Skrittura
Ħelaman 5


Kapitlu 5

Nefi u Leħi jiddedikaw lilhom infushom għall‑predikazzjoni—Isimhom iħeġġiġhom biex ifasslu ħajjithom fuq l‑antenati tagħhom—Kristu jifdi lil dawk li jikkonvertu—Nefi u Leħi jikkonvertu lil ħafna u jiġu mitfugħin il‑ħabs, fejn jispiċċaw imdawrin bil‑fjammi tan‑nar—Sħab iswed jgħatti tliet mitt persuna—Titheżżeż l‑art, u leħen jordna lin‑nies sabiex jindmu—Nefi u Leħi jitkellmu mal‑anġli, u l‑miġemgħa tispiċċa mdawra bil‑fjammi tan‑nar. Madwar 30 Q.K.

1 U ġara li f’din l‑istess sena, araw, Nefi għadda s‑siġġu tat‑tribunal lil wieħed raġel jismu Ċeżoram.

2 Għax peress li l‑liġijiet tagħhom u l‑gvernijiet tagħhom kienu jiġu stabbiliti permezz ta’ leħen il‑poplu, u dawk li għażlu l‑ħażen kienu aktar minn dawk li għażlu t‑tajjeb, għalhekk huma kienu lesti għall‑qerda, għax il‑liġijiet kienu saru korrotti.

3 Iva, u dan mhux kollox; huma kienu nies ta’ ras iebsa, tant li l‑ebda liġi jew ġustizzja ma setgħet tmexxihom ħlief lejn il‑qerda tagħhom.

4 U ġara li Nefi spiċċa mnikket bil‑kbir minħabba ħżunithom; u hu ċeda s‑siġġu tat‑tribunal, u assuma r‑responsabbiltà li jxandar il‑kelma ta’ Alla għall‑bqija ta’ ħajtu; u l‑istess għamel ħuh Leħi, għall‑bqija ta’ ħajtu;

5 Għax huma ftakru fil‑kliem li kien qalilhom missierhom Ħelaman. U dan hu l‑kliem li huwa qal:

6 Araw, uliedi, jien nixtieq li intom tiftakru biex tħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla; u nixtieq li intom ixxandru dan il‑kliem lill‑poplu. Araw, jiena semmejtkom għall‑ewwel ġenituri tagħna li telqu mill‑art ta’ Ġerusalemm; u dan jien għamiltu biex meta intom tiftakru f’isimkom, intom tkunu tistgħu tiftakru fihom; u meta tiftakru fihom tkunu tistgħu tiftakru fl‑għemejjel tagħhom; u meta tiftakru fl‑għemejjel tagħhom tkunu tafu li jingħad, u li hemm miktub li kienu tajbin.

7 Għalhekk, uliedi, nixtieqkom tagħmlu dak li hu tajjeb, sabiex dwarkom jintqal, kif ukoll jinkiteb, l‑istess kif intqal u nkiteb dwarhom.

8 U issa, uliedi, araw jiena nixtieq xi ħaġa oħra mingħandkom, u li nixtieq hu li intom dan ma tagħmluhx biex toqogħdu tiftaħru, iżda għandkom tagħmluh biex iġġemmgħu għalikom teżor fis‑smewwiet, iva, li jibqa’ għal dejjem, u ma jitmermer qatt; iva, ħalli jkun jista’ jkollkom dak ir‑rigal prezzjuż tal‑ħajja ta’ dejjem, li għandna għalfejn nassumu li ġiet mogħti lil missirijietna.

9 O ftakru, ftakru, uliedi, fil‑kliem li qal is‑Sultan Benjamin lin‑nies tiegħu; iva, ftakru li m’hawn l‑ebda mod jew mezz ieħor li permezz tiegħu l‑bniedem jista’ jsalva għajr permezz tad‑demm espjatorju ta’ Ġesù Kristu, li għandu jiġi; iva, ftakru li huwa se jiġi biex jifdi d‑dinja.

10 U ftakru wkoll fil‑kliem li Amuleki qal lil Żeżrom, fil‑belt ta’ Għammonija; għaliex huwa qallu li l‑Mulej żgur li għandu jiġi biex jifdi lill‑poplu tiegħu, iżda hu mhuwiex se jiġi biex jifdihom fi dnubiethom, iżda biex jifdihom minn dnubiethom.

11 U hu ġie mogħti l‑qawwa mingħand il‑Missier biex jifdihom minn dnubiethom permezz tal‑indiema; għalhekk huwa bagħat l‑anġli tiegħu biex ixandru l‑bxara tat‑termini tal‑indiema, li twasslilhom il‑qawwa tal‑Feddej, u twassalhom għas‑salvazzjoni ta’ ruħhom.

12 U issa, uliedi, ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l‑pedament tagħkom fuq il‑blata tal‑Feddej tagħna, li hu Kristu, Iben Alla; ħalli meta x‑xitan jibgħat l‑irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta f’nofs riefnu l‑beraq tiegħu huwa jibgħat, iva, meta b’qawwa s‑silġ u l‑maltemp huwa jibgħat, dan ma jkollu l‑ebda qawwa biex lilkom jiġbidkom ’l isfel sal‑abbiss tal‑miżerja u gwaj bla tmiem, minħabba l‑blata li fuqha intom mibnija, li hi pedament sod, pedament li jekk fuqu l‑bnedmin jibnu, ma jikkrollaw qatt.

13 U ġara li dan kien il‑kliem li Ħelaman għallem lil uliedu; iva, huwa għallimhom bosta ħwejjeġ li ma mhumiex miktubin, kif ukoll bosta ħwejjeġ li ġew miktubin.

14 U huma ftakru fi kliemu; u għalhekk huma marru, waqt li jħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, jgħallmu l‑kelma ta’ Alla lin‑nies kollha ta’ Nefi, u bdew mill‑belt ta’ Kotran;

15 U minn hemm telqu lejn il‑belt ta’ Gid; u mill‑belt ta’ Gid lejn il‑belt ta’ Mulek;

16 U baqgħu sejrin minn belt għall‑oħra, sakemm żaru lin‑nies kollha ta’ Nefi li kienu jinsabu fl‑art tan‑nofsinhar; u minn hemm marru fl‑art ta’ Żaraħemla, fost il‑Lamaniti.

17 U ġara li huma xandru l‑kelma b’qawwa kbira, hekk li lil ħafna minn dawk id‑dissidenti li kienu telqu minn man‑Nefiti spiċċaw biex ħallewhom bla kliem, tant li huma resqu lejhom u stqarrew dnubiethom u tgħammdu għall‑Indiema, u dlonk reġgħu lura man‑Nefiti biex jippruvaw ipattulhom għall‑għemejjel ħżiena li kienu wettqu.

18 U ġara li Nefi u Leħi xandru l‑kelma fost il‑Lamaniti b’qawwa u awtorità liema bħalha, għax huma kellhom il‑qawwa u l‑awtorità mogħtija lilhom biex ikunu jistgħu jxandru l‑kelma, u ngħatalhom ukoll dwar xiex kellhom ixandru—

19 Għalhekk kliemhom wassal biex il‑Lamaniti spiċċaw miblugħin bil‑għaġeb u pperswaduhom tant li kien hemm tmint elef Lamanita li kienu fl‑art ta’ Żaraħemla u fil‑madwar li tgħammdu għall‑Indiema, u kkonvinċew ruħhom dwar il‑ħażen ta’ drawwiet missirijiethom.

20 U ġara li minn hemm Nefi u Leħi baqgħu sejrin lejn l‑art ta’ Nefi.

21 U ġara li huma ttieħdu minn armata Lamanita u ġew mixħutin f’ħabs; iva, sewwasew f’dak l‑istess ħabs li l‑qaddejja ta’ Limħi xeħtu fih lil Għammon u lil ħutu.

22 U wara li nxteħtu l‑ħabs u hemm għaddew jiem sħaħ bla ikel, araw, huma reġgħu marru għalihom il‑ħabs sabiex jaqbduhom.

23 U ġara li Nefi u Leħi spiċċaw imdawrin bħallikieku bin‑nar, tant li m’azzardawx jerfgħu idejhom fuqhom għax beżgħu li setgħu jinħarqu. Madankollu, Nefi u Leħi ma nħarqux; u huma kienu bħallikieku kienu weqfin f’nofs in‑nar u ma nħarqux.

24 U meta raw li huma kienu jinsabu mdawrin b’kolonna tan‑nar, u ma ħarqithomx, huma għamlu l‑qalb.

25 Għax huma raw li l‑Lamaniti m’azzardawx jerfgħu idejhom fuqhom; lanqas m’azzardaw jersqu lejhom, iżda tant baqgħu mistagħġba li huma waqfu bħallikieku ntlaqtu mill‑inabbiltà li jitkellmu.

26 U ġara li Nefi u Leħi marru u bdew jitkellmu magħhom u jgħidulhom: Tibżgħux, għax araw, huwa Alla li wriekom din il‑ħaġa tal‑għaġeb, li permezz tagħha għaraftu li ma tistgħux terfgħu idejkom fuqna biex toqtluna.

27 U araw, meta huma qalu dan il‑kliem, l‑art bdiet titheżżeż bil‑kbir, u l‑ħitan tal‑ħabs bdew jitheżżu bħallikieku kienu għoddhom se jaqgħu mal‑art; iżda araw, huma ma waqgħux. U araw, dawk li kienu fil‑ħabs kienu Lamaniti u Nefiti li kienu dissidenti.

28 U ġara li huma spiċċaw mgħottija bi sħaba sewda, u nħakmu minn biża’ mill‑aktar kbira.

29 U ġara li semgħu leħen, li bħallikieku kien ġej minn fuq is‑sħaba sewda, jgħid: Indmu, indmu, u tippruvawx aktar teqirdu lill‑qaddejja tiegħi li jiena bgħatt fostkom biex ixandru l‑aħbar it‑tajba.

30 U ġara li meta semgħu dan il‑leħen, huma raw li ma kienx leħen iriegħed, lanqas ma kien xi leħen storbjuż, iżda araw, kien leħen sieket mill‑aktar ħelu, bħallikieku minn taħt l‑ilsien, u nifed sewwasew fil‑fond ta’ ruħhom—

31 U minkejja l‑ħlewwa tal‑leħen, araw l‑art bdiet titheżżeż bil‑kbir, u l‑ħitan tal‑ħabs reġgħu bdew jitriegħdu, bħallikieku kienu għoddhom se jaqgħu mal‑art; u araw is‑sħaba sewda, li kienet għattiethom, baqgħet hemm—

32 U araw huma reġgħu semgħu l‑leħen jgħid: Indmu, indmu, għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib; u tkomplux tippruvaw teqirdu lill‑qaddejja tiegħi. U ġara li l‑art reġgħet bdiet titheżżeż, u l‑ħitan bdew jitriegħdu.

33 U għal darb’oħra nstema’ l‑leħen għat‑tielet darba, u qalilhom ħwejjeġ tal‑għaġeb li l‑ebda bniedem ma jista’ jlissen; u l‑ħitan reġgħu bdew jitriegħdu, u l‑art bdiet titheżżeż bħallikieku kienet għoddha se tinqasam fi tnejn.

34 U ġara li l‑Lamaniti ma setgħux jaħarbu minn hemm minħabba s‑sħaba s‑sewda li kienet qed tgħattihom; iva, u lanqas ma setgħu jitħarrku minħabba l‑biża’ li kienet ħakmithom.

35 Issa kien hemm wieħed fosthom li kien Nefita mit‑twelid, li darba kien jagħmel parti mill‑knisja ta’ Alla iżda kien issepara ruħu minnhom.

36 U ġara li hu dar, u araw, minn ġewwa s‑sħaba huwa seta’ jara wiċċ Nefi u Leħi; u araw, wiċċhom kien jiddi bil‑kbir, sewwasew kien qisu wiċċ l‑anġli. U hu ra li huma kienu qed iħarsu lejn is‑smewwiet; u kienu jidhru bħallikieku kienu qed isemmgħu leħinhom jew jitkellmu ma’ xi ħadd li kienu qegħdin jaraw.

37 U ġara li dan ir‑raġel sejjaħ lill‑folla, biex huma jduru u jaraw. U araw, dawk li daru biex jaraw ġew mogħtija ċerta qawwa; u huma raw wiċċ Nefi u Leħi.

38 U lir‑raġel qalulu: Ara, xi jfisser dan kollu, u dawn l‑irġiel ma’ min qegħdin jitkellmu?

39 Issa dan ir‑raġel kien jismu Għamminadab. U Għamminadab qalilhom: Huma qed jitkellmu mal‑anġli ta’ Alla.

40 U ġara li l‑Lamaniti qalulu: X’jeħtieġ li nagħmlu, biex din is‑sħaba sewda ma tkomplix tgħattina?

41 U Għamminadab qalilhom: Jeħtieġ li tindmu, u ssejħu lil‑leħen, sewwasew sakemm ikollkom il‑fidi fi Kristu, li dwaru ġejtu mgħallmin minn Alma, u Amuleki, u Żeżrom; u meta intom tagħmlu dan, is‑sħaba s‑sewda ma tkomplix tgħattikom.

42 U ġara li huma bdew ilkoll isejħu lil‑leħen li kien heżżeż l‑art; iva, huma komplew isejħulu sakemm is‑sħaba s‑sewda ma baqgħetx aktar hemm.

43 U ġara li meta huma ħarsu ħarsa madwarhom, u raw li s‑sħaba s‑sewda ma baqgħetx aktar tgħattihom, araw, huma raw li lkoll kemm huma kienu jinsabu mdawrin b’kolonna tan‑nar.

44 U Nefi u Leħi kienu jinsabu f’nofshom; iva, kienu jinsabu mdawrin minn kull naħa; iva, kienu jinsabu bħallikieku f’nofs ħuġġieġa nar, madankollu ma beda jagħmlilhom xejn, lanqas ma beda jagħmel ħsara lill‑ħitan tal‑ħabs; u huma mtlew b’hena glorjuża, li ma tistax titfisser.

45 U araw, l‑Ispirtu s‑Santu ta’ Alla niżel mis‑smewwiet, u daħal f’qalbhom, u huma mtlew bħallikieku bin‑nar, u setgħu jlissnu kliem tal‑għaġeb.

46 U ġara li huma semgħu leħen, iva, leħen ħelu, qisu minn taħt l‑ilsien, jgħidilhom:

47 Is‑sliem, is‑sliem għalikom, minħabba l‑fidi tagħkom fil‑Veru Maħbub tiegħi, li ilu sa mill‑ħolqien tad‑dinja.

48 U issa, meta semgħu dan huma għollew ħarsithom bħallikieku biex jaraw minn fejn kien ġej il‑leħen; u araw, huma raw is‑smewwiet jinfetħu; u niżlu l‑anġli mis‑smewwiet u bdew iservuhom.

49 U kien hemm madwar tliet mitt ruħ li raw u semgħu dawn il‑ħwejjeġ; u ġew mitluba biex imorru u ma jistagħġbux, u lanqas jiddubitaw.

50 U ġara li huma marru, u bdew iservu lin‑nies, ixandru mal‑inħawi kollha tal‑madwar il‑ħwejjeġ kollha li kienu semgħu u raw, hekk li spiċċaw jikkonvinċu lill‑parti l‑kbira tal‑Lamaniti, minħabba l‑evidenza daqstant kbira li kienu kisbu.

51 U dawk kollha li rnexxielhom jikkonvinċuhom warrbu l‑armi tagħhom tal‑gwerra, kif ukoll il‑mibegħda u d‑drawwa ta’ missirijiethom.

52 U ġara li huma għaddew f’idejn in‑Nefiti l‑artijiet li kienu ħadulhom.