Skrittura
2 Nefi 2


Kapitlu 2

Il‑fidwa tinkiseb permezz tal‑Messija Mqaddes—Il‑ħelsien tal‑għażla (volontà) hu essenzjali għall‑eżistenza u l‑progressjoni—Adam waqa’ biex il‑bnedmin jistgħu jkunu—Il‑bnedmin huma ħielsa li jagħżlu l‑ħelsien u l‑ħajja eterna. Madwar 588–570 Q.K.

1 U issa, Ġakobb, se nkellem lilek: Inti l‑ewwel wild tiegħi fil‑jiem ta’ taħbit tiegħi fid‑deżert. U ara, fit‑tfulija tiegħek inti sofrejt kemm tbatija kif ukoll bosta niket, minħabba l‑ħruxija ta’ ħutek.

2 Madankollu, Ġakobb, l‑ewwel wild tiegħi fid‑deżert, inti taf il‑kobor ta’ Alla; u hu sejjer jikkonsagra t‑tbatija tiegħek għall‑ġid tiegħek.

3 Għalhekk, ruħek se tkun imbierka, u inti se tgħammar b’moħħok mistrieħ ma’ ħuk, Nefi; u żmienek se tqattgħu fis‑servizz ta’ Alla tiegħek. Għalhekk, jiena naf li inti ġejt mifdi, minħabba t‑tjieba tal‑Feddej tiegħek; għax inti rajt li fil‑milja taż‑żminijiet huwa se jiġi biex iġib is‑salvazzjoni lill‑bnedmin.

4 U f’żogħżitek inti rajt il‑glorja tiegħu; għalhekk, imbierek int daqs dawk li lilhom huwa se jimministra fil‑ġisem; għax l‑Ispirtu hu li kien, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem. U t‑triq ilha mħejjija mill‑waqgħa tal‑bniedem, u s‑salvazzjoni hija b’xejn.

5 U l‑bnedmin huma mgħallmin biżżejjed li jagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin. U l‑liġi hi mogħtija lill‑bnedmin. U skont il‑liġi l‑ebda ġisem mhu ġġustifikat; jew, skont il‑liġi l‑bnedmin huma maqtugħin. Iva, skont il‑liġi temporali huma ġew maqtugħin; kif ukoll, skont il‑liġi spiritwali huma jgħibu minn dak li hu tajjeb, u jsiru miżerabbli għal dejjem.

6 Għalhekk, il‑fidwa tiġi fil‑Messija Mqaddes u permezz tiegħu; għax hu mimli bil‑grazzja u l‑verità.

7 Ara, hu offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju għad‑dnub, biex iġib fis‑seħħ l‑għan tal‑liġi, għal dawk kollha li għandhom qalb maqsuma u spirtu niedem; u lil ħadd aktar ma tissodisfa l‑liġi.

8 Għalhekk, kemm hi kbira l‑importanza li dawn il‑ħwejjeġ jixxandru mal‑abitanti tad‑dinja, ħalli huma jkunu jafu li m’hawn l‑ebda bniedem li jista’ jgħammar fil‑preżenza ta’ Alla, ħlief permezz tal‑merti, u l‑ħniena, u l‑grazzja tal‑Messija Mqaddes, li jagħti ħajtu skont il‑ġisem, u jiksibha lura bil‑qawwa tal‑Ispirtu, sabiex ikun jista’ jġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑mewt tal‑mejtin, fejn huwa se jkun l‑ewwel li għandu jqum.

9 Għalhekk, huwa hu l‑ewwel frott għal Alla, minħabba li hu sejjer jidħol għal ulied il‑bnedmin kollha; u dawk li jemmnu fih se jsalvaw.

10 U peress li se jidħol għalihom kollha, il‑bnedmin kollha se jersqu lejn Alla; għalhekk, huma se jieqfu quddiemu, biex hu jagħmel ħaqq minnhom skont il‑verità u l‑qdusija li għandu fih. Għalhekk, l‑għan tal‑liġi li l‑Qaddis ta, sabiex jiġi implimentat il‑kastig marbut magħha, liema kastig marbut magħha huwa f’oppożizzjoni għall‑ferħ marbut magħha, iġib fis‑seħħ l‑għan tal‑espjazzjoni—

11 Għax jeħtieġ li jkun hemm oppożizzjoni f’kollox. Kieku mhux hekk, l‑ewwel wild tiegħi fid‑deżert, il‑ġustizzja ma tkunx tista’ sseħħ, lanqas il‑ħażen, lanqas il‑qdusija jew il‑miżerja, lanqas it‑tajjeb jew il‑ħażin. Għalhekk, kollox jeħtieġ ikun bħallikieku ħaġa waħda; għalhekk, kieku kellu jkun ġisem wieħed kien ikollu jibqa’ bħallikieku mejjet, mingħajr ħajja u lanqas mewt, mingħajr taħsir jew nuqqas tat‑taħsir, mingħajr hena jew miżerja, u mingħajr sens jew insensittività.

12 Għalhekk, kien ikun bħallikieku ġie maħluq għal xejn; għalhekk ma kien ikun hemm l‑ebda għan fl‑intenzjoni tal‑ħolqien tiegħu. Għalhekk, din il‑ħaġa kienet tispiċċa teqred l‑għerf ta’ Alla u l‑għanijiet eterni tiegħu, kif ukoll il‑qawwa, u l‑ħniena, u l‑ġustizzja ta’ Alla.

13 U jekk tgħid li m’hemm l‑ebda liġi, tista’ tgħid ukoll li m’hemm l‑ebda dnub. Jekk tgħid li m’hemm l‑ebda dnub, tista’ tgħid ukoll li m’hemm l‑ebda tjieba. U jekk ma jkun hawn l‑ebda tjieba ma jkun hawn l‑ebda hena. U jekk ma jkun hawn l‑ebda tjieba jew hena ma jkun hawn l‑ebda kastig jew miżerja. U jekk dawn il‑ħwejjeġ ma jeżistux m’hawn l‑ebda Alla. U jekk m’hawn l‑ebda Alla, aħna ma neżistux, lanqas id‑dinja; għax ma kien ikun hawn l‑ebda ħolqien tal‑ebda ħaġa, la biex naġixxu u lanqas biex jaġixxu għalina; għalhekk, kollox kien jispiċċa jgħib.

14 U issa, uliedi, jiena ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ għall‑ġid tagħkom u biex titgħallmu; għax Alla jeżisti, u hu ħoloq kull ħaġa, kemm fis‑smewwiet kif ukoll fl‑art; u dak kollu li hemm fihom, kemm ħwejjeġ li jaġixxu kif ukoll li jaġixxu għalihom.

15 U biex iġib fis‑seħħ l‑għanijiet eterni fil‑fini tal‑bniedem, wara li hu ħoloq l‑ewwel ġenituri tagħna, u l‑bhejjem tar‑raba’ u l‑għasafar tal‑ajru, f’kelma waħda, kull ħaġa li huwa ħoloq, kien jeħtieġ li jkun hemm oppożizzjoni; saħansitra l‑frotta pprojbita f’oppożizzjoni għas‑siġra tal‑ħajja; waħda hija ħelwa u l‑oħra morra.

16 Għalhekk, il‑Mulej Alla ppermetta li l‑bniedem kellu jaġixxi minn rajh. Għalhekk, il‑bniedem ma setax jaġixxi minn rajh sakemm huwa ma jiġix imħajjar minn waħda jew mill‑oħra.

17 U jiena, Leħi, skont il‑ħwejjeġ li jiena qrajt, bla dubju naf li anġlu ta’ Alla, skont dak li hemm miktub, waqa’ mis‑smewwiet; għalhekk, huwa sar xitan, għax fittex dak li hu ħażin quddiem Alla.

18 U peress li waqa’ mis‑smewwiet, u sar miżerabbli għal dejjem, hu pprova wkoll jgħaddi l‑miżerja lill‑umanità kollha. Għalhekk, hu qal lil Eva, iva, sewwasew dak is‑serp tal‑qedem, li huwa x‑xitan, li hu missier il‑gideb kollu, għalhekk huwa qalilha: Kul mill‑frotta pprojbita, u inti ma tmutx, iżda inti ssir bħal Alla, taf it‑tajjeb u l‑ħażin.

19 U wara li Adam u Eva kielu mill‑frotta pprojbita huma tkeċċew mill‑ġnien tal‑Għeden, biex jaħdmu l‑art.

20 U huma welldu t‑tfal; iva, sewwasew il‑familja tad‑dinja kollha.

21 U l‑jiem ta’ wlied il‑bnedmin ġew imtawla, skont ir‑rieda ta’ Alla, ħalli huma jkunu jistgħu jindmu waqt li huma fil‑ġisem; għalhekk, l‑istat tagħhom sar stat ta’ probazzjoni, u żmienhom ġie mtawwal, skont il‑kmandamenti li l‑Mulej Alla ta lil ulied il‑bnedmin. Għaliex huwa ta kmandament li l‑bnedmin kollha jeħtieġ li jindmu; għax hu wera lill‑bnedmin kollha li huma kienu mitlufin, minħabba ksur il‑liġi tal‑ġenituri tagħhom.

22 U issa, araw, kieku Adam ma kisirx il‑liġi, huwa ma kienx jaqa’, iżda kien jibqa’ fil‑ġnien tal‑Għeden. U kull ħaġa li ġiet maħluqa kienet tibqa’ fl‑istess stat li kienet fih wara li nħolqot; u huma kienu jibqgħu għal dejjem, u ma kien ikollhom l‑ebda tmiem.

23 U ma kien ikollhom l‑ebda tfal; għalhekk kienu jibqgħu fi stat ta’ innoċenza, bla ma jkollhom l‑ebda hena, għax ma kienu jkunu jafu bl‑ebda miżerja; ma jwettqux it‑tajjeb, għax ma kienu jkunu jafu bl‑ebda dnub.

24 Iżda araw, kollox seħħ fl‑għerf ta’ dak li jaf kollox.

25 Adam waqa’ biex il‑bnedmin jistgħu jkunu; u l‑bnedmin huma, ħalli jkunu jistgħu ikollhom l‑hena.

26 U l‑Messija għandu jiġi fil‑milja taż‑żmien, sabiex huwa jkun jista’ jifdi lill‑ulied il‑bnedmin mill‑waqgħa. U minħabba li huma ġew mifdijin mill‑waqgħa huma saru ħielsa għal dejjem, jagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin; biex jaġixxu minn rajhom u mhux xi ħadd jaġixxi għalihom, ħlief permezz tal‑kastig tal‑liġi fil‑jum kbir u aħħari, skont il‑kmandamenti li Alla ta.

27 Għalhekk, il‑bnedmin huma ħielsa skont il‑ġisem; u jiġi mogħti lilhom dak kollu li hu essenzjali għall‑bniedem. U huma ħielsa li jagħżlu l‑ħelsien u l‑ħajja eterna, permezz tal‑Medjatur il‑kbir tal‑bnedmin kollha, jew li jagħżlu l‑jasar u l‑mewt, skont il‑jasar u l‑qawwa tax‑xitan; għax hu jara x’jagħmel biex il‑bnedmin kollha jkunu miżerabbli bħalu.

28 U issa, uliedi, nixtieq li intom tħarsu lejn il‑Medjatur il‑kbir, u tagħtu widen għall‑kmandamenti kbar tiegħu; u tkunu fidili lejn kliemu, u tagħżlu l‑ħajja eterna, skont ir‑rieda tal‑Ispirtu Qaddis tiegħu;

29 U mhux tagħżlu l‑mewt eterna, skont ir‑rieda tal‑ġisem u l‑ħażen li hemm fih, li jagħtu lill‑ispirtu tax‑xitan il‑qawwa li jitfagħkom fil‑jasar, li jixħitkom fl‑infern, sabiex ikun jista’ jaħkem fuqkom fis‑saltna tiegħu.

30 Jiena għidt dan il‑ftit kliem lilkom ilkoll, uliedi, fl‑aħħar jiem ta’ probazzjoni tiegħi; u jien għażilt il‑parti t‑tajba, skont kliem il‑profeta. U m’għandi l‑ebda oġġettiv ieħor ħlief il‑ġid etern ta’ ruħkom. Ammen.