2010-2019
Il-Mużika tal-Evanġelju
April 2015


Il-Mużika tal-Evanġelju

Il-mużika tal-evanġelju hija s-sentiment spiritwali ta’ ferħ li nirċievu mingħand l-Ispirtu s-Santu. Dan iwassal bidla f’ qalbna.

Snin ilu kont smajt fuq ir-radju intervista ma’ tabib żagħżugħ li kien jaħdem fi sptar li kien hemm fir-riserva tal-Indjani Navajo. Huwa tkellem dwar esperjenza li lejl minnhom kellu meta raġel anzjan Amerikan Nattiv b’ xagħru twil kollu malji daħal fil-kamra tal-emerġenza. It-tabib żagħżugħ ħa f’ idejh il-bord bl-istorja tal-pazjent, mar fuq ir-raġel, u qallu, ”Kif nista’ ngħinek?” L-anzjan ħares ’il quddiem u ma qal xejn. It-tabib beda jitlef il-paċenzja u reġa’ pprova. ”Ma nistax ngħinek jekk ma tkellimnix,” qallu. ”Għidli għalfejn ġejt l-isptar.”

L-anzjan imbagħad ħares lejh u qallu, ”Taf tiżfen?” Hekk kif it-tabib żagħżugħ beda jixtarr ftit din il-mistoqsija stramba, ġie f’ moħħu li forsi l-pazjent tiegħu kien raġel saħħar tat-tribù li, skont id-drawwiet tribali tal-qedem, kien aktar ifittex il-fejqan tal-morda permezz tal-għanja u ż-żifna milli permezz ta’ xi mediċina preskritta.

”Le,” wieġeb it-tabib, ”Ma nafx niżfen. Inti taf tiżfen?” L-anzjan għamel sinjal b’ rasu li kien jaf. Imbagħad it-tabib staqsieh, ”Tista’ tgħallimni niżfen?”

It-tweġiba tal-anzjan wasslitni biex ngħaddi snin sħaħ nirrifletti fuqha. ”Nista’ ngħallmek tiżfen,” qallu hu, ”iżda inti trid tisma’ l-mużika.”

Xi drabi fi djarna, jirnexxielna ngħallmu l-passi taż-żifna iżda ma jirnexxilniex ngħallmu lill-membri tal-familja tagħna jisimgħu l-mużika. U kif ir-raġel saħħar anzjan kien jaf tajjeb ħafna, huwa diffiċli tiżfen mingħajr mużika. Li tiżfen mingħajr mużika hija xi ħaġa skomda u ma tanx tissodisfak—saħansitra hi xi ħaġa imbarazzanti. Ġieli ppruvajtuha?

F’ sezzjoni 8 tad-Duttrina u Patti, il-Mulej għallem lil Joseph Smith u Oliver Cowdery, ”Iva, araw, jiena nkellimkom f’ moħħkom u f’ qalbkom, permezz tal-Ispirtu s-Santu, li għandu jinżel fuqkom u li għandu jgħammar f’ qalbkom” (vers 2). Aħna nitgħallmu l-passi taż-żifna b’ moħħna, iżda nisimgħu l-mużika b’ qalbna. Il-passi taż-żifna tal-evanġelju huma dak kollu li nagħmlu; il-mużika tal-evanġelju hija s-sentimenti spiritwali ta’ ferħ li nirċievu mingħand l-Ispirtu s-Santu. Dan iwassal bidla f’ qalbna u huwa s-sors ta’ kull xewqa xierqa li jkollna. Il-passi taż-żifna jeħtieġu dixxiplina, iżda l-ferħ taż-żifna nistgħu nesperjenzawh biss meta nkunu nistgħu nisimgħu l-mużika.

Hemm dawk li jirridikulaw lill-membri tal-Knisja għal dak li nagħmlu. Dan nifhmuh. Dawk li jiżfnu ħafna drabi jkunu jidhru strambi jew imbarazzanti jew, biex nuża termini mill-iskrittura, ”pekuljari” (1 Pietru 2:9) għal dawk li ma jkunux qed jisimgħu l-mużika. Ġieli waqaft bil-karozza tiegħek fejn jaqleb id-dawl ħdejn xi karozza li s-sewwieq tagħha jkun qed jiżfen u jkanta jgħajjat kemm jiflaħ?—iżda ma tkun tista’ tisma’ xejn peress li t-twieqi tiegħek ikunu magħluqin sa fuq? Ma taħsibx li jkun jidher xi ftit pekuljari? Jekk uliedna jitgħallmu jiżfnu l-passi taż-żifna mingħajr ma jitgħallmu jisimgħu u jħossu l-mużika sabiħa tal-evanġelju, maż-żmien huma jibdew iħossuhom skomdi biż-żifna u jew ma jibqgħux jiżfnu jew, kważi ħażin daqsha, jibqgħu jiżfnu biss minħabba l-pressjoni li jħossu mingħand dawk li jkunu qed jiżfnu madwarhom.

L-isfida għalina lkoll li nippruvaw ngħallmu l-evanġelju hi li nespandu l-kurrikulu lil hinn minn sempliċiment il-passi taż-żifna. L-hena ta’ wliedna tiddependi fuq l-abbiltà tagħhom li jisimgħu u jħobbu l-mużika sabiħa tal-evanġelju. Kif nistgħu nagħmlu dan?

L-ewwel, għandna nżommu ħajjitna intunata mal-frekwenza spiritwali xierqa. Fi żmien passat, qabel l-era diġitali, ħafna drabi konna nisbu l-istazzjon tar-radju favorit tagħna billi bir-reqqa kollha konna nintunaw ir-radju filwaqt li ndawru d-dial sakemm inwaqqfuh b’ mod perfett fuq il-frekwenza tal-istazzjon li rridu. Hekk kif konna nibdew resqin lejn in-numru tal-istazzjon, konna nibdew nisimgħu biss ħsejjes disturbanti. Iżda meta finalment nieqfu bi preċiżżjoni fuq il-frekwenza l-ġusta, konna nkunu nistgħu nisimgħu b’ ċarezza l-mużika favorita tagħna. F’ ħajjitna, jeħtieġ li nieqfu fuq il-frekwenza ġusta biex inkunu nistgħu nisimgħu l-mużika tal-Ispirtu.

Meta wara l-magħmudija nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, aħna nimtlew bil-mużika ċelestjali li takkumpanja l-konverżjoni. Qlubna jinbidlu, u aħna ”ma jkollniex aktar dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament” (Mosiah 5:2). Iżda l-Ispirtu ma jissaportix il-kattiverja jew is-suppervja jew l-għira. Jekk nitilfu dik l-influwenza delikata f’ ħajjitna, l-armoniji rikki tal-evanġelju malajr jibdew jinstemgħu stunati u nispiċċaw saħansitra ma nisimgħuhomx aktar. Alma staqsa l-mistoqsija li tqanqlek: ”Jekk ħassejtu li tgħannu l-għanja tal-imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, tħossu l-istess f’ dan il-mument?” (Alma 5:26).

Aħna l-ġenituri, jekk ħajjitna ma tinsabx intunata mal-mużika tal-evanġelju, hemm bżonn nintunawha. Kif għallimna l-President Thomas S. Monson Ottubru li għadda, aħna għandna nixtarru t-triq li nimxu fiha (Ara “Ponder the Path of Thy Feet,” Ensign jew Liahona, Nov. 2014, 86–88). Nafu nagħmlu dan. Jeħtieġ nimxu fl-istess triq li mxejna meta smajna għall-ewwel darba s-siltiet ċelestjali tal-mużika tal-evanġelju. Aħna neżerċitaw il-fidi fi Kristu, nindmu, u nieħdu sehem fis-sagrament; inħossu b’ qawwa akbar l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu; u l-mużika tal-evanġelju terġa’ tibda ddoqq f’ ħajjitna.

It-tieni, meta nisimgħu aħna stess il-mużika, jeħtieġ nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna biex nesegwuha fi djarna. Mhijiex xi ħaġa ta’ bilfors li għandha tiġi sfurzata fuqna. ”L-ebda qawwa jew influwenza ma tista’ tinkiseb permezz tal-virtù tas-saċerdozju”—jew bil-virtù li inti l-missier jew l-omm jew l-akbar jew l-aktar wieħed b’ vuċi għolja—”niksbuha biss permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza u tal-manswetudni, …permezz tal-imħabba ġenwina; u tat-tjubija” (D&C 121:41–42).

Għalfejn dawn il-kwalitajiet iwasslu għal qawwa u influwenza akbar fid-dar? Għaliex huma kwalitajiet li jistiednu l-Ispirtu tal-Ispirtu s-Santu. Huma kwalitajiet li jintunaw qlubna mal-mużika tal-evanġelju. Meta jkunu preżenti, il-passi taż-żifna jkunu jistgħu jitwettqu b’ mod aktar naturali u b’ ferħ akbar miż-żeffiena kollha fil-familja, mingħajr il-bżonn li nheddu, nintimidaw jew nisfurzaw lil xulxin.

Meta wliedna jkunu għadhom ċkejknin, aħna nistgħu nkantawlhom għanja ħelwa dwar l-imħabba ġenwina, u meta huma ma jkunux iridu jisimgħu u jirriffjutaw li bil-lejl imorru jorqdu, ikun hemm bżonn inkantaw l-għanja tas-sabar. Meta huma jsiru adoloxxenti, aħna nistgħu nitfu l-kakofonija tal-argumenti u t-theddid u, minflok, nesegwixxu l-mużika sabiħa tal-persważjoni—u forsi nkantaw it-tieni vers tal-għanja ħelwa tas-sabar. Il-ġenituri jistgħu jesegwixxu f’ armonija perfetta l-kwalitajiet doppji tal-ġentilezza u l-manswetudni. Nistgħu nistiednu lil uliedna sabiex ikantaw magħna hekk kif nipprattikaw it-tjubija lejn xi ġar tagħna li jinsab fil-bżonn.

Ma nistennewx li kollox iseħħ f’ daqqa. Hekk kif jafu tant tajjeb il-mużiċisti bravi, jeħtieġ prattika diliġenti biex tesegwixxi mużika sabiħa. Jekk l-ewwel provi inti u tipprattika l-mużika jkunu jidhru xi ftit disonanti u stunati, ftakru li d-dissonanza ma tistax tikkoreġiha bil-kritika. Id-dissonanza fid-dar hija bħad-dalma fil-kamra. Għalxejn toqgħod iċċanfar id-dalma. Nistgħu  nneħħu d-dalma billi nintroduċu d-dawl.

Għalhekk jekk il-baxx fi djarkom huwa qawwi wisq u jegħleb kollox, jew jekk is-sezzjoni tal-kordi fil-familja tagħkom tinstema’ wisq irqiqa jew xi nofs ton ogħla, jew jekk dawk l-ottavini impetwużi mhumiex intunati u bla kontroll, żomm il-paċenzja. Jekk f’ darkom mhux qed tisimgħu l-mużika tal-evanġelju, jekk jogħġobkom ftakru dawn iż-żewġ kelmiet: komplu pprattikaw. Bl-għajnuna ta’ Alla, jasal il-jum meta l-mużika tal-evanġelju timla darkom b’ ferħ enormi.

Anke meta nesegwuha b’ mod tajjeb, il-mużika mhux se ssolvi l-problemi kollha tagħna. Xorta waħda ħajjitna tibqa’ xi kultant tgħola u xi kultant titbaxxa, b’ ċertu stakkar u legato. Hekk hi n-natura tal-ħajja fuq din id-dinja.

Iżda meta intom iżżidu l-mużika mal-passi taż-żifna, ir-ritmi xi kultant ikkumplikati taż-żwieġ u tal-ħajja tal-familja bħal qishom jersqu viċin ċertu bilanċ armonjuż. Anke l-isfidi l-aktar diffiċli tagħna jafu jżidu ċerti ħsejjes kienja u motivi li jispirawna. Id-duttrina tas-saċerdozju tibda tinżel fuq ruħna bħan-nida mis-sema. L-Ispirtu s-Santu jkun is-sieħeb kostanti tagħna, u x-xettru tagħna—referenza ċara għall-qawwa u l-influwenza—ikun xettru tas-sewwa u l-verità. U d-dominju tagħna jkun dominju għal dejjem. U mingħajr il-bżonn ta’ ebda forza, huwa jibqa’ jsostnina għal dejjem ta’ dejjem (ara D&C 121:45–46).

Li dan iseħħ fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u fi djarna kollha hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen