Skrittura
Ħelaman 1


Il‑Ktieb ta’ Ħelaman

Rakkont tan‑Nefiti. Il‑gwerer u t‑tilwim tagħhom, u d‑diżgwid tagħhom. Kif ukoll il‑profeziji ta’ bosta profeti qaddisa, qabel il‑miġja ta’ Kristu, skont l‑annali ta’ Ħelaman, li kien bin Ħelaman, kif ukoll skont l‑annali ta’ wliedu, sewwasew sal‑miġja ta’ Kristu. U kien hemm ukoll bosta Lamaniti li kkonvertew. Rakkont tal‑konverżjoni tagħhom. Rakkont tat‑tjieba tal‑Lamaniti, u l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tan‑Nefiti, skont l‑annali ta’ Ħelaman u wliedu, sewwasew sal‑miġja ta’ Kristu, li jissejjaħ il‑ktieb ta’ Ħelaman, u aktar.

Kapitlu 1

Paħoran it‑tieni jsir prim imħallef u jinqatel minn Kiskumeni—Pakumeni jokkupa s‑siġġu tat‑tribunal—Kurjantumir imexxi l‑armati Lamaniti, jieħu f’idejh Żaraħemla, u joqtol lil Pakumeni—Moronija jegħleb lil‑Lamaniti u jieħu lura f’idejh Żaraħemla, u Kurjantumir jinqatel. Madwar 52–50 Q.K.

1 U issa araw, ġara li fil‑bidu tas‑sena erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, feġġet problema serja fost il‑poplu Nefita.

2 Għax araw, Paħoran miet, u qabad it‑triq tal‑bnedmin kollha tal‑art; għalhekk beda jqum bosta tilwim dwar min kellu jikseb is‑siġġu tat‑tribunal fost l‑aħwa, li kienu wlied Paħoran.

3 Issa dawn huma l‑ismijiet ta’ dawk li bdew jitlewmu għas‑siġġu tat‑tribunal, u dawn wasslu wkoll biex in‑nies jibdew jitlewmu bejniethom: Paħoran, Panki, u Pakumeni.

4 Issa dawn mhumiex is‑subien kollha ta’ Paħoran (għax hu kellu ħafna), iżda dawn huma dawk li bdew jitlewmu għas‑siġġu tat‑tribunal; għalhekk, huma wasslu biex il‑poplu jinqasam fi tlieta.

5 Madankollu, ġara li Paħoran inħatar permezz ta’ leħen il‑poplu biex ikun prim imħallef u gvernatur fuq il‑poplu ta’ Nefi.

6 U ġara li Pakumeni, meta ra li ma setax jikseb is‑siġġu tat‑tribunal, ingħaqad ma’ leħen il‑poplu.

7 Iżda araw, Panki, u l‑parti mill‑poplu li kellha x‑xewqa li huwa jkun il‑gvernatur tagħhom, inkorlaw bis‑sħiħ; għalhekk, huwa kien għoddu se jibda jipprova jħajjar lil dawk in‑nies biex iqumu kontra ħuthom.

8 U ġara li hekk kif kien għoddu se jagħmel dan, araw, qabduh, u għaddewh ġuri skont leħen il‑poplu, u ġie kkundannat għall‑mewt; għax huwa rribella u pprova jeqred il‑libertà tal‑poplu.

9 Issa meta dawk in‑nies li kellhom ix‑xewqa li huwa jkun il‑gvernatur tagħhom raw li hu ġie kkundannat għall‑mewt, huma mtlew bil‑korla, u araw, huma bagħtu lil wieħed jismu Kiskumeni, sewwasew sas‑siġġu tat‑tribunal ta’ Paħoran, u dan qatel lil Paħoran waqt li kien bilqiegħda fuq is‑siġġu tat‑tribunal.

10 U ġrew warajh il‑qaddejja ta’ Paħoran; iżda araw, fil‑ħarba tiegħu Kiskumeni tant ġera li ħadd ma seta’ jilħqu.

11 U huwa mar għand dawk li kienu bagħtuh, u huma lkoll għamlu patt, iva, fejn ħalfu fuq il‑Ħallieq ta’ dejjem tagħhom, li ma kienu se jgħidu lil ħadd li Kiskumeni kien qatel lil Paħoran.

12 Għalhekk, ħadd minn fost il‑poplu ta’ Nefi ma kien jaf b’Kiskumeni, għax hu ma kienx jingħaraf meta huwa qatel lil Paħoran. U Kiskumeni u t‑tajfa tiegħu, li kienu għamlu patt miegħu, tħalltu man‑nies, b’tali mod li mhux kollha kemm huma setgħu jinstabu; iżda dawk kollha li nstabu ġew ikkundannati għall‑mewt.

13 U issa araw, Pakumeni ġie maħtur, skont leħen il‑poplu, biex ikun prim imħallef u gvernatur fuq il‑poplu, biex imexxi minflok ħuh Paħoran; u dan seħħ skont id‑dritt tiegħu. U dan kollu seħħ fis‑sena erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin; u din waslet fi tmiemha.

14 U ġara li fis‑sena wieħed u erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin, il‑Lamaniti ġabru flimkien armata ta’ rġiel li l‑għadd tagħhom ma jingħaddx, u armawhom bix‑xwabel, u bix‑ximitarri u bil‑qwas, u bil‑vleġeġ, u bl‑elmi, u bil‑pettorali, u b’kull xorta ta’ tarki ta’ kull għamla.

15 U huma reġgħu niżlu biex forsi jidħlu f’battalja man‑Nefiti. U kienu mmexxija minn raġel jismu Kurjantumir; u hu kien ġejt min‑nisel ta’ Żaraħemla; u kien dissidenti minn fost in‑Nefiti; u kien raġel ta’ statura kbira u b’saħħtu.

16 Għalhekk, is‑sultan tal‑Lamaniti, li kien jismu Tubalot, li kien bin Għammoron, ħaseb li Kurjantumir, peress li kien raġel b’saħħtu, kien jiflaħ għan‑Nefiti, bis‑saħħa li huwa kellu kif ukoll minħabba l‑għerf kbir tiegħu, hekk li jekk hu jibgħat lilu huwa jkun jista’ jikseb il‑poter fuq in‑Nefiti—

17 Għalhekk huwa beda jipprovokahom sabiex jimtlew bil‑korla, u ġabar flimkien l‑armati tiegħu, u ħatar lil Kurjantumir bħala l‑mexxej tagħhom, u ordna biex huma jinżlu lejn l‑art ta’ Żaraħemla biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti.

18 U ġara li minħabba daqstant tilwim u daqstant problemi fil‑gvern, huma ma ħallewx biżżejjed għassiesa fl‑art ta’ Żaraħemla; għax huma bdew jassumu li l‑Lamaniti ma kinux se jazzardaw jiġu fil‑qalba ta’ artijiethom biex jattakkaw il‑belt kbira ta’ Żaraħemla.

19 Iżda ġara li Kurjantumir mexa quddiem l‑armata mill‑aktar kbira tiegħu, u ħabat għan‑nies ta’ dik il‑belt, u tant huma mxew b’ħeffa kbira li n‑Nefiti ma kellhomx ħin biex jiġbru flimkien l‑armati tagħhom.

20 Għalhekk Kurjantumir silet ix‑xabla u qatel lill‑għassiesa li kien hemm mad‑daħla tal‑belt, u baqa’ dieħel fil‑belt flimkien mal‑armata kollha tiegħu, u huma qatlu lil dawk kollha li ħaduha magħhom, hekk li huma ħadu f’idejhom il‑belt kollha.

21 U ġara li Pakumeni, li kien il‑prim imħallef, ħarab minn quddiem Kurjantumir, u baqa’ sejjer sa ħdejn is‑swar tal‑belt. U ġara li Kurjantumir tah daqqa u ħabbtu mal‑ħajt, u spiċċa mejjet. U b’hekk ġiet fi tmiemha l‑ħajja ta’ Pakumeni.

22 U issa meta Kurjantumir ra li f’idejh kellu l‑belt ta’ Żaraħemla, u ra li n‑Nefiti kienu ħarbu minn quddiemhom, u sfaw maqtula, u ttieħdu u nxteħtu f’ħabs, u li huwa kien ħa f’idejh l‑aktar fortizza b’saħħitha li kien hemm fil‑pajjiż, huwa għamel il‑qalb tant li kien għoddu se jmur jeħodha kontra l‑pajjiż kollu.

23 U issa huwa ma baqax fl‑art ta’ Żaraħemla, iżda telaq flimkien ma’ armata kbira sewwasew lejn il‑belt ta’ Kotran; għax kien determinat li jmur u jibqa’ għaddej minn fost kulħadd permezz tax‑xabla, ħalli jkun jista’ jikseb f’idejh l‑inħawi tat‑tramuntana tal‑pajjiż.

24 U, peress li hu ħaseb li l‑akbar forzi tagħhom kienu jinsabu fiċ‑ċentru tal‑pajjiż, huwa baqa’ sejjer, u ma tahomx ħin biex jinġabru flimkien ħlief fi gruppi żgħar; u b’dal‑mod huma ħabtu għalihom u permezz tax‑xabla mejtin mal‑art ħallewhom.

25 Iżda araw, li Kurjantumir għażel li jgħaddi miċ‑ċentru tal‑pajjiż kien ta’ vantaġġ kbir għal Moronija, minkejja l‑għadd kbir ta’ Nefiti li kienu sfaw maqtula.

26 Għax araw, Moronija ħaseb li l‑Lamaniti ma kinux se jazzardaw jiġu fiċ‑ċentru tal‑pajjiż, iżda li kienu se jattakkaw il‑bliet tal‑madwar fil‑fruntieri kif kienu għamlu qabel; għalhekk Moronija ordna biex l‑aktar armati b’saħħithom li kellhom għandhom jibqgħu jikkontrollaw l‑inħawi tal‑madwar qrib il‑fruntieri.

27 Għax araw, il‑Lamaniti ma kinux imbeżżgħin kif xtaq hu, iżda huma waslu fiċ‑ċentru tal‑pajjiż, u ħadu f’idejhom il‑belt kapitali li kienet il‑belt ta’ Żaraħemla, u bdew iduru fl‑aktar inħawi importanti tal‑belt, u jimmassakraw lin‑nies, u joqtlu kemm irġiel, nisa, u anke tfal, u ħadu f’idejhom bosta bliet u bosta fortifikazzjonijiet.

28 Iżda meta Moronija sar jaf b’dan, huwa dlonk bagħat lil Leħi b’armata mal‑madwar biex iwaqqfuhom qabel huma jaslu fl‑art ta’ Kotran.

29 U huma hekk għamlu; u hu rnexxielu jwaqqafhom qabel waslu fl‑art ta’ Kotran, u huwa ġġieled magħhom f’battalja, hekk li huma bdew iduru lura lejn l‑art ta’ Żaraħemla.

30 U ġara li Moronija żammhom milli jkomplu fi triqthom lura, u hu ġġieled magħhom f’battalja, hekk li din spiċċat battalja mill‑aktar imdemmija; iva, ħafna kienu li nqatlu, u fost dawk li nqatlu nstab ukoll Kurjantumir.

31 U issa, araw, il‑Lamaniti ma setgħux iduru lura, għall‑ebda naħa, la lejn it‑tramuntana, la lejn in‑nofsinhar, la lejn il‑lvant, u lanqas lejn il‑punent, għax huma spiċċaw iċċirkondati fuq kull naħa min‑Nefiti.

32 U b’hekk Kurjantumir wassal lil‑Lamaniti f’nofs in‑Nefiti, hekk li huma spiċċaw taħt il‑kontroll tan‑Nefiti, u hu stess spiċċa biex inqatel, u l‑Lamaniti kellhom jagħtu lilhom infushom f’idejn in‑Nefiti.

33 U ġara li Moronija ħa f’idejh għal darb’oħra l‑belt ta’ Żaraħemla, u ordna biex il‑Lamaniti li kienu ttieħdu bħala priġunieri għandhom jitilqu ’l barra mill‑pajjiż fis‑sliem.

34 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin.