2010-2019
Nagħżlu li Nemmnu
April 2015


Nagħżlu li Nemmnu

Is-Salvatur jipprovdilna l-evanġelju Tiegħu bħala dawl biex jiggwida lil dawk li jagħżlu li jemmnu fih u jimxu warajh.

Jannar li għadda, Sailor Gutzler, tifla ta’ seba’ snin, u l-familja tagħha kienu qed jivvjaġġaw minn Florida sa Illinois b’ ajruplan privat. Missier Sailor kien qed itajjar l-ajruplan. Ftit wara li beda jidlam, l-ajruplan żviluppawlu xi problemi tekniċi u kkraxxja qalb l-għoljiet mudlama ta’ Kentucky, fejn niżel rasu ’l isfel f’ terren mill-aktar imħarbat. Kulħadd miet ħlief Sailor. Fil-kraxx hija kissret il-polz tagħha. Hija sofriet għadd ta’ feriti ħfief u brix u tilfet iż-żarbun tagħha. It-temperatura kienet 38 grad Fahrenheit (jew 3 gradi Celsius)—kien lejl xitwi mill-aktar kiesaħ u bix-xita ġewwa Kentucky—u Sailor kull ma kellha fuqha kien qalziet qasir, T-shirt u kalzetta waħda.

Bdiet tibki għal ommha u missierha, iżda ħadd ma wieġeb. B’ kuraġġ kbir fuqha, hija bdiet miexja ħafja qalb il-kampanja tfittex l-għajnuna, għaddiet minn ġo għadd ta’ xmajriet, qasmet numru ta’ ġwiebi u rifset ħafna ward salvaġġ iniggeż. Minn fuq daqsxejn ta’ għolja, Sailor rat dawl, li kien ġej minn madwar mil ’il bogħod. Għalkemm hi u miexja bdiet titfixkel fid-dalma hekk kif bdiet tgħaġġel lejn dak id-dawl, hi eventwalment waslet fid-dar ta’ raġel ħanin li qatt ma kienet iltaqgħet miegħu qabel u li beda jara kif seta’ jgħinha. Sailor kienet tinsab ’il bogħod mill-periklu. Ma għaddiex wisq ħin sakemm hija ttieħdet ġewwa sptar fejn hemm ingħatat l-għajnuna kollha biex tfieq.1

Sailor salvat għaliex rat dawl ġej mill-bogħod u għamlet minn kollox biex tasal ħdejh—minkejja li għaddiet minn qalb kampanja mill-aktar salvaġġa, it-traġedja mill-aktar kbira li ħabbtet wiċċha magħha, u l-għadd ta’ ġrieħi li sofriet. Diffiċli timmaġinaw kif Sailor irnexxielha tagħmel dak li għamlet dak il-lejl. Iżda li nafu hu li fid-dawl ta’ dik id-dar imbiegħda hija għarfet li kellha ċans issalva. Kien hemm it-tama. Hija mtliet bil-kuraġġ minħabba l-fatt li dehru kemm dehru ħżiena l-affarijiet għaliha, hi setgħet issalva biss permezz ta’ dak id-dawl.

Ftit huma fostna dawk li xi darba għad ikollhom jgħaddu minn esperjenza daqshekk tal-biża’ daqs dik li għaddiet minnha Sailor. Iżda lkoll kemm aħna, f’ xi żmien jew ieħor, se jkollna ngħaddu minn qalb id-deżert spiritwali tagħna u nħabbtu wiċċna ma’ vjaġġ emozzjonali mill-aktar imqalleb. F’ dawk il-mumenti, minkejja tant mudlama u li forsi ma joffru l-ebda tama, jekk aħna nfittxu sew għandna nsibu dejjem dawl spiritwali li jkun għalina sinjal li jwasslilna t-tama tal-ħelsien u l-għajnuna. Dak id-dawl jiddi mingħand is-Salvatur tal-umanità kollha, hu li huwa d-Dawl tad-Dinja.

Li nagħrfu dawl spiritwali huwa differenti milli naraw dawl fiżiku. Biex inkunu nistgħu nagħrfu d-dawl spiritwali tas-Salvatur l-ewwel irid ikollna rieda li nemmnu. Alla irid li għallinqas fil-bidu jkollna x-xewqa li nemmnu. ”Jekk tqajmu l-fakultajiet tagħkom … u teżerċitaw farka fidi,” għallem il-profeta Alma, ”iva, anke jekk kull ma għandkom hija biss ix-xewqa li temmnu, ħallu din ix-xewqa taħdem ġewwa fikom, sewwasew sakemm intom temmnu b’ tali mod li tħallu post f’ qalbkom għal ftit minn kliem is-Salvatur.”2

Is-sejħa ta’ Alma għalina biex ikollna x-xewqa li nemmnu u ”nħallu post” f’ qalbna għal kliem is-Salvatur tfakkarna li t-twemmin u l-fidi jeħtieġu l-għażla u l-għemil personali tagħna. Għandna ”nqajmu l-fakultajiet tagħna.” Għandna nitolbu qabel jingħatalna; għandna nfittxu qabel insibu; għandna nħabbtu qabel jinfetaħ għalina. Imbagħad aħna ningħataw il-wegħda: ”Għax kull min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.”3

Qatt ma ġejna mitlubin b’ ħerqa akbar biex nemmnu minn meta s-Salvatur innifsu, waqt il-ministeru Tiegħu fid-dinja, saħaq ma’ grupp ta’ nies neqsin mil-fidi:

”Jekk jien m’iniex nagħmel l-għemejjel ta’ Missieri, temmnunix;

”Imma jekk qiegħed nagħmilhom, jekk ma temmnux lili, għallinqas emmnu l-għemejjel, biex tkunu tafu u tagħrfu li l-Missier huwa fija u jiena fil-Missier.”4

Kull jum huwa għalina lkoll jum ta’ prova. Prova ta’ żminijietna: se nagħżlu li nemmnu fih u nħallu d-dawl tal-evanġelju Tiegħu jikber ġewwa fina, jew se nirrifjutaw li nemmnu u ninsistu li nivvjaġġaw weħidna fid-dlam? Is-Salvatur jipprovdilna l-evanġelju Tiegħu bħala dawl biex jiggwida lil dawk li jagħżlu li jemmnu fih u jimxu warajh.

Wara l-kraxx, Sailor kellha għażla. Hija setgħet għażlet li tibqa’ ħdejn l-ajruplan fid-dlam, weħidha u mbeżża’. Iżda l-lejl kien wieħed twil, u aktar ma jmur aktar kienet se taqa’ kesħa. Hija għażlet triq oħra. Sailor telgħet fuq l-għolja, u minn hemm hija rat dawl fuq l-orizzont.

Gradwalment, hekk kif bdiet miexja tul il-lejl, id-dawl beda jżid fil-qawwa tiegħu. Madankollu, żgur li kien hemm xi ħinijiet fejn ma setgħetx tarah. Jista’ jkun li ma baqgħetx tarah aktar meta spiċċat f’ xi wied fond jew wara xi siġra jew għollieq, iżda xorta waħda hija kompliet miexja. Kull meta setgħet tara d-dawl, Sailor bdiet tara evidenza li kienet tinsab miexja fit-triq il-ġusta. Ma kenitx għadha taf preċiżament x’ kien dak id-dawl, iżda hi kompliet miexja lejh skont dak li kienet taf, waqt li bdiet tafda u tittama li kienet se tibqa’ tarah jekk hija kienet tibqa’ miexja fid-direzzjoni l-ġusta. Għax għamlet dan, aktarx wasslet biex salvat ħajjitha.

L-istess ħaġa f’ ħajjitna. Jaf ikun hemm żmien meta nħossuna mweġġgħin, meta nkunu ninsabu għajjenin, u meta ħajjitna tkun tidher mudlama u kiesħa. Jaf ikun hemm żminijiet meta ma nkunux nistgħu naraw id-dawl fuq l-orizzont, u nafu nħossuna naqtgħu qalbna. Jekk aħna lesti li nemmnu, jekk nixtiequ li nemmnu, jekk nagħżlu li nemmnu, hemmhekk it-tagħlim u l-eżempju tas-Salvatur juruna t-triq li għandna quddiemna.

Nagħżlu li Nemmnu

L-istess kif Sailor kellha temmen li hija kienet se ssib post ’il bogħod mill-periklu f’ dak id-dawl imbiegħed, aħna wkoll għandna nagħżlu li niftħu qalbna għar-realtà divina tas-Salvatur—għad-dawl etern Tiegħu u l-ħniena Tiegħu li tfejjaqna. Il-profeti tul iż-żminijiet dejjem ħeġġewna u anke talbuna b’ ħerqa kbira sabiex nemmnu fi Kristu. Il-kliem ta’ tħeġġiġ tagħhom jirrifletti fatt fundamentali: Alla ma jisfurzaniex biex nemmnu. Minflok Huwa jistedinna biex nemmnu billi jibgħat profeti u appostli ħajjin biex jgħallmuna, billi jipprovdilna l-iskrittura, u billi jkellimna permezz tal-Ispirtu Tiegħu. Huma aħna stess dawk li għandhom jagħżlu li jħaddnu dawn l-istedini spiritwali, li jagħżlu li jaraw permezz tal-għajnejn interni tagħhom id-dawl spiritwali li permezz tiegħu huwa jsejħilna. Id-deċiżjoni li nemmnu hija l-aktar għażla importanti li qatt nistgħu nagħmlu. Taffettwa d-deċiżjonijiet l-oħra kollha tagħna.

Alla ma jisfurzaniex biex nemmnu, kif ma jisfurzaniex biex nobdu l-kmandamenti, minkejja x-xewqa perfetta Tiegħu li jberikkna. Madankollu s-sejħa Tiegħu għalina biex nemmnu fih—biex neżerċitaw dik il-farka fidi u nħallu post għal kliemu—għadha tgħodd sa llum. Kif qal is-Salvatur, ”Jiena nagħti xhieda li l-Missier ta kmandament lill-bnedmin kollha, ma’ kullimkien, sabiex jindmu u jemmnu fija.”5

It-twemmin, it-testimonjanza u l-fidi mhumiex prinċipji passivi. Mhumiex xi ħaġa li niksbuha b’ mod awtomatiku. It-twemmin huwa xi ħaġa li nagħżlu aħna—nittamaw għalih, naħdmu għalih u nissagrifikaw għalih. Mhux aċċidentali li aħna nemmnu fis-Salvatur u fl-evanġelju Tiegħu daqs kemm mhux xi ħaġa aċċidentali li aħna nitolbu u nħallsu d-dieċmi. Aħna minn jeddna nagħżlu li nemmnu, daqs kemm aħna nagħżlu li nżommu kmandamenti oħra.

Inpoġġu t-Twemmin fil-Fatt

Għall-ewwel, Sailor ma kenitx taf jekk dak li kienet qed tagħmel, hija u titqabad mas-siġar salvaġġ, kienx se jħalli l-frott. Hija kienet tinsab mitlufa u mweġġgħa. Iżda hija telqet minn fejn kien waqa’ l-ajruplan u qabdet miexja bit-tama li tiġi salvata, u baqgħet titkaxkar ’il quddiem kif tista’ sakemm rat dawl ġej mill-bogħod. La darba rat dan id-dawl, hija għamlet dak li setgħet biex timxi ’l quddiem, u żżomm f’ moħħha dak li kienet rat.

Bl-istess mod aħna għandna nħallu post għat-tama li se nsibu dawl spiritwali billi nħaddnu t-twemmin minflok ma nagħżlu li niddubitaw. L-għemejjel tagħna huma evidenza tat-twemmin tagħna u jsiru s-sustanza tal-fidi tagħna. Aħna nagħżlu li nemmnu meta aħna nitolbu u meta naqraw l-iskrittura. Aħna nagħżlu li nemmnu meta aħna nsumu, meta nqaddsu jum is-Sabbath u meta mmorru nqimu fit-tempju. Aħna nagħżlu li nemmnu meta aħna nitgħammdu u meta nieħdu sehem fis-sagrament. Aħna nagħżlu li nemmnu meta aħna nindmu u nfittxu l-maħfra divina u l-imħabba tal-fejqan.

Qatt M’ għandna Naqtgħu Qalbna.

Xi kultant il-progress fil-ħwejjeġ spiritwali jaf jidher li jkun miexi bil-mod ħafna jew intermittenti. Xi kultant nafu nħossu li forsi li qtajna xi ftit lura, li għamilna xi żbalji, jew li l-isforzi tagħna li nisbu s-Salvatur mhux qed jaħdmu kif nixtiequ. Jekk tħossukom hekk, jekk jogħġobkom taqtgħux qalbkom—qatt. Ibdew mill-ewwel emmnu fih u fl-evanġelju Tiegħu u fil-Knisja Tiegħu. Araw li l-għemejjel tagħkom ikunu f’ armonija ma’ dak it-twemmin. F’ dawk il-mumenti meta d-dawl tal-fidi tagħkom ikun tbaxxa xi ftit, ħallu t-tama tagħkom għall-imħabba u l-grazzja tas-Salvatur, kif insibuhom fl-evanġelju u l-Knisja Tiegħu, jegħlbu d-dubju tagħkom. Imwegħidkom li Huwa jinsab lest li jilqagħkom. Maż-żmien tibdew taraw li intom għamiltu l-aqwa għażla li stajtu tagħmlu. Id-deċiżjoni kuraġġjuża tagħkom li temmnu fih tberikkom bla qjies għal dejjem.

Il-Barkiet tat-Twemmin

Jiena f’ ħajti ħassejt l-imħabba kollha ħniena tas-Salvatur. Jiena fittixtu fil-mumenti tiegħi ta’ dalma, u Huwa kien hemm lest għalija bid-dawl Tiegħu tal-fejqan. Waħda mill-aktar ħwejjeġ li wasslitli ferħ f’ ħajti hi l-bosta drabi li jiena vvjaġġajt flimkien ma’ marti, Kathy, biex niltaqa’ mal-membri tal-Knisja f’ bosta nħawi tad-dinja. Dawn il-laqgħat mill-isbaħ għallmuni u għallmuna dwar l-imħabba ta’ Alla lejn uliedu. Urewni l-potenzjal bla limitu għal dak il-ferħ li jsir il-barka ta’ dawk li jagħżlu li jimxu wara t-tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu. Sirt naf li li nemmnu fih u fil-qawwa tal-fidwa Tiegħu hija t-triq vera għall-”paċi f’ din id-dinja, u ħajja eterna fid-dinja li jmiss.”6

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-sors ta’ dawl u tama għalina lkoll. Jiena nitlob li aħna lkoll nagħżlu li nemmnu fih. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Lindsey Bever, “How 7-Year-Old Sailor Gutzler Survived a Plane Crash,” Washington Post, Jan. 5, 2015, washingtonpost.com; “Girl Who Survived Plane Crash Hoped Family ‘Was Just Sleeping,’” Jan. 4, 2015, myfox8.com; “Kentucky Plane Crash: Four Killed, Little Girl Survives,” Jan. 4, 2015, news.com.au; Associated Press, “Young Girl, Sole Survivor of Kentucky Plane Crash,” Jan. 3, 2015, jems.com.

  2. Alma 32:27; enfażi miżjuda.

  3. 3 Nephi 14:8; ara wkoll vers 7.

  4. Ġwanni 10:37–38.

  5. 3 Nephi 11:32.

  6. Doctrine and Covenants 59:23.