2010-2019
Li Nkunu Ġenwini
April 2015


Li Nkunu Ġenwini

Nitlob, li aħna nirreżistu t-tentazzjoni li nfittxu li l-attenzjoni tkun fuqna u, minflok, naħdmu għal unur ferm akbar; li nsiru dixxipli umli u ġenwini tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Fl-aħħar tas-seklu tmintax, Katerina l-Kbira tar-Russja ħabbret li kienet se żżur il-parti tan-nofsinhar tal-imperu tagħha, akkumpanjata minn għadd ta’ ambaxxaturi barranin. Il-gvernatur ta’ dawk l-inħawi, Grigory Potemkin, ried jagħmel minn kollox biex jimpressjona lil dawn il-viżitaturi. U għalhekk huwa għamel sforz kbir biex juri dak kollu li kien wettaq pajjiżu.

Għal parti mill-vjaġġ, Katarina għaddiet minn fuq ix-Xmara Dnieper, kburija turi lill-ambaxxaturi l-irħula żgħar żviluppati sewwa li kien hemm tul ix-xatt, mimlijin nies ferħana u beżlin. Kien hemm biss problema waħda: dan kien kollu għal wiċċ in-nies. Jingħad li Potemkin kien qabbad lin-nies jibnu għadd ta’ kartelluni kbar li juru faċċati ta’ ħwienet u ta’ djar. Huwa anke qabbad għadd ta’ raħħala sabiex jippużaw bħala ħaddiema qegħdin jaħdmu u b’ hekk jagħti l-impressjoni ta’ ekonomija sinjura. Hekk kif il-viżitaturi telqu minn hemm u daru mal-liwja tax-xmara, il-ħaddiema ta’ Potemkin żarmaw il-villaġġ fittizju u ġrew bih max-xatt tax-xmara biex jarmawh mill-ġdid minn fejn kien imissha tgħaddi Katarina.

Għalkemm ċerti storiċi moderni ddubitaw kemm hi vera din l-istorja, il-frażi ”villaġġ ta’ Potemkin” daħlet fil-vokabularju dinji. Illum nirreferu hekk għal meta rridu nippruvaw lil xi ħadd jemmen li aħna ferm aħjar milli fil-fatt aħna.

Qlubna Jinsabu Fejn Għandhom Ikunu?

Hija parti min-natura umana li wieħed jagħmel minn kollox biex jidher aħjar. Huwa għalhekk li ħafna minna nagħmlu xogħol estensiv fuq in-naħa ta’ barra ta’ djarna u huwa għalhekk li ħutna tas-Saċerdozju Aroniku jaraw li ma jkollhomx xagħra waħda mhux postha, ma jmorrux jiltaqgħu ma’ xi ħadd speċjali. M’hemm xejn ħażin li nibblakkaw iż-żarbun, li nużaw xi ftit fwieħa jew saħansitra naħbu l-platti maħmuġin qabel ma jaslu l-għalliem tad-dar. Madankollu, meta nispiċċaw nagħmlu dan b’ mod estrem, din ix-xewqa li nimpressjonaw tista’ twassal biex minflok bżonn issir qerq.

Il-profeti tal-Mulej dejjem wissew kotra dawk li ”resqu ħdejn il-Mulej b’fommhom, u b’xufftejhom biex iqimuh, imma qalbhom ’il bogħod minnu.”1

Is-Salvatur fehem u wera kompassjoni mal-midinbin ta’ qalb umli u sinċiera. Iżda huwa wera r-rabja ġusta Tiegħu kontra l-ipokriti bħall-kittieba, il-Fariżej u s-Sadduċej—dawk li kienu jagħmlu minn kollox biex jidhru ġusti sabiex jakkwistaw it-tifħir, l-influwenza u l-ġid tad-dinja, iżda fl-istess ħin jaħqru lin-nies li suppost qegħdin ibierku. Is-Salvatur qabbilhom ma’ ”oqbra mbajda: minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta ta’ ħmieġ.”2

Fi żmienna, il-Mulej tenna wkoll kliem iebes lil dawk li jħaddnu s-saċerdozju li jippruvaw ”jaħbu dnubiethom, jew jissodisfaw il-kburija tagħhom, jew l-ambizzjoni fiergħa tagħhom.” Meta huma jagħmlu dan, Huwa jgħid, ”jirtiraw il-qawwiet tas-smewwiet; jitnikket l-Ispirtu tal-Mulej; u meta l-Ispirtu ma jibqax aktar preżenti, Ammen lis-saċerdozju jew l-awtorità ta’ dak ir-raġel.”3

Għaliex jiġri dan? Għalfejn xi kultant aħna nippruvaw li minn barra aħna nidhru attivi, sinjuri u ddedikati, meta minn ġewwa—kif qal ir-Rivelatur dwar l-Efesin—aħna ”ħallejna dik l-imħabba li konna wrejna fil-bidu”?4

F’ ċerti każijiet, jiġri li aħna sempliċiment ma nkunux bqajna ffukati fuq l-essenza tal-evanġelju, għax żbaljajna ”l-forma tad-divinità” mal-”qawwa tagħha.”5 Din hija ħaġa mill-aktar perikoluża meta aħna nesprimu ruħna b’ mod biex nimpressjonaw lil ħaddieħor u nidhru bħala dixxipli ħalli niksbu xi ħaġa personali jew ninfluwenzaw lill-oħrajn. Huwa f’ mumenti bħal dawn meta aħna nirriskjaw li nidħlu fit-territorju tal-Fariżej, u jkun wasal iż-żmien li neżaminaw qlubna u nagħmlu t-tibdil neċessarju.

Il-Programmi Potemkin

It-tentazzjoni li nidhru aħjar milli fil-fatt aħna ma nsibuhiex biss fil-ħajja personali tagħna iżda nsibuha wkoll fil-ħidma tagħna tal-Knisja.

Per eżempju, jiena naf b’ wited fejn il-mexxejja fasslu ċerti għanijiet għal matul is-sena. Għalkemm l-għanijiet kienu kollha tajbin, huma bdew jiffukaw jew fuq xi dikjarazzjonijiet li jidhru kbar u impressjonanti jew inkella fuq numri u persentaġġi.

Wara li huma ddiskutew dawn l-għanijiet kollha u qablu dwarhom, kien hemm xi ħaġa li bdiet tinkwieta lill-president tal-wited. F’ moħħu ġew il-membri tal-wited tiegħu—bħal dik l-omm żagħżugħa li kienet għadha kif romlot. Huwa ftakar fil-membri li kienu qed jikkumbattu d-dubji jew is-solitudni jew li kellhom xi kundizzjoni tas-saħħa severa iżda l-ebda assigurazzjoni. F’ moħħu ġew dawk il-membri li kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ żwiġijiet imfarrka, vizzji, qgħad u mard mentali. U aktar ma beda jaħseb fuqhom, aktar beda jistaqsi lilu nnifsu din il-mistoqsija umli: l-għanijiet il-ġodda tagħna se jagħmlu differenza f’ ħajjet dawn il-membri?

Huwa beda jaħseb bejnu u bejn ruħu kif l-għanijiet tagħhom bħala wited setgħu kienu differenti kieku l-ewwel ħaġa li staqsew kienet, ”X’inhu l-ministeru tagħna?”

Għalhekk dan il-president tal-wited mar lura fil-kunsill tiegħu, u flimkien huma bdew jiffukaw fuq xi ħaġa differenti. Huwa ddeċidew li ma kenux se jħallu ”lil dawk li huma fil-bżonn, … u lil min hu bla ħwejjeġ, … u lill-morda u lil dawk li qed isofru, u ma jagħtux kashom.”6

Huma fasslu għanijiet ġodda, għarfu li s-suċċess b’ dawn l-għanijiet il-ġodda mhux dejjem jista’ jitkejjel, tal-anqas mhux mill-bniedem—għaliex kif wieħed jista’ jkejjel it-testimonjanza personali, l-imħabba ta’ Alla jew il-kompassjoni lejn ħaddieħor?

Iżda huma kienu jafu wkoll li ”ħafna mill-affarijiet li tista’ tkejjilhom, ma jfissru xejn. Ħafna mill-affarijiet li ma tistax tkejjel, verament ifissru xi ħaġa.”7

Tgħid xi kultant ċerti għanijiet organizzattivi jew personali tagħna jkunu jixbhu l-villaġġ ta’ Potemkin? Tgħid jidhru impressjonanti mill-bogħod iżda ma jirnexxilhomx jindirizzaw il-bżonnijiet reali ta’ ħutna l-għeżież?

Għeżież ħbieb tiegħi u rġiel li tħaddnu s-saċerdozju, jekk Ġesù Kristu kellu jkun bilqiegħda magħna u jitlobna rendikont ta’ ħidmietna, ma naħsibx li Huwa se jiffoka wisq fuq programmi u statistiċi. Li jkun irid jaf is-Salvatur hi kif inhi l-kundizzjoni ta’ qalbna. Ikun irid ikun jaf kif aħna nħobbu u namministraw lil dawk li aħna responsabbli minnhom, kif aħna nuru mħabbitna lejn in-nisa (jew l-irġiel) tagħna u lejn il-familja tagħna, u x’ qed nagħmlu biex inħaffulhom it-tagħbija tagħhom ta’ kuljum. U s-Salvatur ikun irid ikun jaf x’ qed nagħmlu biex intom u jiena nersqu aktar viċin Tiegħu u Missierna tas-Smewwiet.

X’ qegħdin Nagħmlu Hawn?

Jista’ jkun ta’ benefiċċju jekk aħna nfittxu x’ hemm f’ qalbna. Per eżempju, nafu nistaqsu lilna nfusna, għalfejn aħna nservu fil-Knisja ta Ġesù Kristu?

Nafu saħansitra nistaqsu wkoll, għalfejn illum ninsabu hawn f’ din il-laqgħa?

Mela kieku kelli nwieġeb dik il-mistoqsija b’ mod superfiċjali, nista’ ngħid li ninsab hawn għax il-President Monson talabni biex nitkellem.

Għalhekk ma kellix għażla.

Barra minn hekk, marti, li jiena nħobb ħafna, tistenna minni li nattendi. U kif nista’ ngħidilha le?

Iżda aħna lkoll nafu li hemm raġunijiet aħjar għalfejn nattendu l-laqgħat tagħna u ngħixu ħajjitna b’ impenn bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Jiena ninsab hawn peress li nixtieq b’ qalbi kollha li nimxi wara l-Imgħallem tiegħi, Ġesù Kristu. Jiena nixtieq nagħmel dak kollu li jitlob minni f’ din il-kawża kbira. Għandi xewqa kbira li nkun edifikat permezz tal-Ispirtu s-Santu u li nisma’ leħen Alla hekk kif jitkellem permezz tal-qaddejja ordnati Tiegħu. Jiena ninsab hawn biex insir bniedem aħjar, biex nispira ruħi mill-eżempji ta’ ħuti fi Kristu, u biex nitgħallem kif inkun aktar effettiv meta namministra lil dawk fil-bżonn.

F’ kelma waħda, jiena ninsab hawn għax inħobb lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ibnu, Ġesù Kristu.

Jiena ċert li anke intom għalhekk tinsabu hawn. Għalhekk aħna lesti li nissagrifikaw u mhux biss niddikkjaraw li nimxu wara s-Salvatur. Għalhekk aħna nħaddnu b’ unur is-saċerdozju mqaddes Tiegħu.

Minn Xrar għal Ħuġġieġa

Kemm jekk it-testimonjanza tagħkom hija waħda b’ saħħitha u qed tiżviluppa jew inkella l-attività tagħkom fil-Knisja tixbah aktar villaġġ ta’ Potemkin, l-aħbar it-tajba hi li intom tistgħu tibnu fuq dik li għandkom, hi b’ saħħitha kemm hi b’ saħħitha. Hawnhekk fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu intom tistgħu timmaturaw spiritwalment u tersqu aktar viċin tas-Salvatur billi tapplikaw il-prinċipji tal-evanġelju jum wara jum.

Bil-paċenzja u l-persistenza, anke l-iċken att li twettqu bħala dixxipli jew l-iżgħar ġamra ta’ tama tista’ ssir ħuġġieġa kbira ta’ ħajja kkonsagrata. Fil-fatt, ħafna ħġejjeġ hekk jibdew—b’ sempliċiment daqsxejn xrar.

Għalhekk jekk tħossukom żgħar u dgħajfin, jekk jogħġobkom intom għandkom sempliċiment tersqu lejn Kristu li jagħmel b’ saħħihom il-ħwejjeġ dgħajfin.8 L-aktar wieħed dgħajjef fostna, permezz tal-grazzja ta’ Alla, jista’ jsir b’ saħħtu spiritwalment, għaliex Alla ”ma jħares lejn wiċċ ħadd.”9 Huwa ”Alla l-fidil, li jżomm il-patt u t-tjieba tiegħu ma’ ħbiebu u ma’ dawk li jħarsu l-kmandamenti tiegħu.”10

Hija l-konvinzjoni tiegħi li jekk Alla jista’ jilħaq u jsostni wieħed refuġjat fqir Ġermaniż minn familja modesta f’ pajjiż meqrud minħabba l-gwerra nofs dinja ’l bogħod mill-kwartieri ewlenin tal-Knisja, mela Huwa jista’ jilħaq lilkom.

Għeżież ħuti fi Kristu, l-Alla tal-Ħolqien, li ta l-ħajja lill-univers, żgur li għandu l-qawwa li jagħti l-ħajja lilkom. Żgur jista’ jagħmel minnkom bnedmin ġenwini u spiritwali mimlijin dawl u verità kif tixtiequ tkunu.

Il-wegħdiet ta’ Alla huma żguri u ċerti. Aħna nistgħu ninħafru minn dnubietna u nitnaddfu minn kull ħaġa ħażina.11 U jekk inkomplu ngħożżu u ngħixu il-prinċipji vera fiċ-ċirkustanzi personali tagħna u fil-familji tagħna, aħna ultimament naslu f’ punt fejn ”ma nbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bina aktar. … Ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħna; u hu jwassalna ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. U Alla jixxuttalna kull demgħa minn għajnejna.”12

Il-Knisja hija Post ta’ Fejqan, Mhux ta’ Ħabi

Iżda dan ma jistax iseħħ jekk aħna ninħbew wara xi faċċata personali, dommatika jew organizzattiva. Li nkunu dixxipli b’ mod artifiċjali mhux biss iżommna milli naraw lilna nfusna bħala dak li verament aħna, iżda jżommna milli ninbidlu verament permezz tal-miraklu tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur.

Il-Knisja mhux xi vetrina tal-karozzi—post li npoġġu lilna nfusna ħalli jarawna n-nies u jkunu jistgħu jammirawna għall-ispiritwalità, kapaċità u l-prosperità tagħna. Hija aktar bħal ċentru ta’ servizz, fejn il-karozzi li jkollhom bżonn ta’ xi tiswija jiġu għall-manutenzjoni u għar-riabilitazzjoni.

U mhux kollna kemm aħna għandna bżonn ta’ xi tiswija, manutenzjoni u riabilitazzjoni?

Niġu l-knisja mhux biex naħbu l-problemi tagħna iżda biex infejquhom.

Bħala rġiel li nħaddnu s-saċerdozju, aħna għandna responsabbiltà oħra— li ”nirgħu l-merħla ta’ Alla … , mhux bilfors, imma minn qalbna, kif irid Alla; mhux għall-qligħ personali, imma bil-ħeġġa tal-imħabba; mhux bħallikieku naħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewna b’xortina, imma billi nkunu eżempju tal-merħla.”13

Ftakru, l-aħwa,”Alla jieqaf lill-kburi u jagħti l-grazzja lill-umli.”14

L-akbar u l-aktar bniedem kapaċi u mogħni b’ kull kwalità li qatt għex f’ din id-dinja kien ukoll l-aktar bniedem umli. Huwa wettaq ħafna mis-servizz l-aktar impressjonanti Tiegħu f’ mumenti mill-aktar privati, fejn kienu biss ftit min-nies li rawh jagħmel dan, u li lilhom qalilhom sabiex ”ma jitkellmu ma ħadd” dwar dak li kien għamel.15 Meta xi ħadd sejjaħlu ”tajjeb,” Huwa malajr qata’ ħesrem il-kumplament billi insista li Alla biss huwa verament tajjeb.16 Jidher ċar li t-tifħir tad-dinja ma kien ifisser xejn għalih; l-uniku għan Tiegħu kien li jaqdi lil Missieru u ”dejjem jagħmel dak li jogħġob lilu.”17 Aħna nagħmlu sewwa jekk nimxu wara l-eżempju tal-Imgħallem tagħna.

Jalla Nħobbu kif Ħabb Hu

L-aħwa, din hija s-sejħa għolja u mqaddsa tagħna—li nkunu aġenti ta’ Ġesù Kristu, li nħobbu kif ħabb Hu, li nservu kif serva Hu, li ”nqawwu l-idejn mitruħa u nsaħħu l-irkopptejn imriegħda,”18 li ”nieħdu ħsieb il-foqra u dawk fil-bżonn,”19 u nieħdu ħsieb ir-romol u l-orfni.20

Nitlob, ħuti, li hekk kif aħna nservu fil-familji, fil-kworums, fl-oqsma, fil-wited fil-komunitajiet u fil-pajjiżi tagħna, aħna nirreżistu t-tentazzjoni li nfittxu li l-attenzjoni tkun fuqna u, minflok, naħdmu għal unur ferm akbar; li nsiru dixxipli umli u ġenwini tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hekk kif nagħmlu dan, aħna nsibu lilna nfusna mexjin fit-triq li twassalna biex niskopru l-aqwa u l-aktar parti ġenwina u nobbli tagħna nfusna. Ta’ dan jiena nixhed f’ isem l-Imgħallem tagħna, Ġesù Kristu, amen.