2010-2019
Il-Pjan ta’ Ferħ
April 2015


Il-Pjan ta’ Ferħ

L-iskop aħħari ta’ kull attività fil-Knisja hu li naraw lil kull raġel u mara kuntenti flimkien ma’ wliedhom bħala familja, issiġillati għall-eternità.

Bosta snin ilu, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, jiena kont qed nattendi l-università. Kien hemmhekk li ltqajt ma’ Donna Smith. Fl-istess żmien kont qrajt li żewġ ingredjenti essenzjali għal żwieġ li jirnexxi huma gallettina u bewsa. Jiena għedt li l-bilanċ kien wieħed tajjeb.

Jiena kont nattendi l-università filgħodu u wara kont nerġa’ lura fil-Belt ta’ Brigham biex wara nofsinhar immur naħdem fil-garaxx ta’ missieri fejn konna nsewwu l-karozzi. L-aħħar lezzjoni li Donna kien ikollha filgħodu kienet tkun tal-home economics. Qabel nitlaq kont nieqaf għal ftit ħdejn il-klassi tagħha. Il-bieb kien bil-ħġieġ imtappan, iżda jekk kont nieqaf viċin tal-ħġieġ, hija setgħet tara d-dell tiegħi minn barra. Hija kienet toħroġ bilmod mill-klassi u tagħtini gallettina u bewsa. Ir-riżultat tafuh. Aħna żżewwiġna fit-Tempju ta’ Salt Lake u dan ta’ bidu għal avventura mill-isbaħ f’ ħajjitna.

Tul is-snin jiena spiss ġie f’ moħħi prinċipju mill-aktar importanti: l-iskop aħħari ta’ kull attività fil-Knisja hu li naraw lil kull raġel u mara kuntenti flimkien ma’ wliedhom bħala familja, issiġillati għall-eternità.

Fil-bidu:

”L-Allat niżlu biex jorganizzaw lill-bniedem fi xbieha tagħhom, fi xbieha tal-Allat huma ffurmawh, tawhom il-forma ta’ raġel u mara.

”U l-Allat qalu: Aħna nberkuhom. U l-Allat qalu: Nitolbuhom sabiex jitnisslu u joktru, u jimlew l-art, u jaħkmuha” (Abraham 4:27–28).

U hekk beda ċ-ċiklu tal-ħajja umana fuq din id-dinja hekk kif ”Adam għaraf lil martu, u hija wildet it-tfal u huma bdew joktru u jimlew l-art.

“U … ulied Adam bdew jinqasmu tnejn tnejn fuq l-art, … u huma wkoll kellhom it-tfal” (Moses 5:2–3).

Il-kmandament li noktru u nimlew id-dinja għadu jgħodd sal-ġurnata tal-lum. Huwa essenzjali għall-pjan ta’ fidwa u huwa s-sors ta’ kull ferħ uman. Jekk aħna neżerċitaw din il-qawwa b’ mod xieraq, aħna nistgħu nersqu aktar viċin ta’ Missierna tas-Smewwiet u nesperjenzaw il-milja tal-ferħ, saħansitra li niksbu l-karatteristiċi ta’ Alla. Il-qawwa tal-prokreazzjoni mhijiex biss parti supplementari tal-pjan; hija l-istess pjan ta’ ferħ; hija s-sigriet tal-hena.

Ix-xewqa li l-bnedmin ikollhom relazzjoni sesswali flimkien hija waħda kostanti u mill-aktar qawwija. Il-ferħ tagħna fil-ħajja mortali, l-hena u l-eżaltazzjoni tagħna, jiddependu fuq kif aħna nwieġbu għal dawn ix-xewqat fiżiċi mill-aktar persistenti u kompulsivi. Hekk kif, bħala rġiel u nisa fiż-żgħożija, il-qawwa tal-prokreazzjoni timmatura, u nibdew inħossu fina ċerti sentimenti mill-aktar personali, b’ mod naturali, li huma għal kollox differenti minn kull esperjenza fiżika oħra.

Idealment, din it-tip ta’ relazzjoni tibda billi l-ewwel nesperjenzaw relazzjoni romantika bejnietna. Għalkemm id-drawwiet jistgħu jvarjaw, din ir-relazzjoni tiffjorixxi permezz tas-sentimenti mill-aktar eċċitanti li naqraw dwarhom fl-istejjer romantiċi, fejn kultant anke nesperjenzaw mumenti fejn nispiċċaw abbandunati. Stejjer ta’ dawl ta’ qamar u ward, ittri ta’ mħabba, kanzunetti ta’ mħabba, poeżiji, li nżommu idejn xulxin u ċerti espressjonijiet oħra ta’ mħabba bejn żagħżugħ u żagħżugħa. Id-dinja bħal qisha tisparixxi minn madwar dawn il-koppji u huma jesperjenzaw sentimenti ta’ ferħ.

U jekk taħsbu li l-barka kollha tal-imħabba romantika żagħżugħa hija l-ammont ta’ possibiltajiet li jiġu mir-relazzjoni sesswali ta’ bejn din il-koppja, intom verament għadkom ma għextux biżżejjed biex taraw id-devozzjoni u l-faraġ tal-imħabba ta’ bejn tnejn min-nies miżżewġin li ilhom snin twal jinħabbu. Kull koppja miżżewġa tħabbat wiċċha ma’ tentazzjoni, nuqqas ta’ ftehim, problemi finanzjarji, kriżijiet fil-familja u mard, u madankollu l-imħabba tikber aktar b’ saħħitha. L-imħabba matura hija barka li l-koppji miżżewġin friski diffiċli jimmaġinawha.

L-imħabba vera teħtieġ li l-koppji jistennew sa wara ż-żwieġ biex huma jaqsmu bejntiehom il-qawwiet sagri li jaslu għandna permezz tal-funtana tal-ħajja. Dan ifisser li huma jevitaw ċerta sitwazzjonijiet fejn jafu jispiċċaw ikkontrollati mix-xewqat fiżiċi tagħhom. L-imħabba pura tistenna li jkun biss wara l-wegħda tal-fedeltà eterna, wara ċ-ċerimonji taż-żwieġ skont il-liġi u idealment wara l-ordinanzi tas-siġill fit-tempju, li dawk il-qawwiet prokreattivi jwasslu għall-ogħla espressjoni ta’ mħabba kif irid Alla. Din il-qawwa għandkom taqsmuha  biss mal-persuna li hija s-sieħba jew is-sieħeb tiegħek għall-eternità.

Meta nidħlu għalih b’ mod den, dan il-proċess jikkombina l-aktar sentimenti fiżiċi, emozzjonali u spiritwali skwiżiti u eżaltati li huma assoċjati mal-kelma mħabba. Xejn ma jista’ jitqabbel ma’ din il-parti f’ ħajjitna fl-esperjenza umana kollha. Meta aħna nagħmlu u nżommu l-patti tagħna, din il-qawwa tibqa’ għal dejjem, ”għaliex fiha jinsabu l-imfietaħ tas-saċerdozju mqaddes li Hu ordnat sabiex intom tkunu tistgħu tirċievu l-unur u l-glorja” (D&C 124:34), ”liema glorja għandna tkun il-milja u l-kontinwazzjoni taż-żerriegħa għal dejjem ta’ dejjem” (D&C 132:19).

Iżda l-imħabba romantika mhux biżżejjed; hija biss il-preludju. L-imħabba nsaħħuha meta aħna jkollna t-tfal, li jaslu għandna permezz tal-funtana tal-ħajja mogħtija lil koppji miżżewġa. It-tnissil iseħħ fl-għaqda taż-żwieġ ta’ bejn raġel u mara. Ġisem ċkejken jibda jifforma skont mudell ta’ kumplessità manjifika. It-tarbija tiġi fid-dinja permezz tal-miraklu tat-twelid, maħluqa fi xbieha tal-missier u l-omm mortali tagħha. Ġewwa l-ġisem mortali tagħha hemm spirtu li kapaċi jħoss u jagħraf ħwejjeġ spiritwali. Fil-ġisem mortali ta’ dik it-tarbija tinsab b’ mod inattiv il-qawwa li ġġib fid-dinja l-ulied fix-xbieha tagħha.

”L-ispirtu u l-ġisem huma r-ruħ tal-bniedem” (D&C 88:15), u hemm ċerti liġijiet, kemm spiritwali kif ukoll fiżiċi, li għandna nobdu jekk irridu nkunu ferħanin. Hemm liġijiet eterni, fosthom liġijiet relatati ma’ din il-qawwa li tagħti l-ħajja, ”ordnati b’ digriet irrevokabbli fis-smewwiet, qabel ma ġiet maħluqa d-dinja, li fuqhom tiddependi kull barka” (D&C 130:20). Dawn huma liġijiet spiritwali li jiddefinixxu l-istandard morali għall-umanità (ara Joseph Smith Translation, Romans 7:14–15 [fil-Bible appendix]; 2 Nephi 2:5; D&C 29:34; 134:6). Hemm patti li jorbtu, jissiġillaw, u jissalvagwardjaw u li jwiegħdu barkiet eterni.

Alma widdeb lil ibnu Xiblon, ”Ara li żżomm ir-riedni fil-passjoni li jkollok, sabiex tkun dejjem mimli mħabba” (Alma 38:12). Ir-riedni tintuża biex tiggwida, tidderieġi, twaqqaf. Il-passjoni tagħna għandna nikkontrallawha. Meta nużawha b’ mod xieraq, il-qawwa tal-prokreazzjoni twassal biex tbierek u tqaddes (ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph F. Smith [1998], 158).

It-tentazzjoni li nħabbtu wiċċna magħha ma tieqaf qatt. Peress li l-avversarju ma jistax joħloq il-ħajja, huwa jinsab għajjur lejn dawk kollha li għandhom din il-qawwa divina. Hu u dawk li mxew warajh inxteħtu ’l barra u ġew imċaħħdin mid-dritt li jkollhom ġisem mortali. ”Huwa jipprova sabiex il-bnedmin kollha jkunu miżerabbli bħalu” (2 Nephi 2:27). Jekk jiġi mogħti ċ-ċans, huwa jġarrabhom sabiex jiddegradaw, jikkorrompu u, jekk jista’ jkun, jeqirdu dan id-don li permezz tiegħu aħna nkunu nistgħu, jekk aħna denji, inkomplu noktru fl-eternità (ara D&C 132:28–31).

Jekk aħna nikkontaminaw il-funtana tal-ħajja jew inwasslu biex oħrajn jaqgħu fid-dnub, ikollna nħallsu penali ferm aktar ”skwiżita” u ”diffiċli” (D&C 19:15) minn kull pjaċir fiżiku li forsi nkunu ħadna.

Alma qal lil ibnu Kurjantun, ”Ma tafx ibni, li dawn il-ħwejjeġ il-Mulej jistkerrahom; iva, jistkerrahom aktar minn kull dnub ieħor ħlief għat-tixrid tad-demm innoċenti jew iċ-ċaħda tal-Ispirtu s-Santu?” (Alma 39:5). Aħna ma nistgħux naħarbu l-konsegwenzi meta aħna nittrasgredixxu l-liġi.

L-unika espressjoni leġittima u awtorizzata tal-qawwiet tal-prokreazzjoni hija dik biss ta’ bejn raġel u mara li huma miżżewġin b’ mod legali. Kull meta din il-qawwa tintuża b’mod ieħor tkun qed tikser il-kmandamenti ta’ Alla. Taqgħux għat-tentazzjoni qerrieda tal-avversarju, għax kull att tat-trasgressjoni irridu nħallsu għalih ”sa l-aħħar tliet ħabbiet” (Mattew 5:26).

Imkien il-ġenerożità u l-ħniena ta’ Alla mhuma aktar evidenti milli huma evidenti fl-indiema.

Il-ġisem fiżiku tagħna, meta jimrad, jista’ jitfejjaq, xi kultant bl-għajnuna tat-tabib. Jekk il-ħsara tkun kbira, madankollu, ġieli tibqa’ fuqna xi ferita biex tfakkarna f’ dak li jkun ġralna.

Il-ġisem spiritwali tagħna huwa ħaġa oħra. L-ispirtu tagħna jiddgħajjef meta aħna niżbaljaw u nwettqu d-dnubiet. Iżda kuntrarju għall-iġsma mortali tagħna, meta l-proċess tal-indiema ikun wieħed komplet, ma jħalli warajh l-ebda feriti minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Il-wegħda hi: ”Araw, dak li nidem minn dnubietu, hu stess jiġi maħfur, u jiena, il-Mulej, ma nibqax niftakar dnubietu iżjed” (D&C 58:42).

Meta aħna nitkellmu dwar iż-żwieġ u l-ħajja tal-familja, jaf jiġi f’ moħħna, ”Xi ngħidu dwar xi eċċezzjonijiet?” Xi wħud jitwieldu b’ ċerti limitazzjonijiet u ma jistgħux ikollhom tfal. Xi nies innoċenti raw iż-żwieġ tagħhom jitkisser minħabba l-infedeltà ta’ żewġhom jew ta’ marthom. Xi oħrajn qatt ma jiżżewġu u jgħixu b ’ mod den bħala nies single.

Lilkom jiena noffri dan il-kliem ta’ faraġ: Alla huwa Missierna! L-imħabba u l-ġenerożità kollha li jaf juri l-missier tad-dinja ideali jaf jurihom b’ mod akbar Missierna u Alla tagħna, b’ mod li hu diffiċli biex il-moħħ mortali jifhem għal kollox. Il-ġudizzju Tiegħu huwa wieħed ġust; il-ħniena Tiegħu mingħajr limitu; il-qawwa Tiegħu tikkompensa ferm aktar milli kapaċi jikkompensa bniedem mortali. ”Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin” (1 Korintin 15:19).

Issa b’ qima se nsemmi l-kelma tempju. Inġib quddiemi kamra tas-siġill u artal b’ koppja żagħżugħa għarkupptejha quddiemu. Din l-ordinanza tat-tempju mill-aktar sagra hija ferm aktar minn sempliċiment tieġ, għaliex dan iż-żwieġ jista’ jiġi ssiġillat permezz tal-Ispirtu s-Santu tal-Wegħda, u l-iskrittura tiddikjara li aħna ”għandna nirtu tronijiet, renji, prinċipalitajiet, qawwiet u dominji” (D&C 132:19). Nara l-ferħ li hemm jistenna lil dawk li jaċċettaw dan id-don divin u jużawh b’ mod xieraq.

Jiena u Sister Donna Smith Packer ilna mexjin ħdejn xulxin fiż-żwieġ għal kważi 70 sena sħaħ. Meta niġi biex nitkellem dwar marti, omm uliedna, inħossni bla kliem. Is-sentimenti u l-gratitudni li nħoss fija tant huma qawwija li nsibha verament diffiċli nesprimi ruħi. L-akbar premju li rċevejna f’ din il-ħajja, u fil-ħajja li jmiss, huma wliedna u wlied uliedna. Hekk kif resqin lejn it-tmiem tal-ħajja mortali tagħna flimkien, jiena grat għal kull mument li nqatta’ ħdejha u għall-wegħda li l-Mulej ta li mhux se jkun hemm tmiem.

Jiena nagħti xhieda li Ġesù hu l-Kristu u l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Huwa jinsab wieqaf f’ ras il-Knisja. Permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu u tal-qawwa tas-saċerdozju, il-familji li jibdew hawn fil-mortalità jistgħu jkunu flimkien tul l-eternità kollha. L-Att tal-Fidwa, li jista’ jifdi lil kull wieħed u waħda minna, ma jħalli l-ebda feriti. Dan ifisser li għamilna x’ għamilna jew konna fejn konna, jew ġraw kif ġraw l-affarijiet, jekk aħna verament nindmu, Huwa wiegħed li jifdina. U meta huwa patta għal dnubietna, huwa għamel dan kollu possibbli. Hawn ħafna fostna li jinsabu jsawtu lilhom infushom b’ sentimenti ta’ ħtija, u ma jafux kif jeħilsu lilhom nfushom. Intom tinħelsu jekk taċċettaw l-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, u dak kollu li kien ta’ wġigħ il-qalb jinbidel fi sbuħija, imħabba u eternità.

Jiena grat għall-barkiet tal-Mulej Ġesù Kristu, għall-qawwa tal-prokreazzjoni, għall-qawwa tal-fidwa, għall-Att tal-Fidwa—l-Att tal-Fidwa li jista’ jnaddaf kull tebgħa, irrelevanti kemm hi diffiċli, kemm domna għaddejjin biha jew kemm-il darba ġiet ripetuta. L-Att tal-Fidwa jista’ jerġa’ jeħliskom biex timxu ’l quddiem, indaf u denji, f’ dik it-triq li intom għażiltu fil-ħajja.

Jiena nixhed li Alla jgħix, li Ġesù hu l-Kristu, li l-Att tal- Fidwa mhuwiex xi ħaġa ġenerali għall-Knisja kollha. L-Att tal-Fidwa huwa ħaġa individwali, u jekk hemm xi ħaġa li qed iddejjaqkom—anke jekk ilha żmien twil li seħħet u bil-kemm tiftakruha—użaw il-qawwa tal-Att tal-Fidwa. L-Att tal-Fidwa jnaddaf din il-ħaġa, u intom ma tiftakrux aktar dnubietkom, u lanqas Hu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.