nistgħu niksbu l-kuraġġ li nirbħu l-gwerer kollha ta’ żmienna, anke f’ nofs id-diffikultajiet, l-isfidi, u t-tentazzjoni. Ejjew nafdaw fl-imħabba u l-qawwa Tiegħu li jsalvana. Kristu Nnifsu qal:

”Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”14

”Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”15

”Dawn il-ħwejjeġ għidthomkom ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom: iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja.”16

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwar din il-verità, f’ isem Ġesù Kristu, amen.