2010-2019
Għalhekk Huma Siktu l-Biżgħat Tagħhom
April 2015


Għalhekk Huma Siktu l-Biżgħat Tagħhom

B’ differenza mill-biża’ tad-dinja li timlina b’ biża’ kbir u anzjetà, il-biżà ta’ Alla hija s-sors ta’ paċi, assigurazzjoni u kunfidenza.

Niftakar tajjeb ħafna esperjenza li kelli meta kont għadni tifel żgħir. Darba waħda, waqt li kont qed nilgħab ma’ sħabi, aċċidentalment kissirt tieqa ta’ ħanut ħdejn id-dar tagħna. Hekk kif il-ħġieġa tfarrket u bdiet iddoqq l-alarm, ħassejtni se nipparalizza ruħi bil-biża’ li qabditni f’ qalbi u f’ moħħi. Mill-ewwel irrealizzajt li kont iddestinat li ngħaddi l-kumplament ta’ ħajti ġewwa ħabs. Il-ġenituri tiegħi eventwalment ipperswadewni sabiex ma nibqax ninħeba aktar u mmur nirranġa l-ħsara li għamilt ma’ sid il-ħanut. Fortunatament, is-sentenza ta’ ħabs għalija kienet tneħħiet.

Il-biża’ li kont ħassejt dakinhar kienet tant kbira u reali. M’hemmx dubju li intom esperjenzajtu sentimenti ta’ biża’ ferm akbar minn tiegħi meta sirtu tafu dwar xi sfida fis-saħħa personali tagħkom, meta skoprejtu li xi membru tal-familja tagħkom jinsab f’ xi diffikultà jew fil-periklu, jew meta rajtu madwarkom ġrajjiet mill-aktar disturbanti. F’ dawn il-mumenti, ħassejtu l-emozzjoni ta’ biża’ u ta’ niket tikber ġewwa fikom minħabba l-periklu imminenti, l-inċertezza jew l-uġigħ u permezz ta’ esperjenzi li ma kontux qed tistennewhom, li xi kultant forsi ġew fuqkom f’ daqqa u li ħafna drabi jħallu warajhom effetti negattivi.

Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, rapporti bla waqfien ta’ vjolenza kriminali, ġuħ, gwerer, korruzzjoni, terroriżmu, valuri dejjem jitmermru, mard, u l-forzi distruttivi tan-natura jistgħu joħolqu l-biża’ u l-inkwiet. M’hemmx dubju li aħna ninsabu ngħixu fi żmien li kien imbassar mill-Mulej: ”U f’ dak il-jum … il-dinja kollha se tkun f’ konfużjoni, u qlub il-bnedmin jonqsilhom il-kuraġġ” (D&C 45:26).

L-għan tiegħi hu li niddeskrivi kif nistgħu nkeċċu l-biża’ permezz ta’ għarfien korrett u fidi fil-Mulej Ġesù Kristu. B’ ħerqa nitlob sabiex l-Ispirtu s-Santu jberikna lkoll hekk kif aħna nagħtu ħarsa flimkien lejn dan is-suġġett importanti.

Biża’ Mortali

Hekk kif semgħu leħen Alla wara li kielu mill-frotta pprojbita, Adam u Eva marru jinħbew fil-Ġnien tal-Għeden. Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh, “Fejn int? U Adam wieġeb, Smajt ħossok … , u bżajt” (Ġenesi 3:9–10). Notevolment, wieħed mill-ewwel effetti tal Waqgħa kien li Adam u Eva jesperjenzaw il-biża’. Din l-emozzjoni mill-aktar potenti hija element importanti tal-eżistenza mortali tagħna.

Eżempju mill-Ktieb ta’ Mormon juri l-qawwa tal-għarfien tal-Mulej (ara 2 Pietru 1:2–8; Alma 23:5–6) li kapaċi tkeċċi l-biża’ u twasslilna l-paċi hekk kif aħna nħabbtu wiċċna ma’ din l-avversità kbira.

Fl-art ta’ Ħilam, il-poplu ta’ Alma kien jinsab mbeżża’ minħabba l-armata Lamanita li kienet qed tavvanza.

Iżda Alma mar u waqaf fosthom, u ħeġġiġhom sabiex ma jibżgħux, iżda … li għandhom jiftakru fil-Mulej Alla tagħhom u huwa jeħlishom.

”Għalhekk huma sikktu l-biżgħat tagħhom”(Mosiah 23:27–28).

Innutaw li Alma ma sikkitx il-biża’ tan-nies. Pjuttost, il-kunsill li Alma ta lin-nies ta’ fidi kien li jiftakru fil-Mulej u fil-ħelsien li Hu biss jista’ joffrilhom (ara 2 Nephi 2:8). U l-għarfien li l-Mulej jinsab iħarishom u jipproteġihom wassal lin-nies sabiex isikktu l-biżgħat tagħhom.

L-għarfien korrett u l-fidi fil-Mulej jimlewna bil-qawwa sabiex insikktu l-biżgħat tagħna peress li Ġesù Kristu huwa l-uniku sors ta’ paċi dejjiema. Huwa ddikjara, ”Tgħallmu minni, u isimgħu kliemi; imxu fil-manswetudni tal-Ispirtu tiegħi, u jkollkom il-paċi fija” (D&C 19:23).

L-Imgħallem spjega wkoll, ”Dak li jagħmel il-ħidma tas-sewwa se jirċievi l-premju tiegħu, sewwasew paċi f’ din id-dinja, u ħajja eterna fid-dinja li jmiss” (D&C 59:23).

Il-fiduċja u l-kunfidenza fi Kristu u dipendenza sħiħa fuq il-merti, il-ħniena u l-grazzja Tiegħu iwasslu għat-tama permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu fil-Qawmien mill-Imwiet u l-ħajja eterna (ara Moroni 7:41). Din it-tip ta’ fidi u tama tistieden f’ ħajjitna l-paċi ħelwa tal-kuxjenza li aħna lkoll nixtiequ. Il-qawwa tal-Att tal-Fidwa tagħmel possibbli l-indiema u tikkalma d-disperazzjoni li nħossu minħabba d-dnub; hija wkoll tqawwina biex naraw, nagħmlu u nsiru twajbin b’ modi li lanqas biss nintebħu bihom jew li żgur li mhux kapaċi mwettqu bil-kapaċità mortali limitata tagħna. Verament, waħda mill-akbar barkiet ta’ min hu dixxiplu devot huwa ”s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem” (Filippin 4:7).

Is-sliem li jagħtina Alla jagħtina ċ-ċans nħarsu lejn il-mortalità permezz tal-perspettiva prezzjuża tal-eternità u twasslilna kalmezza spiritwali (ara Kolossin 1:23) li tgħinna nibqgħu niffukaw konsistentament fuq id-destinazzjoni ċelestjali tagħna. B’hekk, aħna nistgħu nitbierku li nsikktu l-biżgħat tagħna peress li d-duttrina Tiegħu tipprovdilna għan u direzzjoni fl-aspetti kollha ta’ ħajjitna. L-ordinanzi u l-patti Tiegħu jiffortifikawna u jfarrġuna kemm fi żminijiet tajbin kif ukoll ħżiena. U l-awtorità saċerdotali Tiegħu tiżgurana li l-aktar ħwejjeġ importanti la jintemmu f’ din il-ħajja u lanqas fl-eternità.

Iżda nistgħu nsikktu l-biżgħat li malajr u ta’ spiss jaħkmuna fid-dinja tal-lum? It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija ”iva” b’ mod assolut. Jeżistu tliet prinċipji bażiċi li huma tant importanti biex aħna nirċievu din il-barka f’ ħajjitna: (1)  inħarsu lejn Kristu, (2)  nibnu fuq il-pedament ta’ Kristu, (3)  nibqgħu mexjin ’il quddiem b’ fidi fi Kristu.

Inħarsu lejn Kristu

Il-kunsill li Alma ta lil ibnu Ħilaman japplika preċiżament għal kull wieħed u waħda minna llum: ”Iva, ara li tħares lejn Alla u tgħix” (Alma 37:47). Għandna nħarsu lejn, u niffukaw tajjeb ħafna fuq,is-Salvatur f’ kull ħin u kullimkien.

Ftakru kif l-Appostli tal-Mulej kienu ġo vapur, jitbandlu f’ nofs ta’ baħar. Ġesù mar ħdejhom, mexa fuq l-ilma; iżda peress li m’ għarfuhx, huma bdew jagħjtu bil-biża’.

”Iżda Ġesù minnufih kellimhom u qalilhom, Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.

”Wieġeb Pietru u qallu, Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

”Ejja, qallu Ġesù” (Mattew 14:27–29).

Pietru mbagħad mexa fuq l-ilma sa ħdejn Ġesù.

Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: ”Salvani, Mulej.

”Malajr Ġesù medd idu u qabdu, Bniedem ta’ fidi żgħira, qallu, għaliex iddubitajt?” (Mattew 14:30–31).

Nimmaġina lil Pietru iwieġeb b’ mod ferventi u immedjat għall-istedina tas-Salvatur. B’ għajnejn fissi fuq Ġesù, huwa niżel mid-dgħajsa u b’ mod mirakoluż beda jimxi fuq l-ilma. Kien biss meta l-ħarsa tiegħu ma baqgħetx fuq il-Mulej minħabba r-riħ u l-mewġ li huwa beda jibża’ u beda jegħreq.

Aħna nistgħu nitbierku ħalli negħlbu l-biżgħat tagħna u nsaħħu l-fidi tagħna hekk kif nimxu wara l-istruzzjoni tal-Mulej: ”Ħarsu lejja f’ kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux” (D&C 6:36).

Nibnu fuq il-Pedament ta’ Kristu

Ħilaman widdeb lil uliedu Nefi u Leħi: ”U issa, uliedi, ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben t’ Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, iva, meta l-forza tas-silġ u tat-tempesta tiegħu tinżel fuqkom, dan kollu ma jkollu l-ebda qawwa biex lilkom jitfagħkom ’l isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha, li hija pedament fiż-żgur, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jfallu qatt” (Helaman 5:12).

L-ordinanzi u l-patti huma l-ġebel li nużaw biex nibnu ħajjitna fuq il-pedament ta’ Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu. Aħna nistgħu nkunu kkonnettjati b’ mod sikur mas-Salvatur hekk kif nirċievu b’ mod den l-ordinanzi tagħna u nagħmlu ċerti patti, u b’ fedeltà niftakru u nonoraw dawn l-impenni sagri, u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħixu skont l-obbligi li aħna aċċettajna. U dik ir-rabta hija s-sors tal-qawwa spiritwali u l-istabilità fl-istaġuni kollha ta’ ħajjitna.

Aħna nistgħu nitbierku li nkunu nistgħu nsikktu l-biżgħat tagħna hekk kif b’ fermezza nibnu x-xewqat u l-għemejjel tagħna fuq il-pedament sod tas-Salvatur permezz tal-ordinanzi u l- patti tagħna.

Nibqgħu Mexjin ’il Quddiem b’ Fidi fi Kristu

Nefi ddikjara: Għalhekk ibqgħu mexjin fit-triq b’ fidi soda fi Kristu, b’ tama qawwija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.” (2 Nephi 31:20).

L-istamina qawwija deskritta f’ dan il-vers hija riżultat tal-għarfien spiritwali u l-viżjoni, il-persistenza, il-paċenzja u l-grazzja ta’ Alla. Meta aħna neżerċitaw il-fidi fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu,filwaqt li b’ umiltà nissottomettu ruħna għar-rieda u l-ħin Tiegħu f’ ħajjitna, u nagħrfu l-id Tiegħu f’ kull ħaġa, aħna naslu biex niksbu l-ħwejjeġ tas-saltna ta’ Alla li jwassluna biex nesperjenzaw il-paċi, il-ferħ u l-ħajja eterna (ara D&C 42:61). Anke meta nħabbtu wiċċna mad-diffikultajiet u l-inċertezzi tal-futur, inkunu nistgħu nibqgħu għaddejjin b’ ferħ u ngħixu ”ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq” (1 Timotju 2:2).

Nistgħu nitbierku sabiex insikktu l-biżgħat tagħna hekk kif nimtlew bil-ħeġġa li nistgħu nirċievu biss jekk aħna nitgħallmu u ngħixu l-prinċipji tal-evanġelju u b’ mod riżolut nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt.

Il-Biża’ tal-Mulej

Xi ftit differenti iżda relatata mal-biżgħat li ta’ spiss nesperjenzaw hija dik li l-iskrittura tiddeskrivi bħala l-”biża’ ta’ Alla” (Lhud 12:28) jew “il-biża’ tal-Mulej” (Ġob 28:28; Proverbji 16:6; Isaija 11:2–3). B’ differenza mill-biża’ tad-dinja li timlina b’ biża’ kbir u anzjetà, il-biżà ta’ Alla hija s-sors ta’ paċi, assigurazzjoni u kunfidenza.

Iżda kif qatt jista’ jkun li xi ħaġa assoċjata mal-biża’ tista’ tkun edifikanti jew tgħinek spiritwalment?

Il-biża’ ġusta li qed nipprova niddeskrivi tiġbor fiha sentiment qawwi ta’ qima, rispett u riverenza lejn il-Mulej Ġesù Kristu (ara Salm 33:8; 96:4), ubbidjenza lejn il-kmandamenti Tiegħu (ara Dewteronomju 5:29; 8:6; 10:12; 13:4; Salm 112:1), u antiċipazzjoni għall-Ġudizzju Finali u l-ġustizzja Tiegħu. Għalhekk, il-biża’ ta’ Alla hija riżultat tal-għarfien korrett tan-natura divina u l-missjoni tal-Mulej Ġesù Kristu, rieda li nissottomettu r-rieda tagħna mar-rieda Tiegħu, u l-għarfien li kull bniedem għad irid jagħti rendikont tad-dnubiet tiegħu f’ Jum il-Ġudizzju (ara D&C 101:78; Artikli tal-Fidi 1:2).

Kif tiċċertifika l-iskrittura, il-biża’ ta’ Alla ”hija l-bidu tal-għerf” (Proverbji 1:7), ”tagħlim tajjeb” (Proverbji 15:33), “tama qawwija” (Proverbji 14:26), u “għajn il-ħajja” (Proverbji 14:27).

Jekk jogħġobkom innutaw li l-biża’ ta’ Alla hija marbuta b’ mod inseparabbli mal-għarfien tal-Ġudizzju Finali u li aħna kollha rridu nagħtu rendikont tax-xewqat, tal-ħsibijiet, tal-kliem u tal-għemejjel tagħna (ara Mosiah 4:30). Il-biża’ tal-Mulej mhijiex attakk nervuż ikkawżat mill-ħsieb li għad irridu nispiċċaw quddiemu biex niġu ġġudikati. Ma nemminx li xi ħadd minna se jibża’ minnu. Pjuttost, hija l-ħsieb li fil-preżenza Tiegħu aħna se niffaċċjaw l-affarijiet kif fil-fatt huma dwarna nfusna u li se jkollna ”għarfien perfett” (2 Nephi 9:14; ara wkoll Alma 11:43) tar-razzjonaliżmu, tal-ipokrezija u ta’ kemm qarraqna bina nfusna. Ultimament, se nitħallew mingħajr ebda skużi.

Kull bniedem li qatt għex jew li għad irid jgħix fid-dinja ”se jinġieb ħalli jieqaf quddiem l-iżbarra ta’ Alla, sabiex jiġi ġġudikat minnu skont l-għemejjel tiegħu, kemm jekk huma tajbin kif ukoll jekk huma ħżiena” (Mosiah 16:10). Jekk ix-xewqat tagħna kienu ġusti u l-għemejjel tagħna tajbin, mela l-iżbarra tal-ġudizzju se tkun waħda li għandha tferraħna (ara Jacob 6:13; Enos 1:27; Moroni 10:34). U fl-aħħar jum aħna nirċievu ”l-premju tas-sewwa” (Alma 41:6).

Kuntrarju għal dan, jekk ix-xewqat u l-għemejjel tagħna kienu ħżiena, mela l-iżbarra tal-ġudizzju se tkun waħda li għandna tbeżżagħna. ”Ma nkunux kapaċi nħarsu ’l fuq lejn Alla tagħna; u nkunu nixtiequ nistgħu nikkmandaw il-blat u l-muntanja sabiex jaqgħu fuqna ħalli jaħbuna mill-preżenza tiegħu” (Alma 12:14). U fl-aħħar jum aħna nirċievu ”l-premju tal-ħażen” (Alma 41:5).

Kif hemm deskritt fi ftit kliem f’ Koħelet:

”Ibża’ minn Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu.

”Għax Alla jġib għall-ħaqq tiegħu l-għemejjel kollha, sa l-inqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina” (Koħelet 12:13–14).

Għeżież ħuti, il-biża’ ta’ Alla tkeċċi l-biżgħat mortali. Ixxejjen saħansitra il-ħsieb li jaf jitturmentana li aħna qatt ma nistgħu nkunu tajbin biżżejjed spiritwalment u qatt ma nistgħu nkunu kapaċi nilħqu dak li jeħtieġ u jistenna minna l-Mulej. Fil-verità, ma nistgħu qatt inkunu tajbin biżżejjed jew kapaċi jekk aħna niddependu biss fuq il-kapaċità u l-għemejjel tagħna. L-għemejjel u x-xewqat tagħna biss ma jistgħux u mhumiex se jsalvawna. ”Wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu” (2 Nephi 25:23), aħna nistgħu nsalvaw biss permezz tal-ħniena u l-grazzja li nistgħu niksbu permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija, infinit u etern, tas-Salvatur (ara Alma 34:10, 14). Ċertament, ”aħna nemmnu li permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, l-umanità kollha tistà ssalva, b’ ubbidjenza lejn il-liġijiet u l-ordinanzi tal-evanġelju” ( Artikli tal-Fidi 1:3).

Il-biża’ ta’ Alla twassalna biex inħobbuh u nafdaw fih. Hekk kif nibżgħu minn Alla b’ mod aktar komplet, aħna nħobbuh b’ mod aktar perfett. U ”l-imħabba perfetta tkeċċi ’l barra kull biża’” (Moroni 8:16). Inwiegħed li d-dawl jiddi tal-biża’ ta’ Alla jkeċċi d-dell mudlam tal-biżgħat mortali (ara D&C 50:25) hekk kif aħna nħarsu lejn is-Salvatur, nibnu fuqu bħala l-pedament tagħna, u nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt Tiegħu b’ impenn ikkonsagrat.

Testimonjanza u Wegħda

Jiena nħobb u nqim il-Mulej. Il-qawwa u s-sliem Tiegħu huma reali. Huwa l-Feddej tagħna u jiena nixhed li Huwa jgħix. U permezz Tiegħu, qalbna m’għandhiex tinkwieta jew tibża’ (ara Ġwanni 14:27), u aħna nitbierku biex insikktu l-biżgħat tagħna. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.