2010-2019
Nimlew Djarna bid-Dawl u l-Verità
April 2015


Nimlew Djarna bid-Dawl u l-Verità

Sabiex aħna u l-familji tagħna nkunu nistgħu nikkumbattu l-pressjoni tad-dinja, jeħtieġ li nimtlew bid-dawl u l-verità tal-evanġelju.

Qalbi mtliet bl-Ispirtu hekk kif jiena smajt lil dawn il-familji jgħallmu l-verità sagra: ”Il-familja ġejja minn Alla.”1 Wieħed mill-modi kif aħna nistgħu nħossu l-Ispirtu jkellimna u jimlina bid-dawl u l-verità hu permezz ta’ mużika li tispirana.

Immaġni
Woman with 1 can of soda that is crushed and one that is not.

Il-kunċett li nkunu mimlija bid-dawl u l-verità sar importanti għalija b’ mod partikolari minħabba esperjenza li jien kelli bosta snin ilu. Jiena attendejt laqgħa li fiha l-membri tal-bord ġenerali tat-Tfajliet għallmuna dwar kif għandna noħolqu familji u djar spiritwalment b’ saħħithom. Biex tagħmlilna demostrazzjoni ta’ dan, waħda mexxejja tat-Tfajliet żammet f’ idejha żewġ bottijiet ta’ xarba minerali. F’ id minnhom hija żammet bott li kien vojt u fl-id l-oħra bott li kien għadu magħluq u mimli. L-ewwel, hija għafset b’ idha l-bott il-vojt; dan beda jitgħaffeġ imbagħad ċeda f’ daqqa bil-pressjoni li hi bdiet tagħmel. Wara, b’ idha l-oħra, hija għafset il-bott li kien għadu magħluq. Dan baqa’ sod. La tgħawweġ u lanqas ċeda bħall-bott il-vojt—għaliex kien mimli.

Aħna xebbahna din id-dimostrazzjoni mal-ħajja individwali tagħna u ma’ djarna u l-familji tagħna. Meta nkunu mimlijin bl-Ispirtu u l-verità tal-evanġelju, aħna jkollna l-qawwa li nikkumbattu l-forzi esterni tad-dinja li jinsabu madwarna u li dejjem jimbuttaw kontrina. Madankollu, jekk aħna ma nkunux mimlijin spiritwalment, aħna ma jkollniex il-qawwa ġo fina biex nirreżistu l-pressjoni minn barra u nistgħu nċedu meta dawn il-forzi jibdew jagħfsu kontrina.

Satana jaf li sabiex aħna u l-familji tagħna nkunu nistgħu nikkumbattu l-pressjoni tad-dinja, jeħtieġ li nimtlew bid-dawl u l-verità tal-evanġelju. Għalhekk huwa jagħmel dak kollu li jista’ biex iħawwad, ibiddel u jeqred il-verità tal-evanġelju u jżommna ’l bogħod mill-verità.

Ħafna minna tgħammidna u rċevejna d-don tal-Ispirtu s-Santu, li l-irwol tiegħu hu li jiżvela u jgħallem il-verità ta’ kull ħaġa.2 Flimkien mal-privileġġ li magħna jkollna dak id-don ningħataw ukoll ir-responsabbiltà li nfittxu l-verità, li ngħixu l-verità li aħna nafu, u li naqsmu ma’ ħaddieħor u niddefendu din il-verità.

Wieħed mill-aqwa postijiet fejn nistgħu nfittxu li nimtlew bid-dawl u l-verità hu ġewwa d-dar tagħna. Il-kliem fir-ritornell ta’ kanzunetta li ħafna minna smajna tfakkarna ”Alla tana l-familji biex Huwa jgħinna nsiru dak li jixtieqna nsiru.”3 Il-familji huma l-werkxop tal-Mulej fid-dinja biex jgħinna nitgħallmu u ngħixu l-evanġelju. Aħna nitwieldu ġol-familji tagħna bi dmir sagru li ngħinu lil xulxin nissaħħu spiritwalment.

Familji eterni b’ saħħithom u djar mimlijin spirtu ma jiġux b’ kumbinazzjoni. Jeħtieġu sforz kbir, jeħtieġu l-ħin u jeħtieġu li kull membru tal-familja jagħmel il-parti tiegħu. Kull familja hi differenti, iżda kull familja fejn anke individwu wieħed biss jipprova jfittex il-verità tista’ tagħmel differenza.

Aħna ningħataw kontinwament il-kunsill sabiex inkabbru l-għarfien spiritwali tagħna permezz tat-talb u billi nistudjaw u nixtarru l-iskrittura u l-kliem tal-profeti ħajjin. Fid-diskors tiegħu mill-konferenza ġenerali dwar it-testimonjanza ta’ dawl u verità li aħna nistgħu nirċievu, il-President Dieter F. Uchtdorf qal:

”Alla l-Etern u s-Setgħan … ikellem lil dawk li jersqu lejh b’ qalb sinċiera u intenzjoni ġenwina.

”Huwa jkellimhom permezz tal-ħolm, viżjonijiet, ħsibijiet u sentimenti.”

Il-President Uchtdorf kompla: ”Alla jimpurtah minnkom. Huwa se jisma’ u Huwa se jwieġeb il-mistoqsijiet personali tagħkom. Ir-risposta għat-talb tagħkom se tasal bil-mod li jrid Hu u fil-ħin li jrid Hu, u għalhekk, jeħtieġ titgħallmu tisimgħu l-vuċi Tiegħu.”4

Storja qasira dwar l-istorja tal-familja turina b’ mod ċar dan il-kunsill.

Bosta xhur ilu jiena qrajt it-testimonjanza ta’ Elizabeth Staheli Walker, li tiġi oħt il-bużnannu tiegħi. Meta kienet għadha tifla, Elizabeth emigrat lejn l-Amerka mill-Isvizzera flimkien mal-familja tagħha.

Wara li Elizabeth iżżewġet, hija u r-raġel tagħha u wliedhom bdew joqogħdu ġewwa Utah viċin il-fruntiera tan-Nevada, fejn kienu jmexxu stazzjon tal-posta. Darhom kienet post li fih jieqfu n-nies li kienu jkunu qed jivvjaġġaw. Lejl u nhar riedu jkunu lesti biex isajru u jservu l-ikel għal dawn in-nies. Kien xogħol iebes u li jgħajjik, u ftit li xejn kienu jistrieħu. Iżda l-aktar ħaġa li kienet tinteressa lil Elizabeth kienet il-konverżazzjoni bejn in-nies li kienu jiltaqgħu magħhom.

Elizabeth qalet li sa dak iż-żmien kienet dejjem assumiet li l-Ktieb ta’ Mormon kien veru, li l-Profeta Joseph Smith kien awtorizzat minn Alla biex jagħmel dak li għamel, u li l-messaġġ tiegħu kien il-pjan tal-ħajja u s-salvazzjoni. Iżda l-ħajja li kienet qed tesperjenza żgur ma kenitx waħda li bdiet tgħin biex tissaħħilha l-fidi tagħha.

Xi wħud mill-vjaġġaturi li kienu jieqfu hemm kienu nies li kienu jħobbu jaqraw u edukati u d-diskors dejjem kien jispiċċa dwar kif Joseph Smith kien ”bniedem qarrieqi” li kiteb huwa stess il-Ktieb ta’ Mormon u mbagħad qassmu ma’ ħaddieħor sabiex jagħmel il-flus. Huma kienu jaġixxu bħallikieku kull ħaġa oħra kienet verament assurda, u kienu jgħidu ”li l-Mormoniżmu mhu xejn ħlief bluha.”

U dan id-diskors kien wassal biex Elizabeth tħossha iżolata u weħidha. Ma kellha l-ħadd ma’ min titkellem, lanqas biss kien ikollha ħin titlob—għalkemm hija kienet titlob hekk kif kien tkun qed taħdem. Kienet tkun beżgħana wisq biex tkellem lil dawk li kienu jirridikulaw ir-reliġjon tagħha. Hija qalet li ma kenitx taf jekk kinux qed jgħidu l-verità, u ħasset li ma setgħetx tiddefendi t-twemmin tagħha anke jekk ippruvat tagħmel dan.

Immaġni
Pioneer Family in front of a log home

Aktar tard, Elizabeth u l-familja tagħha ma baqgħux joqogħdu hemm. Elizabeth qalet li kien beda jkollha ferm aktar ħin biex taħseb u ma baqgħux aktar itellfuha l-ħin kollu. Hija kienet spiss tinżel fil-kantina u hemm titlob lil Missier tas-Smewwiet dwar dak kollu li kien qed jinkwetaha—dwar l-istejjer li dawk l-irġiel li kienu jidhru veru bravi kienu jgħidu li l-evanġelju huwa bluha u dwar Joseph Smith u l-Ktieb ta’ Mormon.

Darba waħda matul il-lejl Elizabeth ħolmot ħolma. Hija qalet: Kien bħal qisu kont ninsab wieqfa fuq triq dejqa li jgħaddu minnha l-vaguni, li kienet twassalni sa taħt daqsxejn ta’ għolja; f’ nofs din l-għolja jiena rajt raġel iħares ’l isfel u jitkellem, jew tal-anqas kien jidher li kien qed jitkellem, ma’ wieħed żagħżugħ li kien jinsab għarkupptejh jittawwal ġewwa ħofra fl-art. Kellu dirgħajh ’l isfel u kien bħal qisu qed jipprova jtella’ xi ħaġa minn ġewwa l-ħofra. Stajt nara l-għatu tal-ġebel li kien jidher li tneħħa minn ġol-ħofra li fuqha kien hemm it-tfajjel jitgħawweġ ’l isfel. Fit-triq kien hemm ħafna nies, iżda ħadd minnhom ma kien jidher interessat fiż-żewġt irġiel li kien hemm fuq l-għolja. F’ din il-ħolma ħassejt xi ħaġa li tant ħalliet effett stramb fuqi li spiċċajt qomt b’ ħasda; … ma stajtx nirrakkonta l-ħolma tiegħi lil ħadd, iżda kont ninsab ċerta li dak li rajt kien l-anġlu Moroni jistruwixxi lit-tfajjel Joseph fil-ħin li huwa rċieva l-pjanċi.”

Fir-rebbiegħa tal-1893, Elizabeth marret fil-Belt ta’ Salt Lake għad-dedikazzjoni tat-tempju. Hija ddeskriviet l-esperjenza tagħha: ”Hemm ġew rajt l-istess stampa li rajt fil-ħolma tiegħi; jidhirli li kienet tieqa kkulurita. Kont ninsab ċerta li kieku rajt l-istess Għolja Kumora bl-għajnejn fiżiċi tiegħi, żgur li ma kenitx tidher daqshekk reali. Kont ninsab ċerta li fil-ħolma ġejt murija stampa tal-anġlu Moroni jagħti l-pjanċi tad-deheb lil Joseph Smith.”

Immaġni
Old portrait of Elizabeth Staheli

Ħafna snin wara li kellha din il-ħolma u xhur qabel ma mietet fl-età ta’ 88 sena, Elizabeth ġieha f’ moħħha ħsieb mill-aktar qawwi. Hija qalet, ”F’ moħħi rajt b’ ċarezza kbira … bħallikieku xi ħadd qed jgħidli, … ’Tidfinx it-testimonjanza tiegħek miegħek fil-qabar.’”5

Bosta ġenerazzjonijiet li ġew warajha komplew jimtlew bil-qawwa minħabba t-testimonjanza tagħha. Bħal Elizabeth, aħna ngħixu f’ dinja mimlija nies li jiddubitaw u kritiċi li jirridikulaw u jopponu l-veritajiet li tant huma għeżież għalina. Nafu nisimgħu wkoll stejjer konfużi u messaġġi konfliġġenti. L-istess bħal Elizabeth, jeħtieġ nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inżommu sodi mal-ammont ta’ dawl u verità li għandna bħalissa, speċjalment f’ ċirkustanzi diffiċli. It-tweġiba għal talbna nafu ma niksbuhiex b’ mod drammatiku, iżda jeħtieġ li ngħaddu ċerti mumenti fis-skiet fejn fihom infittxu dawl u verità akbar. U meta aħna nirċievu din it-weġiba, hija r-responsabbiltà tagħna li ngħixu skont dak li nitgħallmu, naqsmuh ma’ ħaddieħor u niddefenduh.

Jiena nħallikom bit-testimonjanza tiegħi li naf li hekk kif aħna nimlew qalbna u darna bid-dawl tas-Salvatur u bil-verità, aħna jkollna l-qawwa ġo fina li nibqgħu sodi, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “The Family Is of God,” f’ 2014 Outline for Sharing Time: Families Are Forever (2013), 28–29.

  2. Ara Moroni 10:5.

  3. “The Family Is of God.”

  4. Dieter F. Uchtdorf, “Receiving a Testimony of Light and Truth,” Ensign jew Liahona, Nov. 2014, 21.

  5. Ara Elizabeth Staheli Walker, “My Testimony, Written for My Children and Their Children after I Am Gone,” 1939, 22–26, Università ta’ Nevada, Las Vegas, Kollezzjoni Speċjali; il-punteġġjatura, il-kapitalizzazzjoni, u l-ortografija huma lkoll standardizzati.