Skrittura
Ħelaman 4


Kapitlu 4

Id‑dissidenti Nefiti u l‑Lamaniti jgħaqqdu l‑forzi tagħhom flimkien u jieħdu f’idejhom l‑art ta’ Żaraħemla—It‑telfiet li sofrew in‑Nefita huma riżultat ta’ ħżunithom—Il‑Knisja tiddiġenera, u n‑nies isiru dgħajfin bħal‑Lamaniti. Madwar 38–30 Q.K.

1 U ġara li fis‑sena erbgħa u ħamsin kien hemm bosta diżgwid fil‑knisja, u nqalgħet ukoll tilwima fost il‑poplu, hekk li kien hemm ħafna tixrid ta’ demm.

2 U dawk li rvellaw ġew maqtula u mkeċċija ’l barra mill‑pajjiż, u huma marru għand is‑sultan tal‑Lamaniti.

3 U ġara li huma ppruvaw jipprovokaw lil‑Lamaniti biex imorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti; iżda araw, il‑Lamaniti mtlew b’biża’ mill‑aktar kbira, hekk li ma ridux jisimgħu dak li bdew jgħidu dawk id‑dissidenti.

4 Iżda ġara li fis‑sena sitta u ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin, kien hemm dissidenti li minn man‑Nefiti għaddew għal mal‑Lamaniti; u huma rnexxielhom jipprovokaw lill‑oħrajn biex jimtlew bil‑għadab kontra n‑Nefiti; u dik is‑sena bdew ilkoll iħejju għall‑gwerra.

5 U fis‑sena sebgħa u ħamsin huma niżlu biex jaħbtu għan‑Nefiti f’battalja, u taw bidu għall‑ħidma tal‑mewt; iva, hekk li fis‑sena tmienja u ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin huma rnexxielhom jieħdu f’idejhom l‑art ta’ Żaraħemla; iva, kif ukoll l‑artijiet kollha, sal‑art li kienet qrib l‑art ta’ Kotran.

6 U n‑Nefiti u l‑armati ta’ Moronija ġew mġiegħla jaħarbu lejn l‑art ta’ Kotran;

7 U hemmhekk saħħew lilhom infushom kontra l‑Lamaniti, mill‑baħar tal‑punent, sa dak tal‑lvant; u dan kien vjaġġ ta’ ġurnata għal wieħed Nefita, qrib il‑linja li huma kienu ffortifikaw u fejn kienu poġġew l‑armati tagħhom biex jiddefendu l‑art tat‑tramuntana.

8 U b’hekk dawk id‑dissidenti Nefiti, bl‑għajnuna ta’ armata Lamanita mill‑aktar kbira, ħadu f’idejhom dak kollu li n‑Nefiti kellhom fl‑art tan‑nofsinhar. U dan kollu seħħ fis‑sena tmienja u ħamsin u disgħa u ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin.

9 U ġara li fis‑sena sittin tas‑saltna tal‑imħallfin, Moronija rnexxielu flimkien mal‑armati tiegħu jikseb f’idejh bosta nħawi tal‑pajjiż; iva huma reġgħu kisbu f’idejhom bosta bliet li kienu waqgħu f’idejn il‑Lamaniti.

10 U ġara li fis‑sena wieħed u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin huma rnexxielhom jiksbu f’idejhom mill‑ġdid sewwasew nofs artijiethom kollha.

11 Issa din it‑telfa kbira li sofrew in‑Nefiti, u l‑massakru mill‑aktar kbir li seħħ fosthom, ma kinux jiġru li kieku ma kienx għall‑ħżunithom u l‑għemejjel mistkerrha li seħħew fosthom; iva, u dan seħħ ukoll fost dawk li kienu ddikjaraw li huma parti mill‑knisja ta’ Alla.

12 U dan seħħ minħabba l‑kburija ta’ qalbhom, minħabba l‑għana bla qjies tagħhom, iva, dan seħħ minħabba l‑oppressjoni tagħhom fuq il‑foqra, fejn huma jibqgħu lura milli jitimgħu lill‑imġewħin, jibqgħu lura milli jlibbsu lill‑għerja, u jagħtu bil‑ħarta lil ħuthom l‑umli, u jgħaddu ż‑żmien b’dak li hu sagru, u jiċħdu l‑ispirtu tal‑profezija u tar‑rivelazzjoni, u joqtlu, jissakkeġġjaw, jigdbu, jisirqu, u jaqgħu fiż‑żína, u jwasslu għal bosta tilwim minħabba r‑ribelljoni tagħhom, u jingħaqdu mal‑Lamaniti fl‑art ta’ Nefi—

13 U minħabba dan il‑ħażen kbir tagħhom, u l‑ftaħir tagħhom minħabba l‑qawwa tagħhom, huma tħallew għal riħhom; għalhekk huma ma komplewx jikbru fil‑ġid, iżda spiċċaw jesperjenzaw it‑tbatija u l‑kastigi, u ġew imġiegħla jaħarbu minn quddiem il‑Lamaniti, sakemm tilfu kważi l‑artijiet kollha tagħhom.

14 Iżda araw, Moronija xandar lin‑nies bosta ħwejjeġ minħabba ħżunithom, u l‑istess għamlu Nefi u Leħi, li kienu wlied Ħelaman, huma wkoll xandru bosta ħwejjeġ lin‑nies; iva, u ħabbrulhom bosta ħwejjeġ dwar ħżunithom, u minn xiex kellhom jgħaddu jekk ma jindmux minn dnubiethom.

15 U ġara li huma nidmu, u għax nidmu huma beda jkollhom ir‑risq.

16 Għax meta Moronija ra li huma nidmu huwa beda jipprova jmexxihom minn post għall‑ieħor, u minn belt għall‑oħra, sewwasew sakemm huma reġgħu kisbu lura f’idejhom nofs ġidhom u nofs artijiethom kollha.

17 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin.

18 U ġara li fis‑sena tnejn u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin, Moronija ma rnexxielux jikseb aktar mill‑artijiet li kienu f’idejn il‑Lamaniti.

19 Għalhekk huma abbandunaw il‑pjan tagħhom li jiksbu l‑bqija ta’ artijiethom, għax l‑għadd ta’ Lamaniti tant kien kbir li kien sar impossibbli li n‑Nefiti jiksbu fuqhom aktar poter; għalhekk Moronija poġġa l‑armati tiegħu biex jiddefendu dawk l‑inħawi li huwa kien ħa lura f’idejh.

20 U ġara li minħabba li l‑għadd ta’ Lamaniti kien daqstant kbir, in‑Nefiti nħakmu minn biża’ liema bħalha, li ma jmorrux huma jispiċċaw megħluba, u mgħaffġin taħt riġlejn l‑għadu, u jispiċċaw ukoll jinqatlu u jinqerdu.

21 Iva, huma bdew jiftakru fil‑profeziji ta’ Alma, kif ukoll fi kliem Mosija; u għarfu li huma kienu nies ta’ ras iebsa, u li ma kinux taw kas tal‑kmandamenti ta’ Alla;

22 U huma biddlu u għaffġu b’saqajhom il‑liġijiet ta’ Mosija, jew aħjar dak li l‑Mulej ordnalu biex jagħti lill‑poplu; u huma raw li l‑liġijiet tagħhom ma kinux aktar ġusti, u li huma kienu saru nies ħżiena, hekk li kienu spiċċaw ħżiena bħal‑Lamaniti.

23 U minħabba ħżunithom il‑knisja bdiet tiddiġenera; u huma ma baqgħux aktar jemmnu fl‑ispirtu tal‑profezija u fl‑ispirtu tar‑rivelazzjoni; u l‑ħaqq ta’ Alla kien qed iħares dritt f’għajnejhom.

24 U huma għarfu kemm kienu saru nies dgħajfa, bħall‑ħuthom il‑Lamaniti, u li l‑Ispirtu tal‑Mulej ma setax jibqa’ jħarishom aktar; iva, huwa ma kienx baqa’ aktar magħhom għaliex l‑Ispirtu tal‑Mulej ma jgħammarx f’tempji mhux qaddisa—

25 Għalhekk il‑Mulej ma baqax iħarishom aktar permezz tal‑qawwa mirakoluża u inkomparabbli tiegħu, għax huma kienu waqgħu fi stat ta’ nuqqas ta’ fidi u ta’ ħażen mill‑aktar orribbli; u huma raw li l‑Lamaniti kienu ferm aktar numerużi minnhom, u jekk ma kinux se jibqgħu fidili lejn il‑Mulej Alla tagħhom, żgur kienu se jispiċċaw jinqerdu.

26 Għax araw, huma raw li l‑forza tal‑Lamaniti kienet b’saħħitha daqs tagħhom, bniedem għal bniedem. U b’hekk huma waqgħu f’din it‑trasgressjoni daqstant kbira; iva, b’hekk, f’perjodu ta’ ftit snin biss, huma saru nies mill‑aktar dgħajfin, minħabba t‑trasgressjoni tagħhom.