2010-2019
Nisslu, Oktru, u Aħkmu l-Art
April 2015


Nisslu, Oktru, u Aħkmu l-Art

Missierna tas-Smewwiet berikna u qabbadna sabiex nitnisslu, noktru, u naħkmu l-art biex inkunu nistgħu nsiru bħalu.

Nirringrazzja lill-Kor tat-Tabernaklu, għal dik id-dedikazzjoni mil-aktar ħelwa lis-Salvatur tad-dinja.

Fil-jum li fih Alla l-Missier sejjaħ lill-Uniku Iben Imnissel Tiegħu biex joħloq lill-bniedem fi xbieha Tagħhom it-Tnejn, Huwa bierek lil uliedu, u qalilhom, ”Tnisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq … il-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.”1 Għalhekk, il-vjaġġ tagħna fil-mortalità beda bi kmand divin u b’ barka divina. Missierna li tant iħobbna berikna u qabbadna sabiex nnisslu u noktru u nsaltnu ħalli aħna nkunu nistgħu niżviluppaw u nsiru sewwasew kif inhu Hu.

Ħuti, f’ dan il-wara nofsinhar nilqa’ l-fidi u t-talb tagħkom hekk kif naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar tliet kwalitajiet fundamentali tan-natura divina tagħna. It-talba tiegħi hi li aħna lkoll nagħrfu u nwettqu aħjar ir-responsabbiltà sagra tagħna—il-kmand ta’ Missierna—li niżviluppaw in-natura divina tagħna ħalli aħna nkunu nistgħu ninnavigaw il-vjaġġ tagħna b’ aktar suċċess u niksbu d-destin divin tagħna.

L-Ewwel, Alla Qabbadna biex Nnislu

Parti importanti mill-ħidma tat-tnissil, li xi kultant ma nagħtuhiex daqshekk importanza, hi li permezz tagħha nkunu qed nibnu s-saltna ta’ Alla fid-dinja. Is-Salvatur għallem:

”Jiena d-dielja u intom il-friegħi: Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott: għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. …

”Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom.

”Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.”2

Aħna nagħmlu ħafna frott hekk kif nibqgħu fi Kristu u hekk kif ”nieħdu fuqna ismu u … naqduh sat-tmiem”3 billi ngħinu lil oħrajn jersqu lejh.

Fi żmienna, il-profeti u l-appostli ħajjin ikomplu jsemmgħu leħinhom biex jistiednu lil kull wieħed u waħda minna sabiex niddedikaw ruħna bi sħiħ fil-ħidma tas-salvazzjoni skont l-abbiltajiet u l-opportunitajiet tagħna.

Il-punt tat-tluq ta’ rispons li jħalli warajh ħafna frott hu li ”ikollna l-manswetudini u l-umiltà f’ qalbna.”4 Imbagħad inkunu nistgħu nersqu lejn Kristu b’ mod aktar sħiħ hekk kif nisimgħu mill-istigazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu u nżommu l-patti kollha li għamilna.5 Aħna nkunu nistgħu nfittxu u nirċievu d-don tal-karità u jkollna l-qawwa li nistiednu l-familji tagħna, lill-antenati tagħna u lill-membri u l-ġirien u ħbieb li mhux membri sabiex jirċievu l-evanġelju ta Ġesù Kristu.

Li naħdmu fi spirtu ta’ karità mhux dmir iżda pjaċir. L-isfidi jsiru opportunitajiet biex jgħinuna nibnu l-fidi. Aħna nsiru ”xhieda tat-tjubija ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kollox, u kull fejn inkunu, sa kemm immutu.”6

Ilkoll kemm aħna nistgħu u għandna niddedikaw ruħna bi sħiħ fil-ħidma tas-salvazzjoni. Is-Salvatur tana din ir-responsabbiltà li ġejja flimkien ma’ wegħda: ”Jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kull ma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom.”7

It-Tieni, Alla Qabbadna biex Noktru

Il-ġisem fiżiku tagħna huwa barka mingħand Alla. Aħna irċevejnieh għall-għanijiet li jġibu fis-seħħ il-ħidma ta’ Missierna tas-Smewwiet ”li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”8 Il-ġisem huwa l-mezz li bih aħna nistgħu niksbu l-potenzjal divin tagħna.

Il-ġisem jagħti ċ-ċans lill-ulied spirti ubbidjenti ta’ Missieri tas-Smewwiet sabiex jesperjenzaw il-ħajja f’ din id-dinja.9 Li nwelldu t-tfal jagħti lil ulied spirti oħra ta’ Alla l-opportunità li jgawdu wkoll il-ħajja fuq din id-dinja. Kull min twieled fil-mortalità għandu l-opportunità li javvanza u jkun eżaltat jekk jobdi l-kmandamenti ta’ Alla.

Iż-żwieġ bejn raġel u mara huwa l-istituzzjoni li ordna Alla biex jiġi fis-seħħ il-kmand Tiegħu li noktru. Relazzjoni bejn persuni tal-istess sess ma twassalx għat-tkattir.

Żwieġ legali skont il-liġi li ġie ssiġillat fit-tempju u li fih jiġu onorati l-patti tas-siġill jagħti lill-ġenituri u lit-tfal l-opportunità li jkollhom l-aqwa esperjenza ta’ mħabba u fejn huma jitħejjew għal ħajja li tagħti l-frott. Joffrilhom l-ambjent ideali li fih huma jistgħu jgħixu l-patti li huma għamlu ma’ Alla.

Grazzi għall-imħabba Tiegħu għalina, Missierna tas-Smewwiet ipprovda mod kif uliedu l-fidili kollha li bħalissa mhux qed igawdu jew ma jistgħux igawdu l-barkiet taż-żwieġ u jkollhom ulied tal-patt jew għad ma jistgħux igawdu l-milja ta’ dawk il-barkiet għal raġunijiet li m’għandhomx kontroll fuqhom, fiż-żmien maħtur mill-Mulej huma għad igawdu dawn il-barkiet.10

Il-profeti u l-appostli ħajjin taw il-kunsill tagħhom lil dawk kollha li għandhom l-opportunità li jidħlu fil-patt taż-żwieġ etern sabiex jagħmlu dan b’ għerf u fidi. M’għandniex inpoġġu fil-ġenb dak il-jum sagru biex infittxu l-ħwejjeġ tad-dinja jew noqogħdu niffittaw tant fuq is-sieħba (jew sieħeb) ideali tagħna li nispiċċaw niskwalifikaw kull kandidat possibbli.

Il-wegħda lil dawk kollha li huma ssiġillati fil-patt taż-żwieġ etern u li qed jagħtu l-frott permezz tal-patti tagħhom hi li l-avversarju qatt ma jkollu qawwa li jdgħajjef is-sisien ta’ dik is-sħubija eterna.

It-Tielet, Alla Qabbadna Biex Naħkmu l-Art

Li naħkmu l-art u jkollna dominju fuq il-ħlejjaq kollha ifisser li nikkontrollawhom sabiex huma jġibu fis-seħħ ir-rieda ta’ Alla11hekk kif huma jaqdu l-għanijiet ta’ wliedu. Li naħkmu jfisser ukoll li nikkontrollaw ġisimna.12 Dan ma jfissirx li aħna nkunu vittmi ta’ dawn il-ħwejjeġ bla ma nafu nieħdu ħsieb tagħna nfusna jew inkella li nużawhom kontra r-rieda ta’ Alla.13

Li niżviluppaw l-abbiltà li nkunu kapaċi naħkmu fuq il-ħwejjeġ tad-dinja tibda billi b’ umiltà aħna nagħrfu d-dgħjufija umana tagħna u l-qawwa li ngħatajna permezz ta’ Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu. Għaliex ”Kristu qal: Jekk intom ikollkom il-fidi fija intom ikollkom il-qawwa li tagħmlu dak kollu li jien irrid li jseħħ.”14 Din il-qawwa tingħata lilna hekk kif aħna nagħżlu li naġixxu f’ ubbidjenza lejn il-kmandamenti Tiegħu. Aħna nkabbru l-abbiltà tagħna billi nfittxu d-doni tal-Ispirtu u billi niżviluppaw it-talenti tagħna.

Jiena twelidt u trabbejt f’ ċirkustanzi umli li huwa komuni ħafna għal ħafna familji fl-Afrika. Jiena ksibt l-abbiltà li noħroġ lili nnifsi minn dawk iċ-ċirkustanzi billi fittixt u ksibt edukazzjoni tajba, bl-għajnuna kollha mħabba tal-ġenituri tiegħi. Kienet ħaġa mill-aktar essenzjali għall-progress tiegħi li jiena niżviluppa viżjoni dwar dak li stajt insir. Aktar tard, bħala koppja żagħżugħa, marti Gladys, u jiena sibna l-evanġelju rrestawrat, li jkompli jbierek ħajjitna permezz ta’ direzzjoni spiritwali. Bħal kull familja oħra, aħna nħabbtu wiċċna mal-isfidi tagħna fil-ħajja. Iżda hekk kif inħarsu lejn il-Mulej biex jgħinna, aħna nsibu dik it-tweġiba li ġġibilna l-paċi u l-faraġ, u ma nħossuniex iddisprati b’ dan kollu.

L-isfidi li llum qed tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà umana, fosthom l-immoralità, il-pornografija, il-kunflitti bl-armamenti, it-tniġġis, l-abbuż ta’ ċerti sustanzi, u l-faqar, jiffjorixxu peress li tant nies fid-dinja taw lilhom infushom, minn jeddhom, ”għar-rieda tax-xitan u tal-ġisem”15 minflok għar-rieda ta’ Alla. ”Huma ma jfittxux lill-Mulej sabiex iġibu fis-seħħ is-sewwa tiegħu, iżda kull bniedem jimxi għalih waħdu u wara x-xbieha tal-alla li ħoloq hu, li x-xbieha tiegħu hi x-xbieha tad-dinja.”16

Madankollu, Alla jistieden lil uliedu kollha sabiex jiksbu l-għajnuna Tiegħu biex jegħlbu u jikkumbattu l-isfidi ta’ din il-ħajja b’ dan il-kliem:

”Jiena Alla; jiena għamilt id-dinja, u l-bniedem qabel twieled fil-ġisem.

“… Jekk intom idduru lejja, u tisimgħu leħni, u temmnu u tindmu mit-trasgressjonijiet kollha tagħkom, u titgħammdu, sewwasew bl-ilma, f’ isem l-Uniku Iben Imnissel tiegħi, … intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, titolbu kull ħaġa f’ ismu, u kull ma titolbu, jingħatalkom.”17

Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem fidili li jifhmu l-potenzjal divin tagħhom u jafdaw b’ qalbhom kollha fuq il-qawwa li tista’ tkun tagħhom permezz tal-Att tal-Fidwa tal-Mulej Ġesù Kristu jiġu msaħħa fid-dgħjufijiet naturali tagħhom u ”jkunu jifilħu għal kollox.”18 Huma jkunu jistgħu jegħlbu l-istigazzjonijiet tal-ħażen li poġġew lil tant nies taħt il-jasar tal-avversarju. Pawlu għallem:

”Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.”19

”Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib.”20

Missierna tas-Smewwiet berikna u qabbadna sabiex nitnisslu, noktru, u naħkmu l-art biex inkunu nistgħu nsiru bħalu. Huwa għamilha possibbli li aħna lkoll, skont l-għażla individwali tagħna, nistgħu fil-fatt nikbru u nsiru bħalu. Jiena nitlob li aħna lkoll ngħixu ħajjitna b’tali mod li niġu ggwidati bil-viżjoni tan-natura divina tagħna, niksbu l-privileġġi kollha divini tagħna u nġibu fis-seħħ id-destin divin tagħna.

Jiena nixhed dwar ir-realtà ħajja ta’ Alla l-Missier u ta’ Ibnu l-Għażiż, is-Salvatur Ġesù Kristu; dwar il-pjan ta’ ferħ glorjuż Tiegħu; u dwar l-imfietaħ li huwa ppermetta li jingħataw lil profeta ħaj fid-dinja llum, sewwasew Thomas S. Monson, li aħna lilu nħobbu u nsostnu. Nitlob li aħna jkollna l-qawwa li ngawdu l-milja tal-barkiet Tiegħu f’ isem Ġesù Kristu, amen.